Konkatidral ta’ San Ġwann

13 ta’ Novembru, 2011


Eċċellenza Sur President ta’ Malta u Sinjura Abela,

Illum qegħdin niċċelebraw Jum it-Tifkira, li bdiet wara l-Ewwel Gwera Dinjija, iżda li llum tfakkarna fiż-żewġ gwerer dinjija tas-seklu li għadda.

It-Tifkira ssir għal diversi raġunijiet. Issir biex niftakru f’dawk kollha, dawk fil-militar u ċivili, li tilfu ħajjithom tul dawn iż-żewġ gwerer. Ħafna drabi niftakru f’atti ta’ erojiżmu u ta’ solidarjeta’ li saru f’dawk il-gwerer. Huwa l-jum li aħna bħala rikonoxximent nuru l-apprezzament tagħna billi nagħtu minn tagħna lil dawk li dawn in-nies ħallew warajhom. Għalhekk saret magħrufa bħala l-Poppy Day.

Iżda dan il-Jum ma jistax ikun sħiħ jekk ma niftakrux ukoll f’kemm mewt u tbatija ġġib kull gwerra magħha. Ftit ilu kont qiegħed fiċ-ċimiterju ta’ Braxia, u għajnejja marru fuq il-kitbiet tal-oqbra. Ħafna minnhom, wara l-isem, kellhom l-eta’ tal-persuna mejta. Kważi kollha kienu fl-għoxrinijiet, ftit inqas, jew ftit iktar. U f’qalbek jiġi wkoll il-ħsieb: dawn ma misshomx tilfu ħajjithom daqshekk żgħar! Kellhom ħafna iktar x’jagħtu lill-umanita’, lil pajjiżhom u lill-familji tagħhom. U dan kollu ġie moħli hekk!

Fil-waqt ta’ gwerer aħna nisimgħu ukoll b’atti ta’ valur li jġagħluna nistagħġbu u naħsbu: atti ta’ solidarjeta’, atti ta’ kuraġġ imnebbħin minn ideali. Kultant inqiegħdu din id-domanda: għaliex il-valuri li nużaw waqt il-gwerer ma nużawhomx bl-istess forza biex nibnu l-paċi: l-iżvilupp, is-solidarjeta’?

Allura dan il-Jum ta’ Tifkira għal dawn l-aħwa kollha li ħallew ħajjithom fil-kamp ta’ gwerra, jrid ikunu ukoll ta’ valur għalina li qed ngħixu llum u għall-ġejjieni tal-umanita’. Kull wieħed u waħda minna rridu nżommu l-paċi f’qalbna u nagħmlu dak li nistgħu, biex nibnu  l-paċi. Din il-paċi li tibda mir-relazzjonijiet ta’ bejn il-persuni,  li tkompli f’relazzjonijiet iktar wesgħin, fis-soċjeta’,  fil-pajjiżi u bejn il-pajjiżi. Irridu nħossuna responsabbli anki aħna għall-aħjar tal-ġenerazzjoni li qegħdin ngħixu fiha, iżda wkoll għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Il-fatt li ġejna hwnhekk fi Knisja turina dimensjoni oħra ta’ din il-missjoni: id-dimensjoni spiritwali. Ġejna hawnhekk biex nitolbu għal dawk li mietu fiż-żewġ gwerer, u għal dawk li batew minħabba l-gwerer. Magħhom nistgħu ngħaqqdu ukoll il-gwerer kollha isiru fejn isiru, isiru meta jsiru. Iżda ġejna hawnhekk ukoll biex insaħħu bil-fidi tagħna l-impenn tagħna għall-paċi fi ħdan l-umanita’.

Iżda n-nisrani jiġi wkoll fil-Knisja biex jiġi mdawwal mill-Kelma ta’ Alla ħalli l’impenn għall-paċi jiġi mnebbaħ minn din il-Kelma.

Il-Kelma ta’ Alla għal dan il-Ħadd twasslilna nterpretazzjoni tal-istorja li tgħinha naħdmu għall-paċi anki fid-dawl tad-dimensjoni tal-fidi tagħna.

Fit-tieni lezzjoni ta’ llum, meħuda mill-I Kor, San Pawl ifakkarna li hemm viżjoni fil-ġejjieni: għandna futur, wara l-limitazzjonijiet ta’ din id-dinja. U l-viżjoni ta’ dan il-futur tintrabat mal-pjan ta’ Alla għall-Bniedem. Ir-rakkont tal-Ħolqien fil-Ġenesi jitkellem fuq paċi u sliem fil-Pjan tiegħu. U l-viżjoni li jagħtina tal-ġejjieni tikkorabora dan b’viżjoni ta’ ġejjieni fejn il-bniedem jgħaddi għal realta’ ta’ paċi u sliem wara din id-dinja. Dan jimla b’tama fin-nisrani għal dawk kollha li ħallew ħajjithom għal kawża ġusta. Iżda n-nisrani li jittama għal din ir-realta’ ma jistax jinqabad f’dikotomija: jixtieq din id-dehra ta’ paċi, iżda ma jaħdimx għaliha. It-tama tan-nisrani tgħinu u timmotivah biex jaħdem għall-Paċi anki hawnhekk fuq din l-art, li biha tkun qed tinbena b’mod misterjuż, is-Saltna ta’ Alla. San Pawl itemm din is-silta b’sejħa lin-nisrani: “Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum… Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies”. San Pawl diġa jintepreta din l-istennija bħala effett fuq il-ħajja hawnhekk.

Fil-Vanġelu ta’ llum, għandna l-interpretazzjoni tal-istorja mil-lat tat-talenti. Kollox huwa don u mogħti minn Alla lill-bniedem, iżda l-bniedem irid jagħti rendikont lil Alla ta’ kollox. Il-bniedem  li jirċievi kollox mingħand Alla jiġi wkoll maħtur kustodju tiegħu. Dan jidher fil-Kelma ta’ Alla kemm fl-istorja ta’ Adam u Eva li jiġu mitlubin jagħtu rendikont għaliex ma għamlux dak li qalilhom Alla, kif ukoll fl-istorja ta’ Kajjin u Abel, fejn Kajin jiġi mitlub jagħti rendikont tal-qtil ta’ ħuħ.

Meta l-Mulej ħalaq id-dinja huwa ta lill-bniedem dak li nistgħu nagħmlu paragun tiegħu mat-talenti. Huwa tah lill-bnedmin l-oħra bħala Don (ara l-għotja ta’ Eva lil Adam), u tah il-ħolqien kollu biex jaħkmu u u jieħu ħsiebu. Il-gwerer kollha jibdew proprju meta dawn il-prinċipji ma jiġux aċċettati, jew l-ispirtu tal-bniedem jiġi żmarkat fihom. Dan jiġri meta l-bniedem l-ieħor, jew il-bnedmin l-oħra jiġu magħrufin bħala għedewwa u mhux bħala ko-eredi ta’ din id-dinjita’. Jiġri meta l-komunitajiet jieħdu s-solidarjeta’ bħala ħaġa li tifridhom mill-oħrajn iktar milli bħala koordinament li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn ir-razez. Jew meta l-inġustizzja u l-faqar isiru mezz ta’ dominazzjoni ta’ persuni jew stati oħra.

Fi żmienna, iktar minn qabel,  qegħdin nassistu għal theddida oħra: it-talent li hu l-ambjent jiġi abbużat jew moħli hekk li jsir ta’ theddida għall-umanita’ kollha. Dan il-kliem ta’ Ġesu’ nistgħu narawh kuljum b’mod speċjali fil-qerda tal-ambjent ta’ madwarna:  “Kull min għandu jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux jitteħidlu saħansitra dak li għandu”.  Il-ħsieb li n-nisrani jrid jagħti rendikont ta’ dan kollu lil Alla l-Imbierek għandu jimbuttah biex jagħmel kollox skont id-dinjita’ li bih ingħata lilu bħala kollaboratur ma’ Alla l-Ħallieq fl-iżvilupp tal-ħolqien.

Fl-ewwel lezzjoni ta’ llum, meħud mill-Ktieb tal-Proverbi,  għandna xbieha t’ armonija familjari. Il-ktieb jitkellem ħafna fuq il-familja bħala dik li tittrasmetti armonija fil-mod ta’ ħajja tagħha. F’din il-viżjoni għandna l-aspetti kollha tal-għajxien ta’ paċi fi ħdan l-umanita’: taħdem; tiftaħ idejha mal-foqra, tmidd idejha lejn l-imsejken; mhux dak li jidher biss fl-estern, iżda l-biża’, r-rispett lejn il-Mulej u t-tagħlim tiegħu.

Il-familja rridu nakkwistawha bħala edukatriċi ta’ dawk il-valuri u dispozizzjonijiet  li jwasslu għall-paċi u mhux għall-firda, għar-rispett lejn il-bniedem u n-natura, u mhux għall-egojiżmu fejn il’Jien’ ikun lest li jabbuża minn kollox, mill-bniedem u min-natura. Is-soċjeta’ tagħna trid tinvesti iktar fil-familja, fl-armonija li jrid ikun hemm fil-familji biex isservi ta’ mod  ta’ xbieha fuq is-soċjeta’ nfisha. L-edukazzjoni kollha, is-sistema tal-edukazzjoni tkun ħafna iktar effikaċi jekk tkun biss il-kontinwazzjoni ta’ dak li qed jesperjenzaw it-tfal fil-familji tagħhom.

B’dan il-mod ta’ ħsieb, nkunu qegħdin nagħtu l-ikbar ġieħ lil dawk li taw ħajjithom, biex jiksbu dak li huma ħasbu li jkun l-aħjar għall-paċi  tal-umanita’. Jalla, u dejjem iktar, il-memorja tagħhom tispirana ħalli bl-istess kuraġġ u determinazzjoni nibnu soċjeta’ iktar solidali, aktar fis-sliem, mhux bil-gwerer, iżda b’soċjeta’ li tifhem li l-paċi ma tiġix weħidha, iżda bl-isforz kollettiv ta’ kull wieħed u waħda minna, f’kull mument. B’hekk biss nistgħu ngħidu li s-sagrifiċċju ta’ dawk ħutna sewa għal ġejjieni aħjar għall-umanita’.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta