Knisja Parrokkjali, Żurrieq

15 ta’ Novembru 2011

Ħuti,

aħna ġejna hawnhekk għaliex għal xi raġuni jew oħra ġejna mistiedna minn dawn it-tlett żgħażagħ biex nitolbu u nifirħu magħhom.  Dawn it-tlett żgħażagħ semgħu is-sejħa tal-Mulej biex huma jagħtu ruħhom lilu ħalli jaqdu l-Knisja fis-sċerdożju ministerjali.

Imma sakemm jaslu għal dak il-jum huma għandhom xi tappi differenti. L-ewwel tappa hija l-Lettorat jiġifieri jidraw li jkollom imħabba aktar lejn il-kelma u jservuha.  Imbagħad fil-ministeru tal-Akkolitat jibdew jaqdu u jervu aktar mill-qrib l-Ewkaristija, imbagħad jibdew il-mixja tagħhom fl’Ordni Sagri. Jieħdu l-ewwel grad ta’ l-Ordni Sagri li huwa d-Djakonat, imbagħad jieħdu t-tieni grad ta’ l-Ordni Sagri li huwa propju s-saċerdożju ministerjali. U illum aħna nistgħu nirriflettu fuq il-Lettorat u l-Akkolitat li llum dawn it-tlett semjinaristi se jingħatalhom bħala ministeru.

Kieku kellna ngħidu aħna, imma esternament x’se jbiddlu dawn iż-żewġ ministeri? Ministeru tal-Lettorat ifisser mod speċjali li naraw li dak li se jirċevih jaqra hawnhekk fuq l-ambone. Hekk biss esternament.  Jekk naraw il-ministeru tal-Akkolitat aħna se naraw dawk li se jirċievu dan il-ministeru jgħinu fit-tqarbin, jagħtuna l-Ostja kkonsagrata biex aħna nkunu nistgħu nitqarbnu.  Daqshekk biss jekk aħna ngħixuhom biss esternament.

Il-veru qawwa tal-ministeri li se jingħataw lil dawn it-tlett kandidati mhuwiex f’dak li jidher imma dak li hu moħbi taħt dan il-ministeru.  Nistgħu ngħidu li f’dawn iż-żewġ ministeri aħna qegħdin inkopru l-aktar ħwejjeġ importanti fil-ħajja ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Bil-Lettorat aħna qegħdin niftakru li Sidna Ġesu Kristu ġie fostna bħala l-Verb t’Alla.  Jiġifieri dik il-kelma li wieħed ikun jaqra ġiet mogħtija lilna minn Sidna Ġesu Kristu mhux bħala ktieb imma bħala kelma, bħala figura, bħala Ġesu li ġie fostna biex jagħtina dik il-kelma.  Ir-rwol ta’ min se jkun fl’uffiċċju ta’ Lettur huwa li l-kelma li se jaqra mill-ktieb jerġa jagħmilha ħajja,  jerġa jagħmilha kelma biex hekk aħna lkoll li nisimgħu dik il-kelma ġo fina, ma tibqax qari minn ktieb, imma issir verament kelma li tbiddel, li tqanqal u tqaddes.  Dan hu l-ministeru moħbi li se jirċievi Leonard illum.

Meta aħna nitkellmu fuq il-ministeru l-ieħor aħna qed ngħidu fuq it-tieni misteru kbir fil-ħajja ta’ Ġesu li huwa l-misteru tal-Għid tat-tbatija, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu.  U aħna ngħidu li l-Ewkaristija hija tiġdid sagramentali, jiġifieri taħt xi forma li tidher, taħt simbolu li jidher, tiġdid sagramentali tal-misteru tal-Għid.  Jiġifieri dik ix-xbieha li aħna jkollna quddiemna se timbidel fil-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesu Kristu li tahielna bħalma qalilna S. Pawl propju fl’aħħar ċena.  Aħna nkunu qegħdin inqassmu dak li jfakkarna f’dan il-misteru kbir li permezz tiegħu aħna ġejna salvati.

La dan huwa veru, ħuti, allura m’hemmx għalfejn ngħidu li hemm żewġ affarijiet li huma importanti.  Ma tistax tkun dixxiplu fidil f’dawn il-ministeri jekk ma tgħixhomx spiritwalment.  Biex inħejju ruħna għalihom irridu spiritwalment niftakru kull darba dak li jirrapreżentaw, ħalli mbagħad dak li joħroġ minn ġo fina, is-servizz, ikun frott ta’ esperjenza spiritwali li nkunu għamilna. U din – jekk ma jimpuratx, ngħid kelma tgħodd għalina lkoll – u din forsi Sidna Ġesu Kristu għamilienha ftit aktar diffiċli għax tant huma affarijiet żgħar li mis-sensi tagħna biss m’aħniex se nifhmu l-misteru li hemm moħbi.  Huwa fi ktieb, jekk ma tidħolx ġewwa fik u tagħraf l-Ispirtu, fejn se tagħraf il-kelma ta’ Ġesu li qalilna elfejn sena ilu?  U taħt ix-xbieha ta’ Ostja, daqshekk żgħira, fejn se tagħraf  li hemmhekk hemm il-preżenza ta’ Ġesu jekk speċjalment ma tħejjijx ruħek għal dawn iż-żewġ misteri kbar?

Jiena naħseb li llum it-tlett lezzjonijiet li intom għidtuli li se jkunu dawk li jakkompanjawkom f’din iċ-ċelebrazjoni, il-Mulej kapaċi li takom tlett pariri li huma importanti ħafna.

L-ewwel parir kont nibda minn dak li qrajna fit-tieni lezjoni tal-lum meta S. Pawl qed ifakkar fl’aħħar ċena. Imbagħad jagħmel il-konklużjoni tiegħu: “Jekk intom ma tistagħġbux quddiem din l-aħħar ċena fejn Kristu tana lili nnifsu, lanqas se tindunaw bl’iżbalji, bid-difetti li jkun hemm u allura jista’ jkun,”  qed jgħidilna S. Pawl b’mod li kien verament iebes, “li allura nistgħu aħna l-iżbalji tagħna lanqas narawhom quddiem il-kobor tas-safa, tal-qdusija ta’ dak li hemm fl’Ewkaristija”.  Din hija l-ewwel riflessjoni li tatna llum l-kelma t’Alla.  Iktar ma tistagħġeb f’dak il-misteru, jew ħa ngħiduha b’mod negattiv, jekk ma tibqax tistagħġeb bil-misteru li hemm fl’Ewkaristija, faċli li int tersaq lejn l-Ewkaristija, forsi tqassam l-Ewkaristija mingħajr spirtu ġewwa fik li jwassal dak li hi l-Ewkaristija.

It-tieni ħsieb li naħseb fil-lezzjonijiet il-Mulej irid jipprovdilna, lilkom imma anke wkoll lilna, għandna l-Vanġelu (Lq 19, 1-10) tal-lum.  Għandna lil Żakkew li kellu xewqa kbira li jisma’ l-Mulej, kellu ħeġġa tant li tela’ fuq siġra biex jisimgħu u mbagħad jiltaqa’ ma’ Ġesu.  Naħseb tiftakru xi qrajna.  Kif jiltaqa’ ma’ Ġesu mal-ewwel iħoss ġewwa fih ix-xewqa li jbiddel il-kwalita ta’ ħajtu.  Bħala publikan kien moħħu fil-flus; f’daqqa waħda jgħid: “nofs ġidi se nagħtih, l-inġustizzji li għamilt inroddhom erba’ darbiet iżjed”.  Mela t-tieni ħsieb li jagħtina llum Sidna Ġesu Kristu: ma tistax tkun f’ministeru tal-Mulej Ġesu jekk inti ma tħossx li għandek tagħmel bidla f’qalbek li allura ma tkunx eżatt skont il-kultura li nkunu qed ngħixu fiha.  Il-kultura li għallimna Ġesu fil-Vanġelu tmur lil hinn mill-kultura f’kull żmien u post.  U allura llum ifisser anke għalikom b’mod speċjali li tgħidu: “Mulej jiena llum bħalma għamel Żakkew, nara ftit x’hemm f’ħajti li jrid jimbidel u jiena lest li nibdlu għalik”.  Biex verament min jagħtik l-Ewkaristija ikun ippreparat.

L-aħħar ħsieb li kellna fl-ewwel lezzjoni mit-tieni ktieb tal-Makkabbin. Fi fit kliem, dak li jirrakkonta hawn jgħid li kien hemm xi sultan li kien pagan, daħal ġewwa l-poplu Lhudi u riedu li jdur, il-kultura tiegħu jagħmilha pagana.  U dawn irreżistewh.  U għandna l-istorja ta’ wieħed anzjan li jismu Elgħażar.  U Elgħażar jitkellem  u l-ewwel jgħidilhom: “jiena żgur mhux se niekol mill-laħam li huma kienu jqisuh imniġġeż”.  Imbagħad qalulu: “Ħa nagħmlu biċċa xogħol”, għax kienu jirrispettawh, “taf x’nagħmlu?  Agħżel il-laħam int, dak li hu tajjeb għalik, mhux tal-majjal li ma tistax tiekol u quddiem in-nies tidher li tkun qed tobdi waqt li tkun qed tiekol l-ikel tajjeb skont il-kuxjenza tiegħek”. U hu weġibhom hekk: “imma jien mhux il-kuxjenza tiegħi biss tgħodd; iz-zgħazagħ se jarawni niekol u min għalihom hu ikel imniġġeż, tal-majjal. U jiena allavolja nkun qed niekol il-laħam tajjeb, xorta ma nkunx qed inkun ta’eżempju għalihom” (ara 2 Mak 6, 24-28).  U din hija t-tielet: aħna rridu wkoll bil-mod kif inġibu ruħna, aħna rridu nkunu bħal Elgħażar. Min jarana nservu l-kelma t’Alla u l-Ewkaristija, irid jara f’dak li nagħmlu aħna, anke minn barra, li aħna qed nagħmlu dak li hemm ġewwa fina.  Anke l-eżempju tagħna, ix-xhieda tagħna, qed nitkellem għalina s-saċerdoti, għalina lkoll, l-eżempju tagħna irid ikun dak li jakkompanja l-misteru li hemm moħbi f’dawn iż-żewġ ministeri li se jingħataw lil dawn il-kandidati.

Jiena nagħlaq b’dak li smajna fis-Salm tal-lum. Tistgħu żżommuh f’qalbkom għax il-Mulej, la darba takom is-sejħa, se jakkompanjakom.  U smajna hekk: “Inti tarka madwari, int l-ġieħ tiegħi” għax tahulna hu, “int terfagħli rasi biex inkun nista’

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta