-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-100 sena Parroċċa ta’ Birżebbuġa
-
Knisja Parrokkjali ta’ Birżebbuġa
9 ta’ Settembru 2013
Ħuti, aħna llum qegħdin niċċelebraw l-ewwel ċentinarju minn meta din il-komunità li kienet hawnhekk saret komunità parrokkjali jiġifieri saret komunità li għandha d-dimensjoni tagħha li tevanġelizza. Dan li ġara mitt sena ilu; kien hemm diġa komunità li qiegħda tgħix f’din il-lokalità u l-Isqof ta’ dak iż-żmien ta r-responsabbiltà ta’ dan il-post ta’ Birżebbuġa. Din il-parroċċa trid tieħu ħsieb mhux biss dawk li jiġu fil-knisja, għax aħna rridu nkunu evanġelizzaturi ta’ dawk li ma jiġux fil-knisja wkoll,ħalli nressquhom qrib il-Mulej Ġesu. Din hija l-missjoni li din il-parroċċa għandha.
U aħna nirringrazzjaw lil-Mulej. Min jaf kemm hemm minnkom jafu eżatt l-istorja ta’ dawn il-mitt sena, kemm kien hemm nies qalbiena ta’ fidi li permezz tagħhom aħna llum stajna jkollna l-wirt ta’ din il-Knisja li fiha ltqajna lkoll illum f’isem l-Mulej Ġesu.
Imma jiena xtaqt iktar milli nitkellem fuq l-istorja, nitkellem fuq il-futur: il-mitt sena li ġejjin, il-komunità nisranija u parrokkjali li hawn Birżebbuġa x’se tkun? Kif se nagħmlu llum biex meta, jekk il-Bambin irid, mitt sena oħra ikunu qegħdin jiċċelebraw jgħidu: dawn il-wirt ħadu ħsiebhom u għaddewh lilna. U qed ngħid dan għax illum S. Pietru b’mod speċjali jwassal lilna u lil dawk li qed jikteb fuqhom, iwasslilhom dan il-messaġġ.
Ħa nibdew mill-Vanġelu tal-lum. Sidna Ġesu Kristu kien qed jitkellem fuq l-Ewkaristija. Tafu li din is-silta hija l-aħħar parti ta’ dak li hemm f’kapitlu sitta fuq l-Ewkaristija fil-Vanġelu ta. S. Ġwann. Sidna Ġesu Kristu jgħidilhom: “tridu tieklu ġismi u tixorbu demmi”, , ma kientx faċli jaċċettaw dan il-kliem, u ħafna telquh. Kien hemm anke minn fost it-tnax li bdew jiddubitaw minn Sidna Ġesu Kristu u mill-kliem tiegħu u allura Sidna Ġesu Kristu kellu jagħmlilhom dik il-proposta li hija proposta fundamentali, ġejja mill-fond: “tridux titilqu intom ukoll?”. U kien S. Pietru li dak il-ħin lil Ġesu qallu: “Mulej”, ma qallux fihmtek, qallu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Inti biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem”. Araw ftit xi professjoni ta’ fidi għamel S. Pietru: “tgħidilna x’tgħidilna, Mulej, aħna lesti li nilqugħ”. Allavolja S. Pietru, bħalma tafu, xi drabi m’aċċettax dak li qallu l-Mulej. Per eżempju meta Ġesu qallu li hu se jkun dak li se jmexxi l-Knisja. Pietru wieġbu: “Kif, jiena, midneb?” Meta Sidna Ġesu Kristu qal lill-appostli tiegħu li huma se jkunu sajjieda tal-bnedmin, meta qal lil S. Pietru li hu se jaħsillu riġlejh, meta qal lil S. Pietru li huma se jarawh propju fuq salib. San Pietru wera li ma jaqbilx. Imbagħad araw x’bidla saret f’S. Pietru; agħmlu paragun ta’ S. Pietru qabel ma niżel l-Ispirtu s-Santu fuqu u S. Pietru wara li niżel l-Ispirtu s-Santu li allura beda jaċċetta l-kliem ta’ Ġesu kollu kemm hu.
Ħuti, l-ewwel proposta li nagħmlilkom: jekk din il-knisja hija ddedikata lil S.Pietru, u b’mod speċjali S. Pietru fil-ktajjen, din il-komunità għandha tkun taf li tgħid dak il-kliem li qal S.Pietru: “għand min tridna mmorru, Mulej?”. U tafu llum kemm għandna fejn nistgħu immorru u nisimgħu u naraw. Għand min tridna mmorru Mulej? Inti biss għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem. Din il-komunità parrokkjali trid tikber dejjem iktar bil-kelma tal-Mulej Ġesu. Kif tista’ taċċetta lil S.Pietru propju fil-kliem li smajna llum jekk imbagħad int ma tippruvax tagħmel ħiltek biex titkellem fuq Ġesu għax taf min hu. Hekk għamel S. Pietru, kien jitkellem fuq Ġesu ma’ dawk li beda jiltaqa’ magħhom. Mela din hija l-ewwel proposta: ejjew nagħmlu iktar sforz biex il-kelma t’Alla fostna tkun ħajja u nkunu nafu x’inhi.
It-tieni riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom hija dwar il-bidla li saret f’San Pietru. Tiftakru S.Pietru kemm kien qawwi u l-ewwel irid joħroġ is-sejf, imbagħad nisimgħu minn din l-ewwel ittra ta’ S. Pietru (2, 1-8) fejn jgħid dan il-kliem fuq il-poplu t’Alla. Hu jgħidilhom: “Intom poplu maħtur, intom nazzjon qaddis, intom poplu saċerdotali”. Mhux qed jgħidha biss għal dawk ta’ żmienu, imma kull komunità Nisranija għax għanda din id-dinjita. Nixtieq li intom taħsbu fuqha; xi darba tkunu fil-kwiet u tgħidu: Mulej, jien membru ta’ dan il-poplu li huwa miksub, nazzjoni qaddis, poplu saċerdotali. Intom tafu ħuti, li d-dinjità tal-knisja mhijiex qiegħda fil-ġebel, id-dinjità tal-knisja qiegħda f’kull wieħed u waħda minna li Alla l-Imbierek permezz tal-Ispirtu s-Santu għamilna tempju tiegħu. Kieku m’hawnx intom, kieku dan kien ikun mużew, u aħna x’jinteressana li din il-knisja tkun mużew? Aħna jinteressana li tkun knisja ħajja b’komunità ħajja li kapaċi turi lil Sidna Ġesu Kristu.
Imbagħad ikompli S.Pietru b’dik il-ħlewwa kollha, qed jgħidilhom kemm għandhom dinjità, imbagħad meta jitkellem magħhom jgħidilhom: “Ikbru f’dar spiritwali”. Kemm hi sabiha li aħna flimkien nagħmlu dik li mbagħad kien ir-rwol ta’ S.Pietru bħala dak li Sidna Ġesu Kristu kien għażlu biex ikun il-kap tal-Knisja biex jiġbor lil aħwa kollha flimkien u jagħmilhom poplu wieħed, dar waħda. U aħna, ħuti, irridu nagħmlu sforz. Aħna ma ninbnewx f’komunità biss għax kumbinazzjoni nkunu hawnhekk jew għax kumbinazzjoni aħna minn Birżebbuġa. Aħna nibnu komunità kull darba li ngħinu lil xulxin, kull darba li ngħidu kelma tajba lil xulxin, kull darba li nkunu flimkien u aħna nħossu li hemm Sidna Ġesu Kristu ġewwa fina u f’nofsna.
Għalhekk din hija t-tieni proposta li xtaqt ukoll nagħmel lilkom: ejjew nindunaw bid-dinjità tagħna, emmnuha ħuti, qed jgħidilna S. Pietru, emmnuha. Aħna poplu qaddis? Aħna nazzjon qaddis? Aħna poplu saċerdotali? Aħna, ħuti! Jiena u intom! U S. Pietru jgħid għaliex. Għaliex b’hekk tkunu tistgħu toffru s-sagrifiċċju lil Alla l-Imbierek! Kemm hu sabih! Jimporta ngħid xi ħaġa ta’ żmienna? Il-bieraħ kemm impressjonajt ruħi, meta kien hemm il-velja fi pjazza San Pietru, il-poplu kattoliku kollu qiegħed jitlob għal popli Misilmin! Ma nafx jekk ħassejtuhiex, imma jiena ħassejtha. Il-poplu kattoliku kollu, għax hekk qalilna l-Papa Franġisku, qiegħed jitlob għal dawk il-Misilmin kollha li qegħdin fi ġlied bejniethom! Huwiex sinjal tas-sagrifċċju ħuti, huwiex sinjal tal-qdusija tagħna meta aħna kapaċi, f’isem Kristu, inwassllu t-talb ta’ dawn il-bnedmin li qegħdin ibatu tant propju minħabba dawn il-gwerer li għandhom? U allura ejjew ħuti inkunu ferħanin, ma nistħux li aħna nsara. Ejjew mhux b’suppervja, għax kif jgħidilna S. Pietru aħna l-qdusija tagħna mhijiex tagħna, imma ejjew inkunu kburin li aħna Nsara.
It-tielet riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom neħodha mill-ewwel lezzjoni li smajna llum mill-Apokalissi li kien kiteb l-appostlu u evanġelista S.Ġwann. U hemmhekk rajna viżjoni sabiha. San Ġwann, lilna ipparagunana ma’ l-għarusa ta’ Kristu, ġejja biex tiltaqa’ ma’ Kristu. Aħna l-għarusa ta’ Kristu! Intom u jien aħna l-għarusa ta’ Kristu. Tifhmu ħuti, meta qed ngħid dan il-kliem, ma nistgħux nikkontentaw rwieħna bi ftit. Meta għarusa tkun qed tipprepara ruħha għaż-żwieġ kemm tagħti każ, kemm toqgħod attenta għall-affarijiet żgħar biex kollox imur tajjeb. Aħna wkoll bħala poplu li għad ikun l-għarusa ta’ Alla l-Imbierek, aħna wkoll rridu nkunu attenti biex insiru qaddisin, kull wieħed u waħda minna! Issir qaddis tfisser li tħobb l’Alla l-Imbierek, dik tfisser il-qdusija! Għax fil-fatt aħna smajna anke fl-ewwel lezzjoni tal-lum li Alla se jġedded kollox. Dak kollu li aħna naraw qed nippreparawh biex xi darba Alla l-Imbierek jagħmlu xi ħaġa li qiegħda fl-eternita.
Allura t-tielet ħaġa: tqisux meta tkunu qegħdin tikbru flimkien dak biss li jibqa’ hawnhekk fuq din l-art, qiesu ftit li fil-ġenna se jkun hemm l-imħabba, mela inkabbarha hawn f’din l-art, fil-ġenna se jkun hemm il-paċi mela ngħix fil-paċi hawnhekk! Aħna ridu nippreparaw rwieħna għax aħna m’aħniex għal dejjem, postna fis-saltna ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Dan huwa li nixtieq fuqkom, ħuti l-għeżież, parrruċċani ta’ din l-parroċċa: jalla l-Mulej Ġesu permezz ta’ l-ittri ta’ S. Pietru u l-eżempju ta’ S. Pietru inkluż bil-ktajjen, irawwimkom biex ilkoll, kull wieħed u waħda minnkom, tibbażaw ħajjitkom fuq dak li bbaża fuqu S. Pietru jiġifieri il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, li għandu biss Sidna Ġesu Kristu.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta