-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-25 sena anniversarju mill-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ grupp ta’ saċerdoti
-
Konkatidral ta’ S. Ġwann, Valletta
3 ta’ Lulju 2013Ħuti, aħna bħala komunita nisranija ltqajna hawnhekk biex nifirħu għall-jum li fih dawn l-aħwa ħadu l-ordinazzjoni tal-presbiterat, u saru saċerdoti. Aħna ġejna hawnhekk biex nirringrazzjaw lill-Mulej għal ġid li ħareġ minn dik l-ordinazjoni tul dawn il-25 sena li fihom huma qdew lil Alla, qdew lil Knisja tiegħu propju fid-dawl tas-sejħa li huma kellhom. U allura jiena xtaqt li naqsam magħkom x’nimmaġina li jkunu l-iktar ideat ċari li jkollhom dawn l-aħwa f’dan il-mument.Nibdew mit-tieni lezzjoni tal-lum. S. Pawl qiegħed jikteb lil Timotju, li hu kien għamlu Isqof, biex jieħu ħsieb il-merħla, u lil Timotju jgħidlu: “Ħu ħsieb li tqajjem id-don li ġie mogħti lilek bit-tqegħid ta’ l-idejn” (2 Tim1, 6). Id-don mogħti lilek bit-tqegħid ta’ l-idejn! U allura meta aħna naħsbu fuq din is-sejħa, bilfors irridu niftakru li s-sejħa tagħna hija don, u jekk hija don nibqgħu nħarsu lejn il-Mulej li tahulna.
L-appostli ġew magħżulin, mhux għaliex fil-bidu kellhom xi ħaġa speċjali. Alla ma ghazilnix għax kont tant intelliġenti, tant kelli minn dawn it-talenti’, u qiesu l-Mulej għażel lili fija nnifsi! Biex Alla ħares qatt ma naqgħux fis-suppervja. Muhiex hekk, li qed jgħid S. Pawl. Qal dan huwa don, don liberu tal-Mulej li ikun għażilni, għax hu kien jaf x’jista’ jagħmel fija. Mhux l-ewwel mument importanti, imma x’jista jagħmel fija l-Mulej billi jrawwimni, inaddafni minn nuqqasijiet tiegħi, jgħallinni iktar. Alla ħares kellna ngħidu li Ġesu għażel lill-appostli fuq xi ħaġa għal mertu tagħhom, għax ma kellhomx ħlief li kienu sajjieda. Imma mbagħad fl-Atti tal-Appostli naraw x’għamel Sidna Ġesu Kristu permezz ta’ dawn l-appostli, dak li huwa rawwem fihom biex ikunu verament appostli tiegħu.
It-tieni ħaġa li naraw f’din l-ittra ta’ S. Pawl lil Timotju hija li huwa jitkellem fuq is-sejħa, u tindunaw hawn S. Pawl kemm qiegħed ifaħħar lil-familja ta’ Timotju? “Għaliex in-nanna tiegħek li kellha l-fidi, imbagħad ta’ ommok, imbagħad nittama li din il-fidi tkun fik ukoll” (ara 2 Tim 1, 5). Allura nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lill-ġenituri u l-familji ta’ dawn li qegħdin jagħmlu din l-ċelebrazzjoni llum.
-
S. Pawl tkellem fuq don, tkellem ukoll fuq s-sejħa li huma kellhom. Is-sejħa mhux darba waħda ħaduha l-appostli; kien hemm l-ewwel sejħa imbagħad tul il-ħajja tagħhom, jagħtihom sejħiet oħrajn. L-iktar eżempju ċar huwa S. Pietru. Tah l-ewwel sejħa meta qallu: ejja warajja. Meta S. Pietru imbagħad nidem minn dak li kien qed jagħmel, Ġesu reġa’ qallu l-istess kelma. Issa Pietru kien imnaddaf mis-suppervja tiegħu, u ħaseb x’se jagħmel biex jintelaq f’idejn Alla l-Imbierek, u allura għamillu sejħa oħra: ejja warajja. Kemm il-darba, per eżempju Sidna Ġesu tkellem fuq l-Ewkaristija, u meta rahom li mhux qed jifhmu, li qed jitfixklu fihom infushom hu għamlilhom sejha, diffiċli kienet: tridux tmorru intom ukoll? Jiġifieri ma tistgħux taċċettawni jekk ma taċċetawx lili bħala Ewkaristija. U f’dak l-mument, Pietru li jaċċetta t-tieni sejħa tiegħu jgħidlu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Mhux int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem?” Dak li qegħdin niċċelebraw illum huwa don u huwa sejħa.
S. Pawl illum jitkellem ukoll fuq teżor: “Dak it-teżor li kien fdat f’idejk” (2 Tim 1, 14). U t-teżor x’inhu, ħuti? It-teżor jekk nikkonsidrawħ fil-Vanġelu tal-lum huwa l-bniedem fil-bżonn (Mt 9, 1-8) Rajna b’liema ħlewwa Sidna Ġesu Kristu jitratta lil dak il-mifluġ? L-oħrajn iridu jwarrbuh, u Ġesu lil dak il-mifluġ jagħtih iktar importanza minn nies l-oħrajn. Allura Kristu qed jgħallimna: dan hu t-teżor tiegħi, dan il-bniedem mifluġ. U aħna rridu nemmnu li t-teżor li tana l-Mulej huwa biex aħna nieħdu ħsiebf’ismu l-iktar ħaġa għażiża għalih, jiġifieri lil bnedmin. Jiġifieri li lill-bndemin nagħtuhom l-imħabba, permezz tagħna jridu jduqu l-imħabba li Alla l-Imbierek irid jagħtihom. Aħna għalhekk aħna medjaturi biex min ma jħossx l-imħabba t’Alla, jara lilna, iħoss l-imħabba ġewwa fina, jaf li aħna tal-Mulej, saċerdoti tal-Mulej, u jħoss l-imħabba tal-Mulej. Dan huwa t-teżor li ħalla f’idejn Timotju.
Dan it-teżor nistgħu ngħidu li kien marbut ma’ teżor ieħor: ma jistgħux jinqatgħu minn xulxin. It-teżor hu li ħuna s-saċerdoti saru medjaturi tal-grazzja tal-Mulej. Dan hu li Sidna Ġesu Kristu tahom bħala teżor. Kemm hu sabih li aħna nħarsu lura u nibqgħu’ niftakru u ngħidu: lil dak imn’Alla għentu bil-grazzja tal-Mulej u t-tfixkil li kellu mar; lil dik għentha b’mod ieħor u wrejtha mħabba, l-imħabba li hija tħoss għal Sidna Ġesu Kristu u jiena saħħatha fl-imħabba.
L-aħħar tifsira li rridu nagħtu llum hija mill-ewwel leżżjoni (Ġen 22, 1-19). Abraham fi xjuħitu l-Mulej tah tifel u qallu li permezz ta’ dan t-tifel kellu jkollu ġens kbir daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar. Ftit wara, it-tifel jkun imfarfar u Alla l-Imbierek jerġa jitkellem ma’ Abraham u jgħidlu: “Int trid toffrili lil iben tiegħek bħala sagrifiċċju. Min jaf x’ħass Abraham ġo qalbu. ‘U inti tant domt biex tajtni dan it-tifel u tant għamiltli wegħdiet, kif issa qed tgħidli biex jien noffri lil ibni?’ Imma l-fidi li Abraham kellu fil-pjan ta’ Alla l-Imbierek kienet ikbar minn dawn il-beżgħat.U Abraham mar u lil dan l-iben tiegħu ħadu għas-sagrifiċċju. Ħa nispjegaw għaliex kien hemm bżonn li jsir dan. Għaliex Alla l-Imbierek ried li Iżakk ikun l-iben ta’ Alla li permezz tiegħu huwa se jagħmel il-ġens kbir. Kieku Abraham qallu: ‘Le, Mulej ara jfettilek tipprova teħoduli għax ikollna l-problemi jiena u inti’. Ma qalx hekk! Abraham, f’din l-għotja tiegħu, sar jaf, li dan it-tifel, Iżakk, li ġie offrut lill-Mulej, dan se jkun l-iben t’Alla l-ewwel u qabel kollox. U permezz tiegħu Alla l-Imbierek seta’ jbierek l-ewwel lil Abraham u lil nislu u, permezz ta’ Abraham u nislu, jgħid: “Bis-saħħa ta’ nislek, jitbierku l-ġnus kollha ta’ l-art”. Din hi s-sejħa li l-Mulej ikun għamlilna li jbierek lilna l-ewwel, għaliex l-ewwel irid ikollna l-barka tiegħu, imbagħad permezz tal-barka, huwa jagħtina li aħna nistgħu nqaddsu l-ġnus l-oħra. Dak huwa s-sens missjunarju tal-Knisja kollha, li jitwettaq b’mod speċjali permezz ta’ dawk tas-saċerdoti.
Għalhekk naħseb jixraq li f’dawn il-25 sena kull wieħed minna jaghmel daqsxejn ta’ mistoqsija: hemm xi ħaġa li fil-ħajja tiegħi ma offrejthiex lil Alla? Allura ma jistax jużani? Hemm xi ħaġa li baqgħet tiegħi minflok ma offrejtielu u għidtlu: ‘Mulej, ħudha? M’hemm xejn li huwa tiegħi. Int biss huwa tiegħi’, bħalma għamel Abraham. U din hija l-ikbar għotja li allura tingħaqad ma’ l-ewwel għotja. Meta dawn is-saċerdoti kienu żgħażagħ, ħallew il-familji tagħhom, biex jistgħu jkunu qaddejja tal-Mulej. Wara 25 sena min jaf kemm kellna esperjenżi, persuni, affarijiet materjali, postijiet li forsi aħna mingħajr ma konna nafu, inġbidna lejhom, ingħalaqna fihom u llum il-Mulej qiegħed jagħmlilna, mhux li dawn is-saċerdoti biss, imma lili, lilna, lilkom: hemm xi ħaġa li inti ma offrejtilux lil Mulej? Hemm xi ħaġa li int jekk jitlobielek ma tagħtihielux lill-Mulej?
Dan huwa l-qofol tal-ordinazzjoni saċerdotali: li jien nagħti lili nnifsi kollni kemm jien bħalma Abraham meta saħansitra offra lil ibnu Iżakk, biex jien nkun biss ragħaj f’isem l-Mulej Ġesu, nagħmel dak li għamel hu meta kien fostna.