-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem
-
Bini tal-Qorti, il-Belt Valletta
30 ta’ April 2014Peress li llum huwa lejliet l-ewwel ta’ Mejju, tajjeb li nagħmlu riflessjoni fuq ix-xogħol għax l-ewwel ta’ Mejju hu Jum il-Ħaddiem, u fil-Knisja Kattolika niċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp ħaddiem, li kien mastrudaxxa.
Ħa nagħmel xi riflessjonjiet nsara biex min ikun irid jgħix bħala nisrani fix-xogħol tiegħu. Dawn huma riflessjonijiet li jistgħu jgħinuna. L-ewwelnett tajjeb li niftakru li Alla ħalaq lil bniedem biex flimkein miegħu imexxi l-ħolqien. Il-ħolqien Alla ried li jitmexxa mhux minnu biss imma anke permezz tal-bnedmin. U għalhekk mill-bidu nett fl-Iskrittura Mqaddsa għandna miktub li Alla l-Imbierek ried li jkollu ‘l xi ħadd li jkun jista’ jaħdem biex ikompli jiżviluppa l-ħolqien tiegħu. Ix-xogħol ifisser li l-bniedem li jaħdem ikun qiegħed jikkopera ma’ Alla l-Imbierek biex dak li tana hu jagħmlu xi ħaġa li permezz tagħha l-bnedmin ikunu aktar komdi.U tant Alla l-Imbierek ried jagħti dinjità lix-xogħol, kull kwalità ta’ xogħol, li anke fil-ħajja tiegħu, Ġesù kellu dejjem il-messaġġ li x-xogħol huwa ta’ dinjita kbira. Rajnih fil-Vanġelu tal-lum (Mt 13, 54-58) hu għażel li jkun bin mastrudaxxa. Indunajtu fil-Vanġelu li dawk li kien hemm madwaru bdew jitfixklu. Mela jista’ jkun bin mastrudaxxa, bin ħaddiem mastrudaxxa, ikun dak li qed iwasslilna dan l-għerf kollu? Minflok ma għamlu riflessjoni u ntebħu li bilfors li hemm Alla warajh dan il-bniedem, inkella ma jistax, għamlu riflessjoni ħażina għax bin mastrudaxxa ma jistax ikun il-Messija, u keċċewh minn fosthom.
It-tieni ħaġa li naraw – minn hawn u ftit ieħor se nagħmlu l-Ewkaristija – Alla l-Imbierek ma ridtx li juża frott biss li tana hu, imma frott maqgħud ma’ dak li huwa l-ħidma tal-bniedem biex imbagħad issir l-offerta. Ma tanix il-qamħ għall-Ewkaristija, immal-ħobż, huwa l-qamħ li jkun ħadmu l-bniedem u jsir ħobż. Ma taniex biss għeneb, imma għeneb li jkun ħadmu l-bniedem biex imbagħad isir inbid. L-offerta tagħna mhijiex sempliċiment li qed noffru ‘l Mulej dak li tana, imma qed noffrulu wkoll il-ħidma tagħna. Ix-xogħol tagħna jkun parti mill-offerta li aħna qed nagħmlu kull darba li nersqu lejh.
U t-tielet ħaġa li tgħaġġibna wkoll hi, li meta ġie biex jagħmel l-appostli, id-dixxipli tiegħu, huwa għażel ħdax li jaħdmu bl-id li kienu sajjieda u għażel wieħed li kien jaħdem bil-pinna. Imma hu ma fittix dawk li forsi fid-dinja ħasbu li kellu jibni s-saltna tiegħu fuqhom. Mhux hekk għamel. Ħa dak li huwa żgħir, dak li m’għandux influss biex imbagħad aħna stajna nifhmu li jekk dawn in-nies dgħajfa setgħu jibqgħu imexxu l-ħsieb ta’ Kristu anke quddiem l-Imperu Ruman, mela sinjal li wara dawn l-appostli kien hemm Alla l-Imbierek, inkella ma setgħux jaslu. Quddiem dak il-poter kbir, il-Knisja waslet sal-lum għandna. U allura jekk in-nisrani jqis li l-ħidma tiegħu hija ħidma m’Alla bilfors li jrid ikollu ċertu idea kif għandha tkun il-ħidma tiegħu.
Huwa ċert li l-ħidma ladaraba Alla rabatha mad-dinjità tagħna, trid tkun ukoll verament marbuta mad-dinjità tal-bniedem. Ix-xogħol li jbaxxi lil bniedem mhuwiex xogħol skont Alla; huwa xogħol skont min jaqbillu, imma mhux skont Alla, meta jkun xogħol li jnaqqas id-dinjita tal-bniedem, b’xi mod jew ieħor. Aħsbu intom x’jista’ jnaqqas id-dinjita tal-bniedem.
San Pawl qalilna fl-ewwel lezzjoni tal-lum; “kull ma tagħmlu agħmluh f’isem il-Mulej Ġesu” (Kol 3,17). Allura ma jistax ikun li Alla ħalaq ix-xogħol u ħalaq il-familja biex ikunu f’konfront ma’ xulxin. Ma kienetx tagħmel sens, u allura ma jistax ikun hemm xogħol li jfixkel il-ħajja tal-familja. Kif se nagħmlu biex dawn iż-żewġ realtajiet ix-xogħol u l-familja, b’mod speċjali fil-kaz tan-nisa li jixtiequ jmorru jaħdmu, ikunu jistgħu jiltaqgħu flimkien mingħajr ma jsir dannu għall-familja. Ma jistax ikun li hemm konfront bejniethom, jew ħaġa jew oħra, imma t-tnejn iridu jkunu flimkien.
Smajna wkoll il-kelma ta’ San Pawl: “fuq kollox ilbsu l-imħabba” (Kol 3, 14). Din l-imħabba fuq il-post tax-xogħol trid tissarraf f’soledarjetà bejn il-ħaddiema. Ma jistax ikun hemm post tax-xogħol fejn il-ħaddiema ma jkunux qegħdin jippruvaw li bejniethom ikun hemm solidarjetà f’dak kollu li huma jagħmlu. U minbarra dan, Alla l-Imbierek irid ukoll li s-solidarjeta ma tieqafx ma’ dawk li aħna nafu. Id-dinja tax-xogħol kollha għandha tkun solidarjetà, meta ninteressaw irwieħna, anke fil-postijiet fejn m’hemmx xogħol, fil-postjiet fejn qegħdin imutu bil-ġuħ għax m’hemmx xogħol, anke dawk huma ħutna skont Sidna Ġesu Kristu.
L-aħħar ħaġa li xtaqt ngħid hija li ma jistax ikun hemm xogħol jekk ma jkunx hemm ġustizzja fix-xogħol. Ġustizzja x’inhi? Il-ġustizzja hi li inti tagħti lil ħaddieħor dak li hu tiegħu. Hija faċli d-definizzjoni, jiġifieri min iħaddem irid jagħti lil ħaddiem dak li hu tiegħu mingħajr sfruttament, u l-ħaddiem irid jagħti dak li hu tas-sid tiegħu, ta’ dak li qed jagħtih ix-xogħol biex ix-xogħol jibqa’ miexi. Din hija l-ġustizzja li jrid ikun hemm miż-żewġ naħat irid ikun hemm għarfien ta’ x’inhi dik li hi ġustizzja biex kulħadd ikun qed jgħix ix-xogħol tiegħu f’kuntest ta’ ġustizzja.
Dawk huma xi ħsibijiet li xtaqt li naqsam magħkom. Issa naħseb li kieku kellna ngħidu għal Malta, naħseb hemm b’mod speċjali tliet affarijiet li huma ta’ sfidi, ma ngħidilhomx problemi jien, ngħidilhom sfidi. L-ewwel sfida li hemm hi l-qagħad. Naħseb li hija dejjem weġgħa anke jekk ikollok wieħed mhux qed jaħdem, dejjem hija weġgħa ta’ dawk in-nies li huma bla xogħol. Ma nafx jekk iltqajtux ma’ xi wħud li jiġu għandek u jitolbuk ix-xogħol għax m’għandhomx. Din hija xi ħaġa li tkisser id-dinjita ta’ dik il-persuna, għax raġel jew mara li mhux qegħdin jaqilgħu l-għixien għall-familja u jridu jittalbu hija xi ħaġa kbira. Mela dik hija l-ewwel sfida, li kemm jista jkun f’Malta kulħadd ikollu xogħol.
It-tieni sfida hija dik ta persuni b’diżabilità. Kemm hu sabih li aħna llum qegħdin ngħarfu l-abilità ta’ dawn il-persuni mhux id-diżabilità. Naf li anke l-ETC se tagħmel kampanji propju fuqhom, fuq dawn il-persuni li huma b’diżabilita. Kemm hu sabih li aħna ngħarfu l-abilitajiet tagħhom, anke nkunu ma’ xulxin, ikunu ħdejna. Huma qed jagħtu kulma jistgħu. Issa jekk ix-xogħol tiegħi jiswa mija u ta’ ħaddieħor jiswa ħamsin, t-tnejn qegħdin nagħtu dak li nistgħu għall-pajjiż permezz tax-xogħol tagħna.
U l-aħħar ħaġa li nixtieq ngħid hija fuq l-asylum seekers, dawn li ġew minn barra l-pajjiż u qegħdin jgħixu fostna. Jiena mhu se ngħid xejn speċjali. Kont f’żewġ laqgħat u d-darbtejn kien hemm trade union waħda u trade union oħra, jiġifieri mhux waħda kien hemm tnejn. U t-tnejn qalu li se jagħmlu xi ħaġa biex dawn li jiġu hawnhekk ifittxu l-għażil ma jibqgħux jiġu sfrutttati. L-istejjer li tisma’ kważi kważi tgħid dan tat-tielet dinja mhux ta’ Malta, kif nittrattaw lill-oħrajn. Allura sabih kieku dawn t- trade union jerġgħu jirriflettu forsi anke flimkien u jaraw kif dawk li qed ifittxu l-għażil ma jiġux sfruttati minn dawk li qegħdin iħaddmu, li għax-xogħol tagħhom jagħtuhom dak li ħaqqhom bħal ma ħaqqu anke ħaddiem Malti, ħadiem Għawdxi, hu min hu. Naħseb daqshekk li xtaqt naqsam magħkom. Jalla l-Mulej anke f’dan il-post dejjem ikun hemm fost il-ħaddiema ċertu paċi, ċertu sliem, ċertu rispett lejn xulxin.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta