-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-għaxar anniversarju mit-twaqqif tal-grupp Belong
-
Baħar iċ-Ċagħaq
16 ta’ Mejju 2014Ħuti, jiena dejjem kont nistagħġeb bl-importanza kbira li tingħata liż-żwieġ u l-familja fil-kelma t’Alla. Bir-raġuni nistgħu nistg]u naslu biex nifhmu din l-importanza, għaliex il-ġenerazzjoni trid tkompli u l-imħabba trid titkompla.
Illum xtaqt li naqsam magħkom riflessjoni oħra: Alla l-Imbierek ħalaq lil bniedem xbieha tiegħu, raġel u mara. Alla l-Imbierek ħalaq iż-żwieġ biex ikun xbieha tat-Trinita Qaddisa? U tal-komunjoni li hemm fit-Trinita Qaddisa? Fiż-żwieġ hemm moħbi dan il-misteru. U xtaqt illum li naħsbu f’dan il-misteru; kif Alla l-Imbierek ħalaq lir-raġel u l-mara xbieha tiegħu u nemmnu li għalhekk iż-żwieġ ma jistax ikun medjokri. Żwieġ nisrani ma jistax ikun medjokri, għaliex Alla l-Imbierek irid jara x-xbieha tiegħu ġo kull żwieġ u ġo kull familja li jkun hawn fil-Knisja tiegħu.
It-tlett lezzjonijiet li għandna biex nirriflettu fuqhom naħseb li huma tlett triqat li jgħinuna nimxu wara l-Mulej. Fit-tieni lezzjoni naraw dak li San Pawl kiteb lil Timotju, ovvjament f’kuntest ieħor, imma jien se npoġġih fil-kuntest taż-żwieġ. Jgħidlu: “ħeġġeġ ġo fik l-imħabba u l-grazzja li jiena tajtek bit-tqegħid tal-idejn” (ara 1Tim 4,14). Dan huwa misteru kbir, għaliex għalkemm il-grazzja t’Alla diġa ġiet mogħtiha lilna, għax dak li għamel Sidna Ġesu huwa ’l fuq mill-istorja, jien din il-grazzja nista’ nagħmilha preżenti llum fija u fil-persuni li hemm ħdejja.
Alla l-Imbierek jidħol fl-umanità tagħna biex l-umanità ssir sinjal tal-eternità, jiġifieri kull mument li aħna nikbru fl-imħabba ta’ xulxin, ikun verament għemil ta’ Sidna Ġesu Kristu fl-eternità u fid-divinità tiegħu. Għalhekk il-miżżewġin fi ħdan il-Knisja jafu li jridu jagħmlu ħilithom biex dik il-grazzja li rċevew, ssir preżenti llum. Il-Mulej tana l-grazzja, taha lil kulħadd, li jonqos biss huwa li dik il-grazzja nagħmilha preżenti għalija u għall-oħrajn illum permezz taż-żwieġ tiegħi.
It-tieni riflesjoni li xtaqt li nagħmel mill-lezjonijiet ta’ llum hija dwar il-mixja wara l-Mulej. Naħseb li din is-silta ta’ Għemmaws għandha valur ikbar minn dak li jidher fiha. Naħseb li hemmhekk Ġesu ried jurina verament il-mixja wara l-Mulej kif għandha tkun. Il-Mulej tgħidlu: “ibqa’ magħna” (Lq 24,29) imma Ġesu dehrilhom f’żewġ mumenti: l-ewwel bil-kelma tiegħu imbagħad bl-Ewkaristija. Kultant issib xi ħadd jgħidlek: ‘jiena d-dar nitlob’ imma d-dar ma tieħux l-Ewkaristija. ‘Jiena d-dar nitlob, naf nitlob’, imma meta taf titlob ma tafx kif il-kelma ddawwallek moħħok. Allura l-mixja wara l-Mulej trid tkun permezz ta’ dawn iż-żewġ pilastri tal-ħajja spiritwali tagħna. Il-kelma qiegħdha biex tkun tista ddawwalna. Għalhekk qiegħda l-kelma, ħuti. Ejjew nistudjawha l-kelma għaliex il-kelma qiegħdha hemmhekk biex iddawwalli moħħi halli jien nibda nitkellem bħalma kien jitkellem Ġesu, l-Iben t’Alla. Jekk ma tkunx tafu, ma qrajthiex il-kelma, tibqa’ tħares lejh umanament biss. Allura tajjeb li aħna jkollna l-kelma u l-Ewkaristija li hija l-preżenza ta’ Kristu fil-ħajja tagħna b’mod speċjali b’dawk il-grazzji li huwa tana fil-misteru tal-Għid.
It-tielet riflessjoni tiegħi hija dawr l-istorja ta’ Abraham. U naħseb li lkoll nafuha li l-istorja ta’ Abraham. Din turina l-mument meta Alla daħal fl-istorja, din id-darba bħala poplu. Lil Abraham għażlu mhux biex ikun l-missier ta’ ħafna popli. Importanti ħafna li nifhmu li aħna m’aħniex magħmulin, skont din il-ġrajja ta’ Abraham, biex inkunu weħidna. Aħna ġejna imsejħin biex inkunu komunità. Aħna ġejna msejħin biex nidhru bħala komunita. Aħna ġejna msejħin biex nagħtu sehemna ħalli l-kelma t’Alla tkun tista’ tkompli.
Mela l-komunità hija parabbola tal-kelma t’Alla. Il-komunità hija parabbola. Parabbola tafu x’inhi. Hija kelma, storja li għandha tifsira. U allura fil-komunità tagħna meta aħna nidhru quddiem l-oħrajn, irridu nkunu parabbola. Għalhekk Ġesu jinsistilna li ma nkunux medjokri ħalli meta nkunu parabbola, verament parabbola, ħaddieħor jifhem x’hemm wara dik il-parabbola li huwa ż-żwieġ tagħna u l-familja tagħna.
Nagħlaq billi ngħid li huma diversi t-triqat li aħna għandna biex imorru lejn il-Mulej. Ejjew nitolbuh nil-kliem tas-salm responsorjali: “inħallu lill-Mulej jibni d-dar tiegħu” għax bl-għemejjel tagħna l-bnedmin biss ma naslux, imma bil-grazzzja u l-qawwa ta’ Alla l-Imbierek.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta