KonKatidral ta’ San Ġwann, Valletta
31 ta’ Diċembru 2011
Ħuti,
f’dan il-lejl ir-realta ċivili tgħidilna fuq il-valur ta’ dan in-nofs il-lejl li minn hawn u ftit ieħor se nkunu niċċelebraw is-sena 2012. Biss, aħna bħala bnedmin nifhmu li l-kelma żmien jista’ jkollha tifsiriet oħrajn; mhuwiex mument wieħed waħdu. U anke ċivilment f’din l-aħħar tas-sena aħna bilfors inħarsu lejn l-imgħoddi, din is-sena li għaddiet, u naraw din is-sena x’effett se tħalli fuqna u forsi x’se tħalli wkoll fuq in-nies ta’ madwarna, forsi l-għeżież tagħna. Hemm affarijiet li żgur li tawna ferħ u hemm affarijiet oħrajn li tgħaqqluna. U allura anke l-preżent li aħna rridu ngħixu propju kull minuta se jkun immarkat b’dik li kienet is-sena li għaddiet.
F’dan il-lejl anke ċivilment aħna mdorrijin li nħarsu daqsxejn lejn il-futur, lejn il-ġejjieni u naraw ftit f’din is-sena li ġejja, nibnu fuq il-passat, naħdmu llum imma nħarsu lejn il-futur tagħna u nagħmlu pjanijiet u naraw ftit is-sena li ġejja x’nixtiequ li din is-sena tkun, mhux dak li jiġri waħdu għax dak m’għandniex kontroll fuqu, imma dak li aħna, kull wieħed u waħda inna, għandna kontroll fuqu: kif se nibnu din is-sena 2012. U kull wieħed u waħda minna, aħna mistednin biex nibdew nagħmlu daqsxejn ta’ proponimenti: nixtieq li nsir aħjar, nixtieq li nsir aktar qrib lejn dawk li jiena inħobb, nixtieq li l-għażliet tiegħi ifissru li jkunu tajjeb anke għan-nies l-oħrajn għaċ-ċivilta ta’ madwari; dawn il-proponimenti li kull bniedem ikun jixtieq li jagħmel propju f’dan il-lejl.
Imma f’dan il-lejl meta aħna ġejna hawnhekk f’din il-Knisja hemm tifsira oħra taż-żmien u din it-tifsira taż-żmien hija li ż-żmien mhuwiex mifrud mill-eternita. Il-kelma żmien fiha nfisha tagħtik l-idea li tgħaddi: żmien ilu, issa ż-żmien, iż-żmien li ġej. Imma meta ltqajna hawnhekk bħala poplu li jemmen, aħna llum qegħdin niftakru li hemm element fiż-żmien li għandu valur ta’ eternita u għalhekk ġejna hawnhekk biex f’dan il-lejl aħna nduqu daqsxejn x’inhi l-eternita li qiegħda taħt il-kunċett taż-żmien: tal-bieraħ, tal-lum u ta’ għada.
U jiena naħseb li anke t-tifsir liturġiku ta’ din il-ġurnata li qegħdin ngħixu flimkien anke f’din il-quddiesa tagħtina daqsxejn ta’ dwal fuq l-eternita. Ħa nipprova nfakkarkom daqsxejn x’semmejna aħna waqt din il-liturġija tal-lezzjonijiet li għadna kemm smajna.
Aħna llum li qegħdin niċċelebraw, il-Knisja għaqqditha ma’ Marija omm Alla u aħna fil-Vanġelu tal-lum (Lq 2, 16-21) rajna dan l-istagħġib tar-rgħajja meta ndunaw li dak li kien qiegħed jitwieled verament kien ġej minn Alla, li hija l-eternita li daħlet fiż-żmien. Ħuti, il-kunċett Omm Alla huwa tant diffiċli li kultant ikun hemm min jitfixkel permezz tiegħu. Kif jista’ jkun bniedem tkun omm jew missier Alla li huwa etern u li ħalaq kollox! U aħna bil-moħħ tagħna ta’ bnedmin li jemmnu, inbaxxu rasna għax ngħidu: il-misteru ma nispjegawħx imma nemmnuh. U nemmnu għaliex dak li li twieled minn Marija Verġni kien dak li huwa l-Iben t’Alla li sar bniedem. Kif tista’ tgħid l-Iben t’Alla li sar bniedem jekk ma ssemmiex ukoll li Marija hija omm l-Iben t’Alla li sar bniedem? U allura trid taċċetta l-misteru. Hemmhekk fil-ġuf ta’ Sidtna Marija taħt xbieha ta’ bniedem kien hemm verament l-Iben t’Alla, l-eternita li daħlet fl-istorja tagħna.
Allura aħna din is-sena se nibdewha b’din it-togħma ta’ l-eternita. Il-Papa Ġwanni Pawlu II darba kien qal sentenza sabiħa ħafna: Alla l-Imbierek daħal fl’eternita biex iż-żmien tagħna jkollu togħma ta’ eternita ladarba Sidna Ġesu Kristu, l-Iben ta’Alla daħal fiha. Mela din hija l-ewwel riflessjoni tagħna: aħna llum qegħdin nistqarru li nemmnu verament li dak li kien hemm f’Sidtna Marija u li tatu t-twelid kien l-Iben t’Alla li sar bniedem.
It-tieni riflessjoni li aħna nagħmlu fuq din it-tarbija li twieldet, l-eternita li daħlet fid-dinja, hija l-fatt li Alla l-Imbierek għandu kunċett differenti ta’ x’inhu ż-żmien, iż-żmien li jgħaddi. Għaliex aħna, ġustament naħsbu fiż-żmien, fit-tul taż-mien. Aħna għalina dak li jfisser il-valur, it-tul taż-żmien, imbagħad inħarsu lejn il-ħajja ta’ Sidna Ġesu Kristu u naraw li hemm ħsieb differenti ta’ x’inhu l-valur taż-żmien. Ma nafx jekk qatt irriflettejtu fuqha imma jien kemm il-darba irriflettejt fuqha. Qatt immaġinajtu u għidtu: imma għaliex Sidna Ġesu Kristu beda l-missjoni tiegħu ta’ tletin u mhux ta’ għoxrin sena? Kien jakkwista għaxar snin fil-predikazzjoni tiegħu! U għaliex l-Iben t’Alla miet ta’ tlieta u tletin sena? Seta’ jibqa mqar sa’ sittin u kien ikollu sebgħa u għoxrin sena biex jipprietka! U għaliex il-predikazzjoni tiegħu damet biss tlett snin, mis-sena meta kellu tletin sa’ tlieta u tletin? U dan kollu għandu tifsira waħda, ħuti: għaliex Alla ma jikkalkulax iż-żmien mit-tul, imma jikkalkula minn dak li hemm propju f’dak iż-żmien. Ġesu għalih kien biżżejjed tlett snin biex jaqdi l-missjoni tiegħu. Il-kumplament kien żejjed. Għamel il-missjoni tiegħu u ż-żmien kien komplut.
U allura kemm hu sabiħ, ħuti, aħna wkoll nibdew naħsbu fiż-żmien, mhux biss fit-tul taż-żmien – jalla ndumu ħafna ngħixu għax dak huwa don t’Alla – imma nibdew nikkalkulaw iż-żmien. Imma jien kif użajtu dan iż-żmien? Imma s-sejħa li tani l-Mulej, fil-familja jew jien saċerdot, imma daż-żmien kemm qed nimlih b’din il-missjoni li tani Alla l-Imbierek ħalli ż-żmien tiegħi ikun kemm ikun twil, jew ikun kemm ikun qawwi, ikun mimli propju b’din il-missjoni li Alla l-Imbierek tani nagħmel propju fiż-żmien.
Tant hu hekk, ħuti, u din hija t-tielet riflessjoni fuq iż-żmien, li meta aħna smajna t-tieni lezzjoni tal-lum (Gal 4, 4-7), hemmhekk kellna lezzjoni sabiħa ħafna li nixtieqkom li taħsbu daqsxejn fuqha. Ħafna drabi ż-żmien jgħaqqadna mal-mod kif aħna nħarsu lejna nfusna u llum it-tieni lezzjoni tatna mod ġdid kif inħarsu lejna nfusna minħabba żewġ kelmiet: “Għaliex inti iben jew bint” u għaliex int iben jew bint, “inti werriet”. U jekk jiena, iben jew bint, mhux għaliex ġo fija għandi ż-żerriegħa ta’ l-eternita li kapaċi mbagħad tinfexx fl’eternita vera mingħajr dan il-ġisem li aħna mbagħad inħalluh jispiċċa fuq din l-art biex nerġgħu nakkwistawh fis-sema? Mhijiex din verament l-eternita li Alla l-Imbierek jagħtina? U jekk Alla l-Imbierek jitkellem fuq wirt kif nistgħu aħna il-wirt li jagħtina Alla ngħalquh fi żmien qasir li aħna ngħixu fuq din l-art? Alla ħares, ippermettuli l-kelma, li l-Mulej kien daqshekk xħiħ li jagħtina biss dawn is-snin li nagħmlu hawnhekk. Qiegħed ikellimna fuq il-wirt ta’ l-eternita li kull wieħed u waħda minna għandna dritt għalih u li kull wieħed u waħda minna irid jaħdem għalih.
U allura, ħuti, minn hawn u ftit ieħor din il-Knisja tiżvojta, u aħna ġustament immorru ngawdu anke l-affarijiet sbieħ t’hawnhekk, imma nixtieq infakkarkom f’dik il-barka fl’ewwel lezzjoni (Num 6, 22-27), waħda mill-isbaħ barkiet li aħna nsibu fil-Kelma t’Alla. U nixtieq li nerġa nirrepetiha din il-barka ħalli toħorġu minn hawn imdawrin minn din il-barka li Mose ta lil poplu tiegħu. Ħa nerġa nfakkarilkom. Fiha tlett biċċiet.
“Il-Mulej ibierkek u jħarsek” – x’misteru kbir! Alla li huwa etern u lilek u lili se jħarisna fiż-żmien, se jibda jagħti każ bħalma ta każ Ġesu` fit-tieġ ta’ Kana ta’ problema ta’ żewġ għarajjes. Jidħol fil-ħajja tiegħi, fiż-żminijiet u jiena nitolbu l-Mulej għax naf li qed jakkompanjani fil-mixja tiegħi. Hija l-preżenza eterna ta’ meta nkunu attenti għaliha, ħuti għax aħna rridu nkunu miftuħin għaliha.
It-tieni barka: “Jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena”. Kemm il-darba, ħuti, fis-sena li għaddiet u fis-sena li ġejja aħna nindunaw li aħna għamilna l-iżbalji; kemm hu sabih li l-eternita ta’ Alla l-Imbierek tieħu wkoll it-tema tal-ħniena. Xi tfisser l-eternita fit-tema tal-ħniena? Nonqsu kemm nonqsu, kull darba li se ndur lejh hu se jerġa jagħtini l-eternita għax jaħfirli u jerġa jibda mill-ġdid. Din hija l-eternita, ħuti, ta’ min jgħix il-missjoni tiegħu fuq din l-art ħafna qrib tal-Mulej anke meta jiżbalja, jitlob din it-talba tal-Mulej propju fuq il-ħniena.
U t-tielet u l-aħħar barka li jagħti Mose lil poplu tiegħu. Hu jgħid hekk: “Iħares lejk il-Mulej, b’imħabba u jagħtik is-sliem”. Aħna, ħuti, sfortunatament l-aħbarijiet tagħna jkunu mimlijin b’ħafna aħbarijiet ta’ nuqqas ta’ paċi bejn il-bnedmin. Imma naħseb hawnhekk il-Mulej qiegħed jagħtina dawl ieħor etern. Kieku kull wieħed u waħda minna, ħuti, jitlob lil Mulej dan il-ġid u jgħidlu: Mulej, tini l-paċi ġewwa qalbi, kull ma jgħaddi madwari dak kollu huwa mewġ li ma nħalliħx jidħol ġewwa qalbi u jtellfili l-paċi. Kapaċi nibnuha jekk ma’ Alla l-Imbierek nagħmlu patt li jibqa patt li huwa għal dejjem u jikber minn jum għal jum.
Din hija x-xewqa tiegħi, ħuti. Jalla l-Mulej jagħtina li din is-sena li aħna nimmarkawha b’ġurnata li hija l-ewwel ta’ Jannar, tiftħilna perijodu ġdid ta’ żmien tagħna li jkun ħafna qrib l-eternita ta’ Alla l-Imbierek.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta