Is-Seminarju tal-Virtu’, Rabat

8 ta’ Novembru 2011

Ħuti,

l-ewwelnett nirringrazzjakom  kemm għaliex ġejtu l-lejla, imma aktar minn hekk, għaliex ħassejtu ġewwa fikom ix-xewqa li tikbru fil-kelma tal-Mulej u naħseb iktar ma’ jgħaddi ż-żmien aktar din ix-xewqa hemm bżonn li tikber u tinxtered.

U waħda mill-missjonijiet kbar li aħna rridu nagħmlu bħala Knisja, hija li l-kultura ta’ madwarna ngħinuha tifhem xi kliem, mhux fil-kuntest tal-kultura prevalenti imma fil-kuntest tal-kelma t’Alla li tuża’ din l-istess kelma.  Kultura prevalenti tagħtiha togħma; din irridu ngħiduha, mhux veru?   Jiġifieri meta inti tagħżel u tgħid:  jiena rrid nimxi wara l-Mulej,  hemmhekk se jibda mument ta’ tiftix ta’ dik li hija l-kultura Kristjana li mingħajrha l-ebda Kristjan ma jista’ jkun Kristjan.

Naħseb li l-Mulej illum tana żewġ kelmiet li huma żewġ kelmiet li rridu nużawhom propju fit-tifsira evanġelika tagħhom, aktar milli fit-tifsira prevalenti.

L-ewwel kelma hija qaddej. Fil-kultura prevalenti l-kelma qaddej iddejjaqna, nippruvaw inneħħuha.  Imma fil-kuntest bibliku, il-kelma qaddej hija importantissima. U t-tieni kelma hija ħajja u mewt. U għandna t-tifsira  evanġelika ta’ din il-kelma ħajja u mewt li aħna rridu nidħlu aktar fiha ħalli nibdew inxerrduha madwarna għal dawk li jkunu jixtiequ jimxu verament wara l-Mulej.

L-ewwel kelma: Qaddej.

.

In-nisrani jifrah li hu qaddej tal-Mulej.  Imma ma jifraħx bil-kelma qaddej fil-kuntest kulturali tal-lum.  Jifraħ fil-kuntest evanġeliku ta’ xi tfisser tkun qaddej.  U smajna hemmhekk Sidna Ġesu Kristu qiegħed jispjega x’inhi l-kelma ta’ qaddej u, min-naħa tal-persuna, hija aċċettazzjoni tar-rwol: li aħna lkoll fir-rwol tagħna aħna qaddejja t’Alla.  Imma tista’ tafda li inti verament qaddej għaliex is-Sid tiegħek huwa s-Sid li hu għax is-Sid tiegħek mhuwiex is-sid uman.  Allura Ġesu jagħmel paragun ma’ dak li huwa s-sid ta’ din id-dinja: qaddej għadek ġej mix-xogħol, mal-ewwel jibagħtek biex isservih, ma jinteressaħx jekk tistrieħx jew le.  Dik hija l-kultura u jgħaddieha mbagħad għal xi ħaġa oħra li meta l-bniedem fih innifsu jaċċetta li hu l-qaddej t’Alla l-Imbierek  allura hemmhekk, meta jiltaqa’ mas-Sid, hija d-dimensjoni propja ta’ kull relazzjoni ma’ Alla u mal-bniedem; dejjem għaliex la l-qaddej mhux kulturament magħluq fis-sens tal-lum ta’ qaddej li allura jiġi maltrattat u anke għaliex is-sid li għalih int tkun qaddej, huwa sid li mhux kulturalment kif nafuh illum.  Huwa dak li jħobbna tant, huwa dak li qed jiġri warajna.  Allura llum naħseb li aħna ilkoll nistgħu ngħidu b’att ta’ fidi u umilta kbira: Mulej anke jekk nagħmel kollox tajjeb, jiena biss qaddej li ma niswa’ għal xejn; nibda niswa għaliex meta nagħraf din il-kelma hemmhekk tibda tidħol il-grazzja tiegħek u kapaċi nagħmlu hwejjeġ kbar.  Il-Madonna kienet dik li qalet lilha nfisha bħala qaddejja f’dan is-sens evanġeliku tal-kelma.

It-tieni kelma: Ħajja u Mewt

.

Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ materjaliżmu kbir.  Qegħdin ngħixu fi żmien fejn il-mewt qed nippruvaw inneħħuha anke mill-mod kif aħna nitkellmu u llum fl’ewwel lezzjoni kellna propju it-tifsira kulturali skont il-kelma t’Alla ta’ x’inhi mewt u ta’ x’inhi ħajja.  Skont dak li smajna llum il-mewt ma kienetx skont il-pjan ta’ Alla l-Imbierek.  Alla l-Imbierek, meta ħalaq, ħalaq kollox biex igħix.  Ma nidħlux fit-teoloġija tagħha, imma f’ċertu mument kien minħabba l-bniedem li kellha tidħol il-mewt fid-dinja.  Kellha tidħol, mhux Alla daħħalha, kellha tidħol.  U r-raġuni hi li jekk il-ġisem tagħna li fih iż-żerriegħa ta’ dak kollu li huwa ħażin, ma titmermirx, ma jistax ikollha ġisem glorjuż.  U allura l-mewt kellha tidħol bħala passaġġ ta’ imħabba t’Alla l-Imbierek biex aħna niġu ppreparati għal dak li hemm jistenniena fil-ħajja ta’ dejjem.

F’dan il-kuntest allura l-ħajja tibda tieħu togħma differenti għax il-ħajja trid timla l-vojt li daħal ġo fina permezz tal-mewt.  U allura qalilna hemm tlett kelmiet li naħseb li huma importanti ħafna fl’ewwel lezzjoni u jgħid hekk: “Ġarrabhom bħad-deheb fin-nar” (Għerf 3,6), jiġifieri  dak li huwa tfixkil tagħna f’din id-dinja, dak huwa tiġrib li jippermetti Alla l-Imbierek biex aħna nissaffew u nkunu aktar niddependu fuqu.  “Min jittama fih jifhem is-sewwa”.  Allura s-sewwa ma tiġix biss mill-kotba li aħna rridu naqraw, imma tiġi meta nittamaw fil-Mulej u fil-kelma tiegħu u nibdew niddawlu minn hemmhekk.  “Min jemen fih jgħix fl’imħabba” (Għerf 3, 9). Għandna l-fidi li permezz tagħha l-ħajja tagħna hawnhekk fuq din l-art, nistgħu nagħmluha esperjenza ta’ mħabba ma’ Alla l-Missier, li aħna nemmnu fih,  mhux naħsbu fuqu, li aħna nemmnu fih skont ma jiġi ppreżentat fil-kelma tiegħu u li aħna ċerti li dik hija r-realta li Alla hu mħabba.

Ma nixtieqx indum ħafna; dan li xtaqt ngħid.  Ħuduha bħala l-missjoni tagħkom.  Aħna mhux biss irridu nippreżentaw lil Alla l-Imbierek fih innifsu, imma – u din hija l-missjoni tagħna lkoll – irridu nippreżentaw ukoll alternattiva ta’ kultura li hi biss tista’ twassal biex aħna nkunu verament nistgħu niltaqgħu mal-Mulej.  Ma tistax tibqa miexi lejh f’kultura prevalenti li tibqa’ tiddominalek ħajtek. Din hija l-konverżjoni l-kbira li aħna rridu ngħixu aħna fina nfusna għalhekk irridu nkunu sinjal ta’ kontradizzjoni biex imbagħad ħaddieħor jitħajjar u jifhem. Li tifhem fuq il-kultura  evanġelika tal-Mulej hija xi ħaġa li kapaċi timlielek ħajtek, qalbek u moħħok.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta