-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-Gradwazzjoni tal-Istudenti tal-Universita’
-
Konkatidral ta’ S. Ġwann
12 ta’ Novembru 2013
Eċċellenza President ta’ Malta,
Ħuti, aħna ġejna għal din l-quddiesa biex l-universita` kollha, kemm dawk li jgħallmu, kemm dawk li marru biex jitgħallmu, illum jirringrazzjaw lil Alla f’dawn il-ġranet tal-gradwazzjoni. Imma jiena naħseb li ma nistgħux nieqfu hemm. Jien nimmaġina lil Alla jirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom talli t-talenti li takom ma ħlejtuhomx, talli kontu lesti tagħmlu s-sagrifiċċji biex l-għerf li takom il-Mulej iġġubuh għall-għarfien tiegħu.
Xtaqt naqsam magħkom ir-riflessjoni li aħna rajna fl-ewwel lezzjoni ta’ Qoħelet (Qoħ 3,16-22) fejn tkellem fuq iż-żmien: żmien li nitwieldu, żmien li mmutu, żmien li nifirħu, żmien li jkollna d-dwejjaq, żmien li aħna nkunu qegħdin naħdmu, u żmien li aħna nkunu qegħdin nistrieħu. Qoħelet isemmi dan kollu bħala żmien li wieħed jagħmel quddiem il-Mulej.
U jiena xtaqt li llum mhux biss ikun jum li fih qegħdin tfakkru l-gradwazzjoni, imma tiftakru wkoll il-ħajja tagħkom se tinbidel, iż-żmien tagħkom se jinbidel. Għalhekk tajjeb li aħna nieħdu dawn il-ġranet bħala mezz biex nikbru personalment ħalli nkunu nistgħu ngħixu l-ħajja tagħna, b’mod totali. Biss l-ewwel riflessjoni li se nagħmel se tkun fuq iż-żmien.
Nixtieq nibda b’xi ħaġa li lili, meta kont żgħir, kienet tgerfixni daqsxejn: x’inhu l-valur taż-żmien? Kultant aħna l-valur taż-żmien nikkalkulawh kemm wieħed idum ħaj u jasal, kollu tajjeb. Imma mbagħad iddur fuq il-Mulej Ġesu. Hu għex tlieta u tletin sena imma għamel tlett snin biss biex jaqdi l-missjoni tiegħu. Jien kont ngħid: imma għaliex ma bediex ta’ għoxrin, kien ikollu għaxar snin ohra? U spiċċa ta’ ħamsin sena kien ikollu sbatax il-sena oħra? Ir-raġuni hi għaliex hemm mod ieħor kif int tikkalkula ż-żmien u dak li tagħmel. Iż-żmien tiegħu l-Mulej Ġesu ma ħlieħx. Iż-żmien tal-Mulej Ġesu kien żmien li fih hu ġie b’ideal, u tlett snin kienu biżżejjed biex iwettaq dan l-ideal. It-tieni: Sidna Ġesu Kristu kien bniedem li ma ħalli l-ħadd ifixklu biex iwettaq dak l-ideal. U t-tielet: Sidna Ġesu Kristu ta’ tlieta u tletin sena kien diġa, biex ngħidu hekk, komplut: dak li ġie biex jagħnel għamlu kollu, u b’hekk tela għand Alla l-Missier.
Jien, fid-dawl ta’ dan kollu, xtaqt nagħmel din r-riflessjoni fuq iż-żmien. Aħna l-ewwel relazzjoni li jkollna huwa mal-passat tagħna. Intom għadkom żgħar allura il-futur tagħkom huwa kbir, u l-passat ftit. Min jasal għall-età tiegħi ikollu ħafna passat u ftit futur. Imma fil-każ tagħkom, anke issa, agħmlu daqsxejn ta’ eżami tagħkom infuskom. X’hemm li forsi s’issa intom hadtu fuqkom li ’l quddiem se jfixkilkom f’dak kollu li intom tridu tagħmlu? X’hemm fil-ħajja tagħkom li forsi ntrabattu miegħu li se jfixkilkom milli tużaw it-talenti kollha tagħkom għat-tajjeb u tgħixuhom totalment? U għalhekk nixtieq ngħid li Sidna Ġesu Kristu li kien jaf kemm il-bniedem kapaċi jingħalaq f’xi affarijiet li jistgħu jfixkluh, tana għajnuna – se nsemmiha għal min verament irid jgħix il-ħajja nisranija – tana l-qrar. Ara taħsbu li l-qrar il-Mulej għamlu għalih. Il-Mulej għamlu għalija biex meta jien inkun imtaqqal mill-passat tiegħi, kapaċi dak li qed itaqqalni inkun nista’ naqsmu ma’ xi ħaddieħor, ma jibqax biss ġewwa fija, u b’hekk nerġa nħoss it-tgħannieqa tal-Mulej li terġa tiġi fuqi, meta jkolli ċ-ċertezza li l-Mulej ħafirli.
It-tieni relazzjoni li għandna maż-żmien hija r-relazzjoni mal-preżent. Tafu li r-relazzjoni mal-preżent hija importantissima għaliex kull mument li jkollna issa, jista’ jbiddlilna t-triq li se nagħżlu għall-futur. Għalhekk tajjeb li jiena nagħmel riflessjoni fuqi nnifsi personali, mhux riflessjoni fuq l-akkademja, imma riflessjoni fuqi nnifsi, Jien min jien? Jien x’qed nagħmel? Jiena liema triq qbadt s’issa? U allura meta nagħmel din ir-riflessjoni, jiena nkun nista’ l-ħajja nerġa neħodha f’idejja. Min ma jagħmilx ir-riflesjoni il-ħajja x’aktarx mhijiex f’idejh imma tiddependi minn diversi għejjun oħrajn. Tajjeb li aħna f’dawn il-ġranet nagħmlu mument li nkunu fis-silenzju, ħalli nirriflettu. Illum is-silenzju sar iktar tqil għaliex tant hawn affarijiet mit-teknoliġija b’mod speċjali, li jistgħu jkunu ta’ distrazzjoni.
Naqsam magħkom esperjenza ta’ tfalja tal-età tagħkom. Din marret tagħmel esperjenza missjunarja u marret is-Sudan. U qaltli li l-ewwel jum wasal għat-tmiem tiegħu u marret biex torqod u kellha l-laptop u xi affarijiet oħrajn imma qaltli li kellha problema. Il-problema kienet li ma kienx hemm dawl, li dawk l-affarijiet li ġabet magħha ma setatx tużahom. Imma din it-tfajla għamlet riflessjoni. Qaltli: l-ewwel darba f’ħajti li jien kont waħdi miegħi innifsi, mhux nisma jew nara, imma waħdi miegħi innifsi. U meta tkun waħdek miegħek innifsek ma tantx ikollok affarijiet li taħseb fihom ħlief lilek innifsek u tibda tidħol ġewwa fik ħalli tkun taf verament int min int.
U t-tielet aspett tal-ħajja tagħna marbut maż-żmien huwa l-futur tagħna. U ovvjament il-futur irridu nippjanawh issa, mhux fid-dettalji, imma għallanqas fil-prinċipju, f’din it-triq li jiena se nibda issa. Il-futur irid jitmexxa b’ideali. Meta jkolli ħajti f’idejha nagħmel ideali, meta niltaqa’ ma’ xi ħaġa li tista’ tfixkilni nkun nista negħelibha. Jekk ma nagħmilx ideali, jien bilfors inkun immexxi ma dak li ġismi jew moħħi jgħiduli fil-mument, per eżempju x-xogħol, per eżempju d-droga. Għaliex? Għaliex meta m’għandix ideali, il-preżent, il-mument ikun iktar b’saħħtu minn dak li nixtieq nagħmel f’ħajti.
F’dawn il-ġranet ippruvaw araw ftit l-ideali li intom qed tibnu, ideali personali l-ewwelnett, ideali professjonali, u ideali wkoll ta’ liema rwol se jkollu l-Mulej fil-ħajja tagħkom. Tafu li bħalissa, bejn wieħed u ieħor dawk li regolarment jiġu fil-knisja huma ħamsin fil-mija. Kull wieħed u waħda minna irid jagħżel ma liema ħamsin fil-mija se jkun? Nista nkun ma’ dawk li ma jiġux, imma nista’ nkun ukoll ma’ dawk li jiġu. U din hija waħda mil-għażliet li tridu tagħmlu issa.
U l-aħħar riflessjoni hija li ż-żmien mhuwiex biss tagħna, imma ż-żmien huwa xi ħaġa li jien, permezz tiegħu jista jkolli influss fuq ħaddieħor. Ftakru li dak li tgħallimtu huwa poter, anke għalliem għandu forma ta’ poter fuq it-tfal. Kollox huwa poter, u għalhekk tridu taħsbu kif ħaddieħor se jibqa’ milqut minn dak li tagħmlu intom. Jiena ngħid żewġ kelmiet biss. Lil kulħadd tuh jew tuha d-dinjità tiegħu jew tagħha u tisfruttaw lil ħadd. Wieħed mill-iktar sinjali ta’ nuqqas ta’ dinjità huwa meta jiena nisfrutta lil xi ħadd ieħor għall-egoizmu tiegħi. U t-tieni, agħtu mqar parti minnkom infuskom lill-oħrajn. Nistgħu insejħula volontarjat. L-importanti jew li jiena nagħti biċċa minn dak li ħadt minn għand Alla l-Imbierek, u minn għand dawk li għallmuni, u nagħtiha b’xejn lill-oħrajn. nagħtuha b’xejn lil dawk li huma fqar. Dan huwa għajn ta’ ħafna kuntentezza.
Il-ħajja hija fraġli ħafna. Għalhekk tridu tgħixuha to the full. Xi snin ilu fil-Ganġi, fl-Indja kien hemm għarar u f’dawn il-għarar mietu mitt elf. Stajt insemmi tal-Fipippini imma dawk huma għaxart elef, l-oħrajn kienu mitt elf. Taf kif indunajt u fhimt x’inhuma dawn il-mitt elf? Meta għidt: dawn huma mitt elf jien, miet elf jien! Tat-taħbit li għamilt, tal-weġgħat li kelli, tal-ferħat li kelli. F’daqqa waħda dawn il-ħajjiet kollha u l-esperjenzi kollha saru xejn, spiċċaw. Għalhekk qed ngħidilkom: il-ħajja tagħkom għixuha to the full f’dak kollu li huwa tajjeb, kif smajna aħna fit-tieni lezzjoni tal-lum.
San Pawl qal li hu se jitlob għall-oħrajn, għall-insara ta’ dak iż-żmien. Jiena nwegħedtkom li f’dawn il-ġranet inkun qiegħed nitlob għal kull wieħed u waħda minnkom.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta