-
Il-Birgu
24 ta’ Lulju 2014Ħuti, il-Knisja tagħna għandha rispett kbir lejn il-qaddisin u dan ir-rispett mhuwiex fl-ajru imma jibni relazzjoni bejn il-qaddisin u aħna. Din ir-relazzjoni hija importanti għaliex lilna tagħtina ċ-ċans li nitolbuhom biex jidħlu għalina – min jaf kemm il-darba tlabna lil San Lawrenz u l-qaddisin l-oħra biex jidħlu għalina – u wkoll biex aħna nħarsu lejn il-ħajja tagħhom u fit-triq tagħna lejn Ġesu inħalluhom jgħallmuna kif għandna nersqu lejh.
F’din l-okkażjoni kbira fejn għandna fostna d-Demm ta’ San Lawrenz minn Amasena aħna rridu naraw kif il-ħajja ta’ San Lawrenz tista’ tkun id-dawl anke għal-ħajja tagħna. Se nieħu tlett siltiet mill-lezzjonijiet li smajna u nagħmel riflessjonijiet fuqhom.
L-ewwel silta li xtaqt li jiena naqsam magħkom hija mit-tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, it-tieni lezzjoni tal-lum. U San Pawl meta qed jikteb lill-Korintin jagħtihom, prinċipju: fit-triq lejn il-Mulej, min jiżra’ ftit jaħsad ftit, min jizra’ ħafna jaħsad ħafna (2 Kor 9, 6). Kemm inpoġġu fil-Mulej,aħna nistgħu nieħdu lura. Jekk aħna ma niżirgħux fil-Mulej, ma nħallulux ħin fil-ħajja tagħna, jekk il-ħajja tagħna ma tirriflettix dak li hu tal-Mulej, il-Mulej ma jkun jista’ jagħtina xejn. Il-Mulej iridna nirċievu minn għandu, imma sakemm nibqgħu hekk, aħna ma nistgħux nirċievu dik il-barka li llum smajna fuqha.
Dan huwa importanti għaliex San Lawrenz fil-fatt żera’ ħafna. San Lawrenz żera’ sa’ l-aħħar nifs ta’ ħajtu. Tah kollox lill-Mulej, saħansitra l-ħajja tiegħu, fil-martirju. Imma importanti li nifhmu li l-qaddisin u l-martri mhux isiru martri dak l-ħin, meta joqtluhom, le! Il-martri jkunu diġa taw kollox lill-Mulej f’ħajjithom, imbagħad il-Mulej jippermetti li l-martirju jkun il-prova li dik il-persuna tatu kollox. Hija l-konferma ta’ dak li wieħed ikun tah. Mela ma taħsbux li xi ħadd ikun qiegħed mhux ippreparat u se jieħu l-martriju. M’hemmx ċans. Biex wieħed jieħu l-martirju qalbu trid tkun diġa taha lill-Mulej.
It-tieni ħaġa importanti li nifmhu hija li l-martirju mhuiex sempliċiment att ta’ kuraġġ. Jien nissoponi li meta naqraw il-ħajja ta’ San Lawrenz, f’qalbna ngħidu x’kuraġġ kellu biex joqgħod għal dawk it-tbatijiet kollha. Imma l-Knisja tgħidilna li l-martirju mhux kuraġġ, imma fidi! Il-martri propju f’dak il-mument li jkun qiegħed ibati, jagħmel att ta’ fidi fil-Mulej u fil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Dik tagħtih is-saħħa biex hu jibqa’ sa’ l-aħħar jistqarr li hu jħobb u jrid lill-Mulej. Tant hu veru li skont l-istorja ta’ San Lawrenz meta kien se jmut fuq il-gradilja, kif tafu intom, l-aħħar kelma li qal kienet: O Sinjur, jiena niżik ħajr għaliex għoġbok tħallini fost dawk li se jidħlu fis-saltna. Dak kellu f’moħħu San Lawrenz, mhux it-tbatija. It-tbatija, biex ngħidu hekk, nesieha, minħabba l-fidi li kellu li se jkun, xi darba, għand il-Missier Alla.
Din hi l-ewwel tagħlima li jagħtina San Lawrenz: ejjew niżirgħu, ħuti, ma nħallux li tkun darba ta’ kultant li aħna nersqu lejn il-Mulej; ejjew il-fidi tagħna fil-qawmien inħalluha tgħinna biex aħna fit-tfixkil, fl-aljenazzjonijiet li jkollna ta’ kuljum, niftakru li nixtiequ li xi darba niltaqgħu mal-Mulej. Għalhekk nibdew minn issa nagħmlu l-għażliet lejn il-Mulej mhux fl-aħħar ta’ ħajjitna, imma issa. Kull ħaġa li nagħmlu narawha fid-dawl tal-qawmien mill-imwiet.
It-tieni sentenza li xtaqt li naqsam magħkom hija mill-Vanġelu, meta Ġesu jgħidilna: min irid jaqdih x’għandu jagħmel? ‘Iħalli kollox u jimxi warajja’. Dik hija l-kelma ta’ kif naqdu lill-Mulej. Importanti li niftakru, ħuti, aħna nitolbu ħafna lil Ġesu u sewwa nagħmlu, imma Ġesu ġie biex jurina forma ta’ ħajja, biex aħna nimitawh. Ġesu mhux qiegħed hemmhekk biex jiena nitolbu, imma mbagħad meta niġi biex nagħmel it-triqat tiegħi ma jimpurtaniex minnu. Ma tagħmilx sens. Għax Ġesu bagħtu Alla l-Missier biex jirrevelalna ħafna veritajiet importanti. Hu għix il-ħajja tagħna ħalli aħna nkunu nafu kif għandna ngħixu l-ħajja tagħna. Sidna Ġesu Kristu qalilna li min irid jaqdih irid jimxi warajh.
Dan li għamel San Lawrenz. Min jaf f’ħajtu kemm għamel għemejjel li kienu jixbħu ‘l dawk ta’Ġesu. Kieku ma sarx qaddis. Wieħed mill-għemejjel u jissemma f’wieħed mill-innijiet li smajna hija li meta qalulu li hemm il-periklu li joqtluh, l-ewwel ħaġa li għamel kienet li ħa l-flus tiegħu personali u tal-Knisja u tahom lill-fqar. Mhux dan jagħllimna Ġesu meta kien jgħin lill-fqar u l-dawk li kienu mġarrbin b’xi ħaġa jew oħra? U San Lawrenz biex jixbah lil Ġesu, għamel l-istess u ta kollox lill-fqar. Aħna rridu nkunu nistgħu ngħidu wkoll li anke aħna nixbħuh lill-Mulej, imma x’aktarx aħna m’għandniex bżonn ngħaddu mill-martirju allura ma nistgħux nimxu t-triq kollha wara Ġesu, mentri San Lawrenz mexa t-triq kollha wara Ġesu, ma waqafx qabel il-mewt, imma mar wara Ġesu anke fil-mewt. U għalhekk sar martri kbir għaliex baqa’ miexi wara Ġesu anke f’dik il-ħaġa li tant ġabitlu weġgħat, l-martirju kiefer li sofra.
It-tielet sentenza li xtaqt naqsam magħkom hija dik li rajna fil-Vanġelu tal-lum meta Ġesu jgħid dak il-kliem: jekk żerriegħa ma tmutx tibqa’ weħida, imma jekk tmut tagħti ħafna frott. Żerriegħa trid tmut biex tħalli l-frott, jiġifieri tinbidel fi żbula u tibqa tikber. Il-mewt tal-martri lilna tħallilna l-frott. Ħa niftakru fil-każ ta’ San Lawrenz żewġ mumenti differenti.
L-ewwel mument kien meta kien għadu ħaj u kien qiegħed fost l-insara bħala djaknu, arċidjaknu ta’ Ruma. U hemmhekk San Lawrenz min jaf kemm ta eżempji sbieh u frott lil dawk li kienu madwaru. Min jaf il-Mulej lil San Lawrenz kemm ħabbu qabel il-martirju propju meta kien qiegħed fost in-nies u jwasslilhom il-kelma tiegħu.
It-tieni ħaġa mbagħad fil-każ ta’ San Lawrenz, u mhux tiegħu biss, il-Mulej ikun jixtieq li l-ħajja ta’ dak il-qaddis tibqa miexja, ma tinteshiex tul iż-żmien. U allura x’bdew jagħmlu l-ewwel insara? Bdew jiġbru r-relikwi biex jibqgħu iżommuhom ħalli jibqgħu jiftakru fil-qaddisin. U għalhekk illum għandna l-privileġġ kbir li fostna hawqn id-demm ta’ San Lawrenz, demm li huwa misterjuż u demm li huwa mirakoluż. Imma dan qiegħed hemm biex meta aħna narawh u naraw l-għeġubijiet li jsiru bih, niftakru f’San Lawrenz, u San Lawrenz iwassalna lejn Ġesu. Għalhekk nitolbu ’l Mulej li f’dawn il-jiem li għandna wkoll il-festa ta’ San Lawrenz, aħna lkoll nippruvaw nifhmu iktar il-ħajja tiegħu u naraw ftit fejn nistgħu nimitawh għaliex permezz tiegħu nistgħu bħalu aħna jkollna verament is-salvazzjoni għall-ħajja ta’ dejjem.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta