-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tal-mitt sena mit-twaqqif tas-Sorijiet Klarissi f’Malta
-
San Ġiljan
9 ta’ Diċembru 2013Ħuti, aħna ġejna hawnhekk biex nifirħu ma’ din il-komunita tal-Klarissi għal mitt sena li ilhom fostna. U jien għamilt din il-mistoqsija għalija: imma għaliex għandna nroddu ħajr lil Alla, bħala Knisja, għall-fatt li s-sorijiet Klarissi ġew Malta? U ħsibt fuq erba’ affarijiet differenti.
L-ewwel ħaġa għaliex ma kienetx pjan ta’ bniedem. Smajna fl-introduzzjoni li s-sorijiet kienu bi ħsiebhom imorru Lixandra. u allura ġara bħalma ġralu S Pawl. Mingħajr ma jafu għaliex, mhux bi pjan ta’ bniedem imma bil-pjan ta’ Alla, huma ġew f’din il-gżira. U ma nafx indunajtux fl-introduzzjoni kien hemm xi ħaġa li verament tixbah dak li aħna naqraw fl-istorja ta’ San Pawl.
Meta waslu, in-nies kienu tant ġenerużi li mlewhom b’kull ħaġa li kellhom bżonn. Tiftakru meta San Pawl ġie biex jitlaq mill-Gżira u il-Maltin tawhom dak kollu li kellhom bżonn? U allura naħseb ma rridux immorru fil-bogħod biex ngħidu li verament kien hemm il-grazzja ta’ Alla li ġabet lis-sorijiet Klarissi hawnhekk. Ippermettuli l-kelma, imma biex iktar nidħlu fiha, iktar milli nħarsu lejn is-sorijiet, bħal fil-każ ta’ S. Pawl, irridu nħarsu lejn l-imħabba t’Alla lejn din il-Gżira, għaliex huwa hu, Alla l-Imbierek, li tana dawn il-grazzji.It-tieni raġuni li għaliha ħsibt li għandna nirringrazzjaw lil Alla hi din. Franġiskani diġa kellna tlett friegħi f’Malta, imma bis-sorijiet klarissi għandna d-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja Franġiskana. Din id-dimensjoni tidher fil- faqar u l-umiltà, ma tistax tifridhom mill-mixja lejn il-Mulej. Huma l-ispirtu tal-mixja lejn il-Mulej. U tagħmel sens għaliex meta Kristu kien ġej fid-dinja, huwa seta’ jiġi sinjur, seta’ jiġi b’saħħtu; kollox seta’ jagħmel, imma għażel il-faqar. Għalfejn? Biex fil-faqar juri d-divinità tiegħu. Ħadd ma jkollu t-tentazzjoni li jgħid: hu żgur li dak mexa l-quddiem, konna aħna li mexxejnih! Ġesù fil-faqar tas-salib ħa s-saltna tiegħu.
Id-Dimensjoni l-oħra tal-kontemplazzjoni Franġiskana hija l-umiltà. Aħna smajna lil Ġesù jgħid b’mod speċjali: “jiena ta’ qalb ħelwa u umli”. U ma naħsibx li tista timmaġina umiltà iktar kbira milli li persuna jew persuni jinħbew fil-monasteru biex kull glorja li tiġi fuqhom mhux minn għand il-bnedmin tiġi, imma minn għand Alla l-Imbierek. U allura dan hu l-qofol ta’ dak li aħna nidentifikaw mal-Frangiskaneżmu fid-dawl kontemplattiv tiegħu.
It-tielet ħaġa li xtaqt li nsemmi hija r-relazzjoni ta’ dawn is-sorijiet mal-providenza t’Alla. Min jaf kemm smajnih lil Ġesù jgħidilhom lill-appostli tiegħu: “ħabbtu u jiftħulkom, itolbu u jingħatalkom”. U kultant ngħidu: faċli hekk kieku, kieku kien veru! Hawnhekk dawn is-sorijiet f’dan il-monasteru juruna li huwa veru, għax dawn għandhom fiduċja sħiha fil-providenza t’Alla. U l-providenza qatt ma naqsithom għaliex dawn is-sorijiet qattam anaqshom xejn. Min-naħa l-oħra, il-providenza għamlet miraklu ieħor. Fil-bidu smajna li qegħdin nitolbu għall-benefatturi. Alla l-Imbierek inqeda b’ħafna nies li ħallew l-providenza t’Alla tużahom biex tasal il-ġenerożità tiegħu għand dawn is-sorijiet. Min jaf kemm kien hawn nies kuntenti għaliex huma setgħu jiġġrovdu f’isem Alla l-Imbierek l-għixien ta’dawn is-sorijiet. Kienu l-idejn tal-providenza li daħlu f’dan il-monasteru biex juru kemm hi kbira l-imħabba t’Alla.
U r-raba’ ħaġa li għaliha għandna nirringrazzjaw ‘l Alla, hija li hawnhekk (f’dan il-monaster) Alla l-Imbierek tana oasi ta’ talb, oasi ta’ talb differenti. L-ewwelnett huwa t-talb kontemplattiv. M’hemmx talb iktar milli inti tħallilu l-vojt lil Alla. Dawn is-sorijiet ħallew il-vojt mhux biss tat-talb, imma ħallew il-vojt tal-ħajja kollha tagħhom. Daħlu hawn ġew (ngħidulhom tal-klawsura) – għalhekk huma kontemplattivi, – biex kollox ikun f’idejn il-Mulej, biex ikollhom aktar spazju biex huma jidħlu f’relazzjoni ta’ talb mal-Mulej. U dan jgħallimna xi ħaġa. Għalxejn li tixtieq it-talb jekk inti ma tħallix il-vojt. Għalxejn. Jista’ jkollok mit elf xewqa ta’ talb, imma jekk int ma tgħidtx: isma din il-kwarta nagħtiha lill-Mulej, għalxejn ix-xewqa. Kemm se nħallulu vojt lill-Mulej biex ikun jista’ jidħol fil-ħajja tagħna?
Forma oħra ta’ talb hija dik tat-talb ta’ interċessjoni. Min jaf kemm nies, lanqas tgħoddhom, jċemplu lis-sorijiet biex jinterċedu għalihom, biex huma jkunu jistgħu jitolbu għalihom. Ix-xhieda li taw dawn is-sorijiet tal-kontemplazzjoni tat kuraġġ lil ħafna nies biex ikollhom fiduċja fit-talb li jsir hawn ġew. Kemm kien hemm persuni li sabu l-faraġ tagħhom għaliex hemm din il-komunità li qed titlob għalihom.
L-aħħar forma ta’ talb hi dik orali. Ikun hemm ħafna jgħidu kemm hu monotonu t-talb u kemm qiesu ma jgħammillek xejn. Hawnhekk għandna l-eżempju li meta inti tidħol fit-talb bħala relazzjoni ma’ Alla, ferħ ikollok. Il-Mulej dejjem qalilna li hu jimlina bil-ferħ u allura hija xhieda wkoll għal min jiddubita li t-talb iġiblek il-ferħ. Bħala xhieda għandna lil dawn is-sorijiet li dejjem tarahom ferħanin.
Nagħlaq billi flimkien mad-djoċesi ta’ Malta, ngħaqqad issa d-djoċesi ta’ Għawdex ukoll għaliex qegħdin igawdu huma wkoll minn dak li ġara mitt sena ilu. Issa hemm fondazzjoni ġdida tas- Sorijiet Klarissi ġewwa Għawdex u dik id-djoċesi tista’ tifrah magħna lkoll, mad-djoċesi tagħna, għax dak li ġara mitt sena ilu kien ukoll grazzja għalihom. Allura nirringrazzjaw lill-Mulej għal dak kollu li għamel, permezz ta’ din il-komunità tas-Sorijiet Klarissi.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta