Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun
14 ta’ Ottubru 2011
Ħuti,
Aħna bħala nsara nqiegħdu l-ġrajjiet kollha li ngħaddu minnhom fil-kuntest ta’ żewġ ġrajjiet li huma l-aktar importanti għall-fatt li aħna neżistu. L-ewwel fatt huwa li Alla l-Imbierek ħalaq kollox u għamel il-bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu. It-tieni fatt importanti fl’interpretazz-joni ta’ l-istorja tagħna huwa li l-bniedem dineb u allura hemm storja oħra parallela miexja. U din hija l-istorja tas-salvazzjoni.
Fil-kliem ta’ S. Pawl: “Il-ħolqien kollu qiegħed fl’uġigħ tal-ħlas sakemm jerġa jitwieled mill-ġdid” din id-darba mmarkat bil-grazzja li ġabilna l-Iben t’Alla meta ġie fostna, miet u rxoxta għalina. U kull bniedem, meta jitwieled ikun parti mill-ewwel parti ta’ dik li aħna semmejna l-interpretazzjoni, huwa parti mill-ħolqien u dak kollu li għamel se jkollu impatt fuq il-ħolqien. Imma meta nitkellmu fuq poplu nisrani aħna nitkellmu minn poplu– għalhekk huwa poplu saċerdotali – li jidħol f’din l-istorja biex jingħaqad ma’ Sidna Ġesu Kristu propju f’dak l-uġigħ tal-ħlas li l-ħolqien kollu ħiereġ għalih permezz tal-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu.
Ħuti, aħna lkoll qegħdin hawnhekk bħala poplu nisrani. Mal-magħmudija aħna dħalna f’dan il-misteru; kull wieħed u waħda minnha dħalna f’din il-missjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu li jagħti grazzja ġdida lill-ħolqien, il-ħolqien kollu ta’ madwarna permezz tal-bniedem li jkun salvat.
Imma llum aħna ġejna flimkien biex aħna nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni oħra. Alla l-Imbierek f’dan il-poplu magħżul li huwa għażlu biex ikun verament dak il-poplu li permezz tiegħu, il-grazzja ta’ Sidna Ġesu Kristu tinxtered mal-popli kollha, huwa għażel xi wħud minna biex lil dan il-poplu jkun jista’ jgħallmu, ikun jista’ jgħaddilu s-sagramenti, ikun jista’ jagħmilha ta’ medjatur fit-talbiet tiegħu bl’interċessjonijiet permezz ta’ l-umanita u Alla l-Imbierek.
U aħna llum qegħdin hawnhekk għaliex se niċċelebraw dan is-sagrament li permezz tiegħu Alla jagħti lil xi wħud biex ikunu jistgħu jaqduh fil-poplu tiegħu, biex il-poplu jaqdi l-missjoni fil-kuntest ta’ l-Ordni Sagri li huwa wieħed mis-sagramenti li għamnel Sidna Ġesu Kristu.
Bħalma semmejtilkom fil-bidu, dan is-Sagrament hu l-uniku sagrament li għandu tlett gradi imma t-tlieta huma parti mis-sagrament. Għandna l-ewwel grad li huwa l-grad tad-djakonat li huwa dak li dawn it-tmien kandidati llum se jirċievu. Bil-għajnuna tal-Mulej u bil-perseveranza tagħhom, huma jaslu biex il-quddiem jirċievu it-tieni grad, il-grad tal-presbiterat ministerjali. Imbagħad Alla l-Imbierek jagħżel lil xi wħud għat-tielet grad li huwa l-grad ta’ l-episkopat, jiġifieri ta’ l-Isqfijiet. U allura aħna se niċċelebraw dan is-sagrament ta’ l-Ordni Sagri bħala grazzja mingħand Alla l-Imbierek.
Jiena xtaqt li naqsmu daqsxejn flimkien u naraw x’se jitlob dan is-sagrament ta’ l-Ordni Sagri bħala l-ewwel grad, id-djakonat, minn dawn iż-żgħażagħ. It-tlett lezzjonijiet għażluhom huma stess biex minnhom iġibu d-dwal għall-ħajja li huma se jidħlu għaliha.
Fl-ewwel lezzjoni mill-Atti tal-Appostli, kellna silta fejn dawn l-appostli bdew jipprietkaw u f’daqqa waħda indunaw li kien hemm ċertu servizz li ma kienx qiegħed jingħata. Allura huma għażlu sebgħa minn dawk li kienu madwarhom u għamluhom djakni biex ikunu jistgħu iservu fil-mejda għall ħtiġijiet aktar materjali ta’ dik il-komunita nisranija. Minn hemmhekk nibet dak l-isem ta’ djakonat fil-Knisja universali.
Imma hemm żewġ affarijiet li lilna jqanqluna propju f’dik is-silta. L-ewwelnett li mhux għażluhom kif ġie ġie, imma huma riedu dispożizzjoni li kellha tibqa’ għal ħajjithom kollha. Għażlu sebgħa; ħa naraw il-kundizzjonjiet: li jkollom isem tajjeb minħabba x-xhieda, mimlijin bl’Ispirtu s-Santu u bil-għerf. U r-raġuni kienet ovvja u din hi t-tieni riflessjoni għax imbagħad meta nibdew naqraw l-istorja ta’ dawn is-sebgħa djakni, għandna b’mod speċjali tnejn minnhom, aħna nindunaw li dak li huwa djakonat li beda billi huma jaqdu fil-mejda, ma baqax magħluq biss f’xi ħaġa li hi materjali imma sar predikazzjoni tal-Kelma. U din għalina hija tagħlima kbira ħafna. Ma tistax tagħti biss dak li huwa materjali. Jekk inti ma tagħrafx id-don kbir tal-kelma li l-Mulej tak – dan jgħodd għalina ilkoll – u ma’ dak li huwa l-għajnuna materjali, ma tagħtiex ukoll il-kelma li kapaċi lil bniedem tmexxih u timxi miegħu tul ħajtu kollha.
Fl’Atti tal-Appostli għandna żewġ djakni li narawhom mhux prinċipalment f’dak li ġew maħturin għalih imma billi jwasslu l-kelma. Wieħed minnhom huwa S. Stiefnu li huwa l-ewwel martri tal-Knisja għaliex ipprietka l-kelma mingħajr biza’. It-tieni wieħed huwa Filippu u fit-triq meta kien hemm wieħed mhux nisrani. Alla l-Imbierek permezz ta’ dan id-djaknu wassallu l-kelma. Allura l-ewwel ħaġa: il-ministeru tagħkom irid ikun ministeru ta’ mħabba, ta’ servizz bħal ma kienu l-ewwel sebgħa djakni imma jrid ikun servizz li huwa maqgħud ħafna mal-kelma. Mhiex sħiha l-imħabba tagħna jekk magħha ma jkunx hemm maqgħuda l-kelma, kelma ta’ faraġ fi Kristu, kelma ta’ dawl fi Kristu. Għalhekk hemm bżonn li kontinwament tibqgħu mimlijin bl’Ispirtu u l-għerf li jiġu biss minn Alla l-Imbierek permezz tat-talb u l-ftuħ għall-Ispirtu.
Fil-Vanġelu tal-lum aħna rajna storja li hija ħelwa ħafna: l-istorja tas-Samaritan it-tajjeb. Hawnhekk Sidna Ġesu Kristu qed jagħtina daqsxejn ta’ tagħlima li tgħodd għalina l-insara kollha imma b’mod speċjali kont inpoġġieha fil-kuntest li Sidna Ġesu Kristu tana li aħna saċerdoti, isqfijiet u minn hawn u ftit ieħor anke dawn l-aħwa li se jkunu djakni. Għaliex l-eżempju li ta Sidna Ġesu Kristu ta’ dawk li ma użawx l-imħabba kienu qassis u levita, it-tnejn suppost li mis-sejħa tagħhom kellhom iservu lil Alla u lil Alla anke fil-proxxmu tagħhom. Allura r-riflessjoni li nagħmel lil aħwa u lilna hawnhekk hi li l-qofol mhux biss li tkun magħmul qassis u levita; il-qofol mhux biss li tkun magħmul djaknu u presbiteru u anke isqof, imma ll-qofol hu b’liema spirtu li int kapaċi tgħix dawn id-doni kbar li l-Mulej ikun tak biex isservi fil-Knisja tiegħu.
Għalhekk m’hemmx għalfejn ngħidilkom, intom se tidħlu f’dan il-ministeru tad-djakonat u dejjem ftakru li l-Mulej il-ministeru tad-djakonat se jikkalkolah mhux dak li jsir barra imma dak li jsir ġewwa fikom f’dik li hija imħabba lejn dawk li huma barra. U Sidna Ġesu Kristu jagħti eżempju f’dan ta’ wieħed Samaritan għaliex dan is-Samaritan ma jingħalaq fl’ebda aspett uman ta’ l-imħabba tiegħu. X’jimporta għalih li dak li kien fit-triq lanqas kien jaf jekk kienx ukoll Samaritan, ma jafx jekk kienx ta’ reliġjon oħra, mhux importanti! L-importanza kienet li dak il-bniedem kellu bżonnu. U dan huwa l-qofol tal-mod kif in-nisrani, b’mod speċjali aħna li ġejna deputati anke fil-kuntest tad-djakonat li aħna rċevejna snin ilu u dak li dawn l-aħwa se jirċievu llum, l-iktar importanti huwa dak li hemm ġo fik li ma jeskludi ’l ħadd u għal ebda raġuni mill-imħabba tiegħu. U hija l-imħabba li tħares il-valur tal-persuna mhux x’inhu l-persuna imma l-bżonnijiet tal-persuna.
Għalhekk dijn hi t-tieni riflessjoni li llum il-Mulej qiegħed jgħidilkom ukoll biex tagħmlu din il-qabża fil-kwalita ta’ l-imħabba tagħkom, imħabba li ġejja mill-qofol tal-grazzja tad-djakonat – għax il-Mulej jagħti grazzji speċjali fid-djakonat – u ġejja mill-imħabba universali biex tkunu tistgħu tagħtu servizz fix-xebħ ta’ Sidna Ġesu Kristu.
L-aħħar grazzja li l-Mulej qiegħed jagħti lilna lkoll llum b’mod speċjali lil dawn l-aħwa, hija li tana mudell li huwa S. Pawl. Naħseb biżżejjed li jiena nsemmi dak li qal S. Pawl fil-ministeru tiegħu. Hu jgħid hekk: “Jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd biex nixbah lil ħafna”. Kemm saret iddejjaqna dil-kelma ta’ lsir fil-kultura li qegħdin ngħixu fiha! Anke ta’ qadej saret iddejjaqna. U aħna rridu nifirħu fiha! Aħna rridu nifirħu għax ikun hemm xi ħadd jgħidlek: ‘Imma taf li jien qed nagħraf li int bħala djaknu, bħala saċerdot, inħossok li int qiegħed hemmhekk biex taqdini, inħossok li int qiegħed hemmhekk verament bħala lsir tal-poplu?’. Kif jgħid S. Pawl li miċ-ċokon tal-pożizzjoni li tkun ħadt ta’ lsir u ta’ qaddej, tkun tista’ tiġbed lil ħafna lejn Sidna Ġesu Kristu.
U hawnhekk S. Pawl jgħidilna fuq il-kelma tiegħu li hu kien jagħti: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju”. U naħseb li meta taqra l-ħajja ta’ S. Pawl ma kienx joqgħod jistenna l-mument tal-omelija biex ixandar il-Vanġelu. Ma ridtx ifisser dak biss, imma ried ifisser ħafna aktar. Li l-Vanġelu jkun dak li hemm ġewwa qalbek u li kull ċans li jagħtik – anke aħna s-saċerdoti, djakni imma anke intom bħala insara mill-qawwa tal-magħmudija tagħkom – li l-Vanġelu jkun l-Aħbar it-tajba li taqbeż minn ġo fija u tgħaddi lil ħaddieħor. Jekk nillimitaw dan li jgħid S. Pawl għal din li hija l-omelija tagħna biss, inkunu qegħdin infaqqru ħafna dak li jgħid S. Pawl: “ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju”. Hu jżid jgħid: “Qed nagħmel ix-xogħol li Alla fdali f’idejja”. Allura l-kelma t’Alla hija l-akbar qadi fid-djakonat li intom se tagħtu anke lill-oħrajn.
Jiena nagħlaq ħuti. Naħseb li llum qegħdin ngħixu fi żmien li huwa diffiċli. Anke fl’aħħar Pastorali tagħna aħna għidna li huwa żmien diffiċli. Imma jekk huwa żmien diffiċli, mhuwiex żmien isbaħ għal min qiegħed iservi? Imma jekk huwa żmien diffiċli, ma jfissirx li l-appostolat tagħna sar aktar meħtieġ personalment ma’ l-aħwa? Allura nixtieqkom li tidħlu f’dan id-djakonat bil-qalb tagħkom kollha u tagħrfu li llum ħafna aktar minn qabel, ħafna aktar minn qabel, dak li huwa d-don li se tirċievu llum mill-Ordni Sagri, propju fid-Djakonat, se jkun ħafna, ħafna ta’ ġid għall-poplu li aħna ministri tiegħu u li rridu nservu.
+ Pawlu Cremona O.P.