Monasteru tal-Klarissi, S. Ġiljan

2 ta’ Ġunju 2013

Ħuti, illum fil-Knisja universali aħna qegħdin niċċelebraw il-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu moghtijin lilna bħala ikel u xorb. Hemm ħafna modi kif nistgħu nispjegaw l-Ewkaristija, imma jien se nagħtikom ħsieb wieħed biss fuqu.

L-Ewkaristija hija t-tiġdid, il-kontinwazzjoni ta’ żewġ misteri kbar fil-ħajja ta’ Ġesù: l-Inkarnazzjoni u s-salib. Sidna Ġesù Kristu fil-misteri kollha tal-ħajja tiegħu għandu żewġ dimensjonijiet. Dimensjoni waħda hija li pereż li hu l-Iben t’Alla magħmul bniedem, il-misteri tiegħu li għex fil-ħajja tiegħu għandhom importanza universali, jolqtu lill-umanità kollha, kemm dawk li ġew qabel Kristu kif ukoll dawk li ġew wara Kristu. Fl-Inkarnazzjoni Sidna Ġesù Kristu sar parti mill-umanità tagħna. Id-dimensjoni l-oħra hi li fl-Ewkaristija aħna liberament nersqu lejn Ġesù biex din id-darba l-Inkarnazzjoni tidħol ġewwa fina, u ġo fina tidħol id-divinità. F’dak li fi Kristu kien universali, fl-Ewkaristija isir għotja personali lili, lil kull wieħed u waħda minna.

It tieni misteru ta’ Sidna Ġesù Kristu li huwa marbut ħafna mal-Ewkaristija huwa l-misteru tas-salib. Hemmhekk fil-misteru tas-salib Sidna Ġesù Kristu salva lill-bnednin kollha għaliex il-qawwa tas-salib, pereż li kien l-Iben t’Alla, xterdet fuq l-umanità kollha. Imma fl-Ewkaristija din l-istess grazzja jiena konxjament, għax irrid, għax għandi l-għatx tal-Mulej Ġesù, din il-grazzja li hi ta’ kulħadd issir grazzja tiegħi. L-Ewkaristija hija tiġdid tal-misteru tal-Għid, din id-darba ġewwa fiha; dak li kien universali, isir personali.

Ovvjament, ħuti, jekk qed nitkellmu fuq misteri daqshekk kbar, Sidna Ġesù Kristu jistenna minn kull wieħed u waħda minna xi forma ta’ tweġiba għal din l-għotja tiegħu. U aħna qegħdin hawnhekk illum biex nirriflettu daqsxejn fuq din t-twġiba, m’hemmx ikbar minnha fil-Knisja. Għal din l-għotja, Sr Elizabeth Clare llum lill-Mulej se tagħtih il-kollox, se tagħtih il-futur tagħha u futur jista’ jkun sittin sena, jista’ jkun għaxar snin, mhux importanti, l-importanti hu li kollox ikun tal-Mulej Ġesù għaliex hija illum se tagħmel il-professjoni solenni propju bħala soru kontemplattiva jew kif nafuha aħna,soru tal-klawsura, Klarissa.

Ħa naraw it-tlett lezzjoni tal-lum x’jgħidulna fuq din it-tweġiba li aħna għandna nagħtu lill-Mulej. Fl-ewwel lezzjoni (Ġen 14, 18-20), għandna din il-figura daqsxejn stramba. Għandna lil Melkisedek, sultan ta’ Salem u dan is-sultan jiġi b’offerti tal-ħobż u l-inbid, għalhekk ngħaqduhom mal-Ewkaristija. U f’dak il-mument, li kien importanti mhux dak li kien jidher imma dak li ma jidhirx għaliex f’dak il-mument għandna miktub: “Imbierek Abram, għax Abram lil Alla tah l-għexur”, il-one cent ta’ dak li kellu. Imbagħad jgħid: “Imbierek Alla li bierek diġa’ lil Abram”. Ħuti, illum nixtieqkom tmorru ftit lil hemm minn dak li qegħdin taraw u tisimgħu. Minn hawn u ftit ieħor se tisimgħu lil Sr Elizabeth Clare tgħid il-formola ta’ din l-għotja imma iktar importanti minn hekk, immaġinaw persuna li se tagħti lilha nfisha kollha kemm hi lil Alla l-Imbierek, x’ferħ hemm fil-ġenna, x’ferħ hemm għand il-Missier. U xi grazzji speċjali tingħata biex hi tkun tista’ tgħix din il-vokazzjoni li rċeviet u żammet u lestiet għaliha. Mela l-ewwel ħaġa li rridu niftakru hija li llum se jsir patt kbir enormi, ma narawhx, imma se jsir, bejn Alla l-Imbierek u Sr Elizabeth Clare.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum (1Kor 11, 23-26) aħna rajna lil S Pawl jerġa jirrepeti lill-Korintin dak li sar fl-aħħar ċena, dak li hu kien sema’ għax hu ma kienx fl-aħħar ċena. U meta jirrakonta dan il-fatt, jispiċċa b’dan il-kliem u jgħid: “Kull darba li intom tieklu minn dan il-ħobż u tixorbu minn dan il-kalċi intom tkunu qegħdin tħabbru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi”. Ma’ l-Ewkaristija hemm maqgħuda, ħaġa waħda, li hija l-mewt. Lejliet li miet Sidna Ġesù Kristu tana l-Ewkaristija imma l-mewt tal-Mulej Ġesù kienet speċjali għaliex ma kienetx mewt li tibqa’ mewt imma kienet mewt li kellu jgħaddi minnha, imbagħad tinbidel u ssir qawmien.

U llum – ippermettuli l-kelma – qegħdin naraw il-mewt ta’ Sr Elizabeth Clare propju fil-kuntest tal-Ewkaristija. Hi, min hawn u ftit ieħor, tagħmel il-voti, il-voti solenni tagħha. Il-voti huma tlieta u jirriflettu l-ħajja ta’ Ġesù. Ġesù ma kellu ‘l ħadd tiegħu biex kulħadd ikun tiegħu. Illum Sr Elizabeth Clare se tagħmel l-istess: mhux se jkollha familja tagħha, mhux biex tibqa’ bla familja, imma biex il-familja tagħha jkunu l-bnedmin kollha li għalihom hija ser titlob.

Minn hawn u ftit ieħor hija tagħmel il-vot tal-faqar biex l-uniku ġid tagħha, din id-darba, ikun determinat. Kemm ifixkilna l-ġid ta’ din id-dinja, u għandna bżonnu, mhux qed ngħid kontra, għandna bżonnu. Imma meta int tpoġġih fil-ġenb biex minflok ix-xewqa tiegħek tkun mhux għal flus jew għal affarijiet materjali imma tkun għal ħajja ta’ dejjem, allura hemmhekk hija mewt ta’ l-affarijiet materjali biex ikun hemm il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Sidna Ġesù Kristu fil-ħajja tiegħu kien jiftaħar mhux għax għamel xi ħaġa hu; kien jiftaħar li kull m’għamel għamlu għax ‘hekk kien jenħtieġ’, ‘hekk bagħtni nagħmel il-Missier’. Ir-rieda ta’ Sidna Ġesù Kristu kienet ħaġa waħda mar-rieda ta’ Alla l-Missier. U llum Sr Elizabeth Clare se tagħmel l-istess storja. Mill-lum il-quddiem hija tifrah mhux għax tkun għamlet xi ħaġa, imma tifrah għax dak li tgħamel tgħamlu b’ubbidjenza. Ubbidjenza li tkun tfisser ukoll ħafna fidi, għaliex altru jkollok ubbidjenza diretta minn għand Alla! Imma meta jkollok ubbidjenza li int trid taċetta minn bnedmin bħalek, is-superjuri tiegħek, trid ħafna fidi. Il-Mulej se jieħu dik l-ubbidjenza u se joħroġ il-grazzja minn fuqha.

"Se tkun hawnhekk mhux biex tingħalaq, imma biex tipprovdi vojt madwarha ħalli jimtela' biss bil-ħsibijiet tal-Mulej."

Minbarra hekk, għax dik hija xi ħaġa tal-konsagrazzjoni tar-reliġjużi kollha, illum se toffri l-vot tal-kontemplazzjoni u tal-klawsura. Ara taħsbu li dan il-vot ifisser li hi mhix se tħobb lid-dinja. Hi se tħobbha d-dinja imma b’mod differenti. Allura hi Dik hija l-klawsura mhijiex fini għaliha nfisha, hija mezz biex wieħed jidħol iktar fil-fond meta huwa jkun qiegħed fil-meditazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu t-tfixkil minn din id-dinja.

L-aħħar ħsieb li xtaqt li naqsam magħkom kien il-Vanġelu tal-lum (Lq 9,11-17) li fih aħna rajna ħafna nies imorru wara Ġesù biex ifejjaqhom. u dawn il-ħafna nies F’daqqa waħda l-appostli ndunaw li dawn il-ħafna nies m’għandhomx x’jieklu, u daru lejn Ġesù u l-Mulej Ġesù għamel il-miraklu u fil-fatt kattar il-ħobż, l-ftit ħobż li kellhom. X’sar wara dak il-mument? Immaġinaw lil dawk in-nies kollha, m’għandhomx x’jieklu u f’daqqa waħda jkollhom il-ħobż! Bejniethom bdiet komunjoni għax bdew jitkellmu fuq il-miraklu li għamel Ġesù. Saru ħaġa waħda fi Kristu, għaliex ilkoll kielu mill-ħobż tal-miraklu.

Allura llum Sr Elizabeth Clare se tagħmel l-istess ħaġa. Hija meta daħlet hawnhekk, daħlet f’post fejn ma tkunx taf min huma s-sorijiet imma taf li magħhom trid tagħmel komunjoni fi Kristu. Magħhom trid titlob, magħhom tħobb, magħhom tagħmel il-missjoni tagħha u din hija parti mill-vot li se tagħmel illum. Il-voti mhux se tgħixhom weħida, imma se tgħixhom fis-solidarjetà ta’ ħutha kollha li hawn f’din il-komunità. Huwa dan il-miraklu, ħuti li se jsir il-lejla. Ippruvaw, kif għidtilkom fil-bidu, ippruvaw li tidħlu mhux f’dak li qegħdin taraw imma f’dak li qiegħed isir f’Sr Elizabeth Clare minn Alla l-Missier.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta