Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta

14 ta’ Jannar 2012

Ħuti,

L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lil Franklyn u lil Antonella ta’ din l-esperjenza li qasmu magħna f’dawn l-ewwel xhur taż-żwieġ u kif spjegawlna huma jidhru li l-esperjenza tagħhom qed jibnuha fuq is-sod.

Jiena xtaqt li naqsam magħkom xi ħsibijiet.  L-ewwelnett nixtieq nirringrazzjakom għall-għażla li għamiltu li intom tizzewwġu bis-sagrament taż-żwieġ. Hija għażla li mhux kulħadd jagħmilha; hija għażla li titlob impenn nisrani imma hija għażla li tiftah triq.  Hemm xi wħud li jagħżlu tieġ nisrani biss imma nippretendi li intom ilkoll għażiltu żwieġ nisrani jiġifieri dak il-ħin tal-għotja tagħkom lil xulxin waqt il quddiesa tat-tieġ tagħkom. Intom quddiem Alla l-Imbierek tajtu l-imħabba tagħkom lil xulxin u wegħdtuh li tibqgħu mexjin f’din it-triq akkumpanjati minnu.  Hija ħasra li wieħed jagħmel din l-għażla fil-bidu ta’ żwieġ nisrani imma mbagħad ma jkomplix jibni fuqha.  Hija ħela kbira.

U jiena xtaqt li naqsam magħkom propju dawn il-ħsibijet:

x’jiġifieri li inti fil-fatt tkun għażilt li tiżżewweġ bi żwieġ sagrament u

x’inhuma l-għajnuniet li jista jkollkom.

Illum kellna lezzjonijiet qieshom magħżulin apposta.  L-ewwel lezzjoni tal-lum (1 Sam 3, 3-10.19) kellna lil wieħed Samwel jiġi msejjah minn għand Alla l-Imbierek biex ikun profeta tiegħu.  U naħseb dan il-ħsieb huwa importanti għalikom għaliex – ħa nipprova nispjegaha – iż-żwieġ hija vokazzjoni, sejħa daqskemm is-saċerdozju kien sejħa għalija.  L-uniku differenza, u għalhekk forsi mhux dejjem nifhmuha, hi li s-saċerdozju ma ssibux fin-natura, fl-umanita, allura bilfors tgħid: isma jien kelli sejħa biex mort. Waqt li ż-żwieġ u l-familja jinsabu ilkoll, propju fl’umanita u  allura faċli ngħidu:  jiena dħalt fiż-żwieġ, imbagħad daħal Kristu fil-mument tat-tieġ tiegħi. Mhijiex l-istess.  Kull nisrani miżżewweġ xi darba f’ħajtu jrid jgħid:  grazzi, Mulej talli tajtni din is-sejħa.  Ftakru li fl-istorja tal-umanita skont kif għandna fil-kelma t’Alla fl-ewwel sejħa li ngħataw l-bnedmin. Kien hemm din is-sejħa li biha l-Mulej qiegħed isejjaħ lilkom illum: siru ġisem wieħed u tkattru. Mela intom is-sejħa tagħkom importanti.  Qed ngħid hekk, għax tant nisimgħu ideat differenti. Meta inti tidħol għaż-żwieġ nisrani, mhux għal mument tat-tieġ qed tidħol. Tridu tinbiddlu daqsxejn minn dik il-kultura li hemm barra.  M’hemmx dik id-dinjita kbira li tissemma fil-kelma t’Alla meta aħna nisimgħu ħafna fuq mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali,  fuq x’inhi l-ħajja taż-żwieġ, m’hemmx dik id-dinjita kbira li meta wieħed verament ikun imsejjah ikun jista jidħol fiha.

Komplu stagħġbu bis-sejħa li l-Mulej takom. Teħduhiex for granted. Fil-fatt ma nafx jekk hux Franklyn jew Antonella, semmulna li din hija kaxxa magħluqa.  Jiena ngħid: imnalla.  Għaliex kieku diġa tkun taf min xhiex se tkun għaddej ma jkollokx x’tibni.  Imnalla hija kaxxa magħluqa. Għaliex?  Għaliex il-kaxxa hija vojta biex timlewha intom.  Jekk Alla ħares qatt xi ħadd mit-tnejn iġib il-kaxxa diġa jaf x’se jagħmel fiż-żwieġ, hemmhekk mhu se tidħlu fl’ebda realta sabiha li permezz tagħha qegħdin tibnu fil-Mulej.  Mela din hija l-ewwel waħda.  Forsi llum għiduhielu ’l Mulej anke ġewwa qalbkom, għaliex? Biex imbagħad ir-relazzjoni ta’ bejnietkom ma tkunx biss ta bejnietkom. Min jaf kemm kien hemm miżżewġijn jieħdu l-qawwa tagħhom għaliex wara li huma jgħixu r-relazzjoni ta’ bejniethom, imbagħad imorru quddiem Alla u jgħidu:  ħa nara ftit, din kif suppost riedni ngħixha Alla? Il-persuna li hemm ħdejja, suppost qed nitrattaha kif riedni l-Mulej jew kif ifettilli jien?  Dik tfisser sejħa. Tfisser li l-mixja tagħkom lejn il-Mulej trid tgħaddi mill-persuna li hemm ħdejk. Dak li wegħdtu intom. Tgħidlu:  Mulej, issa biex nasal għandek mhux se nasal waħdi, se nasal mal-persuna li hemm ħdejja li jiena se nħobbha, se npoġġiha fiċ-ċentru ta’ ħajti ħalli nkun nista nasal għandek.

It-tieni riflessjoni hija mit-tieni lezzjoni tal-lum mill-I Ittra lill-Korintin. Kienet sabiha ukoll . Għaliex x’jagħmel id-differenza?  Aħna għandna l-ġisem tagħna, mhux hekk?  U għandna l-ispirtu, u xi ħaġa trid tbati minnhom.  U fit-tieni lezzjoni tal-lum kien hemm ir-raġuni li l-ġisem tagħna  – hekk qal – mhuwiex qiegħed għaż-żina, fis-sens li mhux hu jrid ikun l-ewwel li jmexxina.  Il-ġisem tagħna anzi irid jitmexxa mill-ispirtu tagħna ħalli nkunu nistgħu ngħinuh fil-fatt fl’ispirtu. Xi ħaġa trid tbati. Min jimxi skont il-ġisem tiegħu biss, se jbati l-ispirtu.  Qed nitkellem anke l-kwalita li għandu jkun hemm bejn il-miżżewġin. Għaliex? Għaliex il-ġisem tagħna l-ewwel istint tiegħu hu li jaħseb fih innifsu.  L-imħabba mhiex hekk. L-imħabba l-ewwel ħaġa li taħseb hija fil-persuna li hemm ħdejk, tgħaqqadha ma dawk li huma l-interessi tiegħek u jsiru punt wieħed li fih wieħed. Hekk ikun jista’ jibqa miexi l-quddiem.

U allura importanti li aħna nagħmlu għażla.  Din hija ħaġa oħra li fil-kultura tagħna rridu nbiddlu. Jekk hemm kelma li tiġi abbużata hija l-kelma imħabba. Imma kemm il-darba il-kelma mħabba tiġi marbuta ma’ affarijiet li huma biss tal-ġisem, tagħlaq fiha nfisha u ma tiġiex bħala  esperjenza ta’ mħabba tal-persuna li hemm ħdejk, li inti tgħix għal-persuna li hemm ħdejk li hija propju l-qofol ta’ dak li ntom dħaltu għalih fiż-żwieġ.

Jiena dejjem ngħidha, forsi jista’ jkun kontu għarajjes is-sena l-oħra u smajtuni ngħidha, li l-isbah definiżżjoni taż-żwieġ hi dik li jiena smajt minngħand wieħed raġel; ma kontx nafu, illum sirt nafu imma dak  iż żmien ma kontx nafu.  Hu u l-mara kienu għadhom kemm tilfu tarbija; dak iż-żmien kellhom daqsxejn ta’ mument ta’ toqol.  Kien ġie jqerr, qabel ma qerr, qalli: Father, jien lil mara tiegħi la ħadtha għalija, lanqas ħadtha għaliha, imma ħadtha biex inħobb lil Alla fiha. U beda jispjegali x’ried ifisser biha.  Qalli, ma ħadditx għalija, għax kieku illum jista’ jkolli wiċċa u għadha jista’ jkolli wiċċ ħaddieħor.  Qalli, ma ħaditx għaliha, għax illum niżżuħajr ’l Alla għadha żgħira, bil-mod il-mod, bħal tikber fl’eta,  ma tibqax l-istess meta bdiet il-grazzja li kelli magħha. Hija jista’ jkun li timrad, Alla ħares qatt, imma jista’ jkun.  U spiċċa billi qalli: jiena ħadtha lil-mara tiegħi biex inħobb lil Alla fiha. U kompla: jiena qabel ma mmur norqod, Father, mhux nara jekk nitlobx meta nkun quddiem Alla – kien bniedem li jitlob – qalli jiena ndur lejh ngħidlu: Mulej, jekk il-mara tiegħi, illum ħabbejtha, ħabbejt lilek; jekk illum lil-mara ma trattajthiex tajjeb, lanqas lilek ma ħabbejt.  Jiġifieri il-persuna li hemm ħdejk, il-mara tiegħek, ir-raġel tiegħek, irid isir il-preżenza ta’Alla l-Imbierek f’ħajjitkom. Ftakru li – dan hu ż-żwieġ sagrament – il-persuna li hemm ħdejk hija don mingħand Alla.  Ngħiduha mhux biex nibżgħu, li xi darba trid tagħti rendikont għax dik hija bintu, u dak huwa ibnu. Xi darba trid tagħti rendikont u l-Mulej se jitsaqsik u inti kif itrattajt lil persuna li hemm ħdejk? Kemm hu sabih li din ir-relazzjoni allura li tgħaddi mill-ispirtu tar-raġel għall-ispirtu tal mara u viċeversa, tkun tista’ tiġi mgħixha daqskemm il-koppja tagħmel l-isforz tagħha biex tikber fiha. U din hija l-kreattivita fl-imħabba li intom jista’ jkollkom.

Niftakar darba kien hemm koppja, kienu għadhom fl’għerusija tagħhom. Bħala koppji min jaf kemm iċċemplu lil xulxin; illum bil-mowbajl, dan ilu s-snin, ma kienx hemm mowbajls. U meta s-soltu ħaddieħor jista jċempel lil xulxin, minħabba x-xogħol tagħhom ma setgħux iċemplu lil xulxin. Allura x’għamlu?  Dawruh għal-mod tagħhom: fid-disgħa ta’ fil-għodu se jkunu qegħdin jitolbu għal xulxin. Araw Alla li qiegħed ġo nofshom.  Ma jkellmux lil xulxin għax ma jistgħux, imma fid-disgħa jafu li huma marbutin għax it-tnejn qegħdin jitolbu għal xulxin. Din hi l-kreattivita li intom fl’ispirtu tagħkom tridu tippruvaw tikbru fiha.

L-aħħar ħaġa ħuti hi li llum mhux l-iktar mument faċli fejn tgħix iż-żwieġ bħala esperjenza sabiha ta’ sagrament.  Kemm mill-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, kemm mill-ħafna kliem li jingħad, huwa mument ta’ sfida kbira biex intom tgħixu dak li intkom wegħdtu lil xulxin. U dan mhux biex ibezzgħana qed ngħidu.  Jiġifieri l-impenn tagħkom irid ikun ikbar, jiġifieri ma tistgħux tintelqu u tippretendu li s-soċjeta li qed tgħixu fiha se tgħinkom biex intom tibqgħu mexjin fit-triq li fiha l-imħabba tagħkom tkompli tikber.

Allura l-aħħar suġġeriment li xtaqt naqsam magħkom, fil-fatt diġa semmewha l-koppja:  trid issib post fejn inti fil-fatt l-imħabba tiegħek mhijiex mhedda, mhux qiegħed fuq ix-xogħol u forsi xi ħadd qiegħed jipprova jittantak, jew xi ħadd qed jipprova jitkellem ħażin kontra ż-żwieġ, m’intix f’post fejn int qiegħed tara t-televiżjoni u forsi l-internet li għandna llum u l-messaġġi ma jikkontribwux għal dik li hija l-ħajja fiż-żwieġ. Il-kelma ta’ Ġesu fil-Vanġelu tal-lum kienet: ejjew u taraw.  Jekk ma tersqux lejn l-Mulej ma jistax ikollkom il-qawwa li hu wiegħed li jagħtikom meta intom intrabattu miegħu fil-jum tat-tieġ.  Issemmew żewġ affarijiet minn Franklyn u Antonella u nerġa nsemmihom jien; kont bi ħsiebni nsemmihom imma nerġa ntenni. L-ewwelnett hija il-quddiesa tal-Ħadd.  Hija xi ħaġa sabiha: ejjew u taraw fis-silta tal-Vanġelu tal-lum; kellna l-appostli jħeġġu lil xulxin biex imorru.   Kemm hu sabih li l-koppja tħeġġeġ lil xulxin biex il-quddiesa tal-Ħadd tkun element li jsaħħaħ.  Meta wieħed jibda jiskarta, tafu x’jiġri ħuti, imbagħad tibda llum ma mortx għax sibt skuża, id-darba li ġejja ma mortx lanqas għax sibt skuża oħra u tibqa’. F’daqqa waħda ssib lilek innifsek f’vojt mingħajr il-preżenza t’Alla f’nofskom fiż-żwieġ li intom tagħmlu.

Ħa ngħid storja. Darba ġie wieħed raġel għandi, snin ilu, u dan sfortunatament iż-żwieġ tiegħu kien qiegħed jisfaxxa. U dan ġie għandi jqerr u jitqarben; kien ilu xi tletin sena ma jersaq lejn Alla, jew jitlob, u ġie miskin jitlob jekk jistax ikun li hu u l-mara tiegħu jerġgħu jingħaqdu flimkien.  U ġie propju għalhekk.  U niftakar li hekk għidltu: terġax tagħmel l-istess żball. Għax kultant x’jiġri? Inħalli lil Mulej, ninsih, għal tletin sena, kollox ikun kważi wasal biex tfarrak, imbagħad f’daqqa waħda ninduna u nistenna ’l Alla jagħmel miraklu.  Il-Mulej ma jixtieqx li jimxi hekk magħkom. Il-Mulej jixtieq li intkom tmorru regolarment, il-Ħadd, anke kuljum. Meta tkunu qed titkellmu ma’ xulxin u dak il-ħin meta tibdew bid-dawl tiegħu titolbu lil Mulej; Mulej x’hemm x’irrid infejjaq fiż-żwieġ tiegħi?  Mulej, x’hemm li rrid nimbidel jien u x’hemm li trid timbidel il-persuna li hemm ħdejja biex aħna nkunu nistgħu nimxu ’l quddiem?  U l-problemi li tiltaqgħu magħhom tkunu tistgħu taffrontawhom meta għadhom żgħar, fil-bidu, mhux wara snin meta l-ewwel barxa li jkun hemm  tibda tinfetah u f’daqqa waħda tkun selħa fil-ħajja tagħkom li qegħdin tgħixu.

Storja oħra, biex insaħħaħ dak li qalu l-koppja ta’ qabel, għax jien bl-istejjer nitkellem, stejjer li tgħallimt minngħandhom mingħand il-miżżewwġin.  Ġiet waħda mara, milhux ħafna, kemm ili Isqof, u din il-mara ġiet għandi, qaltli: f’daqqa waħda qegħdin fi kriżi.  Kellha żwieġ sabih mar-raġel tagħha; għandha tnejn jew tlett itfal. Qaltli għax kien hemm xi ħadd,  ħabiba jew kuġina ma nafx min hi: kont naħlef fuq iż-żwieġ tagħha, f’daqqa waħda din telqet lil żewġha.  Qaltli: Father, għidli fejn se mmur biex insaħħah iż-żwieġ tiegħi. Għidli fejn nista’ nsib grupp, post fejn nistgħu nitkellmu fuq is-sbuħija taż-żwieġ fuq il-fedelta’ tagħna ħalli nkunu nista nkun aktar qawwija   Allura jiena nissuġġerilkom ukoll.  Hemm dawn iż-żewġ għajnuniet tagħkom, fejn intom titolbu u tħeġġu lil xulxin, hemm il-quddies tal-Ħadd, Ħadd wara l-ieħor – araw kemm kienu sbieh il-lezzjonijiet tal-lum, jgħallmukom kull nhar ta’ ħadd biex tagħmlu riflessjoni fuq iż-żwieġ tagħkom.  U t-tieni ħaġa, fil-Knisja f’Malta, qegħdin nippruvaw kemm jista’ jkun li jkollna gruppi ħalli intom tkunu tistgħu tmorru fihom, darba fil-ġimgħa.  Tgħid, għandi post, għandi siegħa, siegħa u nofs li fiha jiena qed nitkellmu l-istess lingwa mhux bħalma jkun hemm fuq ix-xogħol kultant, iwaqqgħu għaċ-ċajt l-iktar affarijiet sagri għal persuna miżżewġa.

Allura jiena nagħlaq hawnhekk.  Nixtiqilkom dak li intom tajtu lil Mulej diga, fil-mument meta wegħedtu l-imħabba dejjiema, lil xulxin, issa tkomplu tinvestu fiha, billi tkomplu dejjem iżjed, tħallu lil Mulej jidħol fiż-żwieġ tagħkom fl-imħabba tagħkom, ħalli tibqgħu tikbru fl-imħabba tagħkom u fl-istess ħin fiH.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta