-
Messaġġ tal-Arċisqof fl-okkażjoni tas-Seba’ Anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
19 ta’ Jannar 2014Ħuti,L-ewwelnett nirringrazzjakom talli qed tingħaqdu miegħi biex infaħħru lil Alla għal dak kollu li għamel miegħi. Illum aħna b’mod speċjali qegħdin infakkru żewġ dati: l-ewwel data hija meta twelidt jien, it-tieni data hija meta ġejt ordnat Arċisqof.Huwa importanti li niftakru li n-nisrani jħares b’mod differenti lejn il-ġrajjiet u l-mumenti partikulari tiegħu. Min-naħa waħda huwa jħares lejn il-passat, għaliex il-passat huwa dak li jmexxina lejn il-preżent. Jekk il-passat tagħna kien imdawwal mill-kelma t’Alla, allura jkun aktar faċli li fil-preżent inkun qed ngħixu skont ir-rieda ta’ Alla l-Imbierek. U l-mument preżenti, f’għaqda m’Alla, jinfetaħ għal ġejjieni, għaliex il-ġejjieni huwa dak li qegħdin nibnu llum.Meta n-nisrani jaqra l-passat tiegħu fid-dawl tal-Kelma t’Alla, jsib il-valuri fundamentali li jsawru l-ħajja tiegħu. Per eżempju, fil-ktieb tal-Ġenesi naraw li Alla ħalaq lill-bniedem, li ħalqu raġel u mara biex isiru ta’ xulxin fiż-żwieg u minnhom jitnisslu l-ulied; tana l-mod ukoll kif aħna ngħixu ż-żwieġ tagħna, kif nitrattaw lil xulxin, b’liema għożża għandna nrabbu l’uliedna, u saħansitra tana l-mod kif nitrattaw lill-annimali u l-ambjent ta’ madwarna.Dan il-kliem xtaqt ngħidu għaliex aħna bħala insara għandna żewġ missjonijiet. L-ewwel missjoni hija li aħna, kull wieħed u waħda minna, jgħix il-ħajja tiegħu fid-dawl tal-kelma t’Alla. Imma mbagħad, Alla l-Imbierek irid wkoll li l-insara jagħmlu ħilithom biex mhux biss jgħixu dawn il-valuri fundamentali, imma wkoll biex permezz tagħhom is-soċjeta tinbena skont il-qalb ta’ Alla l-Imbierek.Għalhekk, ħuti, kultant aħna niġu f’kuntrast mal-kultura u anke mad-dinja ta’ madwarna, għax id-dinja tħares lejn il-mument preżenti biss, filwaqt li n-nisrani jħares lejn dan il-mument fir-relazzjoni mal-passat, fid-dawl tal-kelma t’Alla. Minħabba f’hekk, spiss niġu f’kuntrast mal-kultura prevalenti. Xi żmien ilu kellna l-introduzzjoni tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna l-kwistjoni tal-unjoni ċivili, kif ukoll l-adozzjoni tat-tfal minn koppji li huma gay. Fid-dawl ta’ dan kollu, aħna nixtiequ ngħidu li għandna l-missjoni li nfakkru fil-valuri fundamentali li jsawru l-ħajja tal-bniedem kif tgħallimna l-Kelma t’Alla.Ara taħsbu, ħuti, u wasslu l-kelma, li aħna rridu nkunu selettivi u nwarrbu lil xi ħadd. Aħna li qegħdin nagħmlu huwa biss li naqqdu l-missjoni tagħna, li nfittxu li s-soċjetà tagħna tkun imwaqqfa u mibnija fuq dak li qalilna Alla l-Imbierek. Nemmnu li Alla li ħalaqna jaf x’inhu l-aħjar għalina. Jekk Alla qalilna li ż-żwieġ huwa l-aħjar pedament ta’ dik li hija l-ħajja fis-soċjetà, aħnanippruvaw inwasslu dan il-messaġġ. Għalhekk aħna nħossu l-bżonn li nitkellmu biex infakkru li l-ħajja tagħna, b’dak kollu li ġġib magħha, għandha tinbena fid-dawl tal-Kelma t’Alla.It-tieni ħaġa hi li n-nisrani irid jgħix ukoll għall-ġejjieni tiegħu, il-futur tiegħu, u dan għaliex Sidna Ġesu Kristu permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu, għamilha possibbli li aħna nkunu nistgħu inqumu għal ħajja ta’ dejjem. Ħuti, nisrani li ma jaħsibx fil-ħajja ta’ dejjem huwa nisrani li qiegħed jitlef aspett importanti minn ħajtu u mill-futur tiegħu. Alla għalhekk ħalaqna, u allura lkoll għandu jkollna ġewwa qalbna dik ix-xewqa li xi darba niltaqgħu mal-Mulej. Indumu kemm indumu mitt sena, ħamsin sena, mhux importanti, l-importanti hu li niltaqgħu miegħu. Għalhekk l-għemejjel tagħna kollha ta’ kull ġurnata, irridu nippruvaw kemm jista’ jkun nabbinawhom ma’ dak li Ġesu qal li aħna għandna nistennew, jiġifieri l-ħajja ta’ dejjem.Tant hu qawwi dan l-aspett, li aħna nafu li kull mument tal-ħajja tagħna għandu valur etern. Anke li jiena nagħti tazza ilma lil xi ħadd, m’għandux valur biss għal din id-dinja, imma huwa għemil li jwassal għal ħajja ta’ dejjem; għandu valur etern. In-nisrani meta jgħix il-ħajja tiegħu jaf li hu jrid jgħix fid-dinja għax il-missjoni tiegħu hija fid-dinja, imma jaf ukoll li Alla l-Imbierek lilu se jwasslu għad-dinja li aħna qegħdin nistennew. Għalhekk, din id-dinja mhijiex marbuta maż-żmien, mhijiex marbuta mal-ħajja. Il-bniedem qiegħed fid-dinja, imma jgħix għal Mulej, u mhux jgħix għad-dinja.Mil-lezzjonijiet li toffrilna l-liturġija llum, xtaqt nirrferei għal tliet kelmiet li jiġbru fil-qosor il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. L-ewwel kelma hija dak li naqraw fl-ewwel lezzjoni mill-profeta Isaija (Is 49,3.5-6). “Aħna l-qaddejja tal-Mulej”, jgħid Isaija. Hemm bnedmin, ħuti, li allaħares tgħidilhom qaddej għax jieħdu għalihom; min għalihom li qegħdin jitbaxxew. In-nisrani meta jqis lilu nnifsu qaddej tal-Mulej, jogħla fid-dinjità. Din hija l-ewwel kelma: aħna lkoll qaddejja tal-Mulej.It-tieni kelma neħduha minn San Pawl. San Pawl qiegħed jikteb lill-Korintin u hemmhekk jgħidlhom: “intom li ġejtu msejħin biex tkunu qaddisin” (1 Kor 1,2). Din il-kelma taf tbeżżagħna kultant. M’għandhiex tbeżżgħana, għaliex li nkunu qaddisin tfisser li ħallejna lill-Mulej jaħdem ġewwa fina permezz tal-grazzja u permezz tal-imħabba tiegħu. Dik tfisser is-sejħa għall-qdusija.It-tielet kelma li smajna llum mill-qari tal-profeta Isaija: “jien irridkom” mhux biss tkunu dawk li twasslu l-kelma lil ġens tagħkom imma tkunu dawk li twasslu l-kelma lill-ġnus kollha. Għalhekk għidtilkom li meta aħna l-Insara nitkellmu, din hija missjoni. La hija biex neskludu lil xi ħadd, la hija għax ma nħobbux lil kulħadd; aħna rridu nħobbu lil kulħadd imma aħna bilfors irridu nħarsu lejn il-kelma t’Alla li tgħidilna wkoll: ‘il-kelma tiegħi wassluha’.Ħuti, mill-ġdid nirringrazzjakom ukoll tat-talb li toffru għalija. Naf li hemm ħafna talb li jsir għalija u nirringrazzjakom b’mod speċjali talli ngħaqqadtu miegħi f’din il-quddiesa ta’ radd il-ħajr lill-Mulej.✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta