-
Messaġġ tal-Arċisqof f’Sibt il-Għid
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta
19 ta’ April 2014Ħuti, aħna fl-ewwel lezzjoni rajna fil-Ġenesi r-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu. Fl-ewwel żewġ kapitli li rajna llum tissemma biss dik li hi l-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin. Imma fil-kapitlu tlieta tissemma siġra oħra u din is-siġra kien fiha frott ta’ l-immortalita, jiġifieri li l-bniedem ma jmutx.
Mela Alla l-Imbierek fi ħsiebu ma ħalaqniex biss għal din id-dinja, imma mill-bidu nett ħalaqna biex inkunu nistgħu ngawduh fl-eternita. U aħna f’dawn l-ġranet għamilna t-triq tas-salib, il-Via Crucis. Kważi kważi jkolli ngħid mihiex kompluta, għax l-aħħar kelma tal-Mulej ma kienetx “f”idejk jien nerħi ruħhi” (Lq23, 46) imma kienet: jien qomt! Jiġifieri iktar missna nitkellmu fuq it-triq tal-qawmien. It- tbatija li bata minnha għaddaKristu wasslet għall-qawmien.
Mela f’dawn il-ġranet aħna ppruvajna ngħixu dak li qalu l-evanġelisti fir-rakkonti tagħhom. Importanti li niftakru li d-dixxipli u l-appostli tal-Mulej u n-nisa twajbin ħadd minnhom ma emmen li Ġesu se jqum għax kieku ma kienux se jmorru fil-qabar biex jidilku l-ġisem tiegħu. Marru għax m’emmnux! Jiġifieri dawn il-ġranet li aħna għaddejna fuq it-tbatija tal-Mulej Ġesu huma għexuhom bi qtigħ il-qalb, sa dak iż-żmien kienu jaħsbu li qed jaraw it-telfa ta’ Sidna Ġesu Kristu li issa miet u mar għal kollox.
Kien biss f’dan il-lejl, ħuti, bħalma rajna fil-Vanġelu tal-lum, li f’daqqa waħda idda dawl, f’daqqa waħda indunaw li dak li għadda minnu Ġesu kien biss passaġġ: tbatija u mewt imma mbagħad Ġesu kellu jqum, u Ġesu qam tassew!
Mill-lezzjonjiet tal-lum se nagħżel tlieta biex naraw ftit x’jgħidulna dwar kif Alla l-Imbierek ħejja t-triq għall-miġja tal-Mulej Ġesu fostna. Fl-ewwel leżżjoni (Ġen 1, 1-2, 2) aħna rajna l-ħolqien tal-bniedem. U meta nisimgħu bil-ħolqien tal-bniedem, aħna rridu niftakru li Alla l-Imbierek, biex ngħid hekk, lil bniedem ħalqu darbtejn. L-ewwel darba ħalqu, kif rajna fl-ewwel lezzjoni tal-lum, meta kien fil-bidu mingħajr dnub, mingħajr l-ebda dnub oriġinali. Meta l-bniedem dineb Alla li kellu jbiddel il-pjan tiegħu. Xorta baqa’ jgħid li l-bniedem għandu jmur miegħu fl-aħħar taż-żmien, kif jissemma fis-sigra tal-immmortalità. Għalhekk Alla l-Imbierek reġa għamel pjan ġdid għall-bniedem. Għalhekk Ġesu għadda minxiex għadda għax dan kien il-pjan ġdid. Kien hemm bżonn li Alla l-Missier kellu jħalli lil Ibnu jgħaddi minn dak kollu biex aħna, jiena u intom, inkunu salvi.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Ġen 22, 1-18) kellna l-istorja ta’ Abraham u Iżakk. U Abraham għaliex kien intalab minn Alla l-Imbierek biex jagħtih lil Iżakk? Mhux biex iġiegħel lil Abraham jinkwieta, imma għaliex Alla ried ikun jaf – din hija t-tifsira – li allavolja ta lil Abraham it-tifel Iżakk, imma issa ried prova li missieru Abraham kien jaf li t-tifel Iżakk mhux tiegħu imma kien ta’ Alla l-Imbierek. U allura seta, permezz ta’ Iżakk, jibni poplu ġdid.
Alla l-Imbierek bagħat lil Ibnu fostna, biex aħna nsiru verament il-popu t’Alla, b’Ġesu wieħed minna. Weħidna ma stajniex nagħmluh imma f’Ġesu sirna verament il-poplu t’Alla; ġo nofsna hemm Sidna Ġesu Kristu l-Iben t’Alla, u aħna ħutu.
It-tielet lezzjoni li smajna llum (Eż 14, 15-15, 1) kienet lezzjoni li titkellem fuq fuq l-Eżodu, jiġifieri l-ħruġ tal-poplu Lhudi mill-Eġittu. U hawnhekk rajna li Alla l-Imbierek għamel dak l-miraklu. Huma għaddew fl-inxief mill-baħar tal-qasab. Dan huwa simbolu għalina tat-triq li wriena l-Mulej Ġesu. Ġie hu, uriena t-triq. Ġesu huwa triq tal-Mulej, aħna rridu nimxu fuq il-passi tiegħu billi nkunu nafu l-Vanġelu. Il-Mulej bagħat lil Ibnu biex aħna nkunu nafu t-triq li permezz tagħha nersqu lejH.
Dan li qegħdin ngħixu f’dan il-lejl. Bdejn bin-nar u d-dawl, u kantajna: ‘d-dawl ta’ Kristu’, għaliex f’dan il-lejl id-dixxipli kollha ħadu d-dawl u saru jemmnu fil-Mulej Ġesu. Aħna qegħdin hawnhekk biex nerġħu nġeddu l-fidi tagħna fil-qawmien tal-Mulej Ġesu u nibdew naraw kollox minn dan id-dawl.
It-tieni ħaġa li se nagħmlu llum hija l-magħmudija. Għandna ħames trabi, u aħna llum se ngħaddu lil dawn it-trabi minn dak il-misteru kbir ta’ kif Ġesu miet u qam, dawn it-trabi b’mod misterjuż, b’mod mistiku, se jagħmlu dan l-istess passaġġ li għamel Kristu, din id-darba bil-grazzja tiegħu biss, u se jsiru ħolqien ġdid.
Għalhekk, ħuti, f’dawn il-ġranet ejjew naħsbu ħafna fuq il magħmudija tagħna, x’għandha tfisser fil-ħajja tagħna mhux li ħadniha u spiċċat, imma li ħadniha biex ngħixu skont dak li llum se jingħatha lil dawn it-trabi. Għalhekk, ħuti, ejjew ninġabru fina nfusna ħalli flimkien ngħixu wkoll din il-magħmudija li ser niċċelebraw illum.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta