Katidral tal-Imdina

29 ta’ Jannar 2012

Ħuti,

Aħna ġejna hawnhekk illum f’dan il-katidral biex nagħtu ġieħ lil dan l-episodju tant importanti fil-ħajja ta’ S. Pawl imma wkoll tant importanti fil-ħajja tal-Knisja: l-konverżjoni ta’ Missierna S. Pawl fit-triq ta’ Damasku.

Aħna nafu, ħuti, li wara d-dnub tal-bniedem, ir-relazzjoni ta’ Alla mal-bniedem kellha tieħu aspetti differenti. Per eżempju l-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn il-bniedem, issa minħabba li l-bniedem huwa midneb, l-imħabba kellha tieħu t-togħma ta’ maħfra u ta’ ħniena għaliex dik hija l-kwalita ta’ relazzjoni li tista’ tinbena bejn Alla twajjeb u perfett u bniedem imperfett u midneb.

L-istess nistgħu ngħidu dwar l-avveniment li llum qegħdin niċċelebraw: il-konverżjoni.  Il-bniedem bilfors fit-triq tiegħu lejn Alla l-Imbierek irid jiltaqa’ mal-konverżjoni. U dan għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett l-istat li fih qiegħed jgħix il-bniedem li mhux qiegħed fil-viżjoni diretta ta’ Alla l-Imbierek. Il-prekarjetá tal-eżistenza tiegħu titolbu li hu jgħaddi minn esperjenza għall-oħra, esperjenza li jilqagħha, kultant jerġa jitlifha u jerġa jilqagħha.  U min-naħa l-oħra, Alla l-Imbierek, ladarba l-bniedem li huwa midneb ma jistax jagħtih ispirazzjoni diretta bħalma nittamaw li jkun hemm fil-viżjoni beatifika. Imma r-rivelazzjoni fl-istorja kollha għaddiet minn rivelazzjoni għall-oħra sakemm fl-aħħar waslet fil-milja tar-rivelazzjoni li hu Sidna Ġesu Kristu.  U allura t-triq lejn Alla l-Imbierek, fil-każ ta’ kull wieħed u waħda minna, ma tistax tgħaddi jekk mhux minn konverżjoni kontinwa u ftuħ kontinwu għal dik li hija r-rivelazzjoni ta’ Alla l-Imbierek.

U meta nitkellmu fuq konverżjoni, aħna nkunu qed nitkellmu fuq żewġ realtajiet: min-naħa tal-bniedem u l-intervent ta’ Alla.  L-ewwelnett min-naħa tal-bniedem, irid ikun hemm disponibilità, għax inkella ma tistax titwettaq il-konverżjoni. Disponibilità, l-elementi neċessarji ħalli ssir il-bidla fih.  U min-naħa ta’ Alla, l-intervent fl-istorja tagħna, li tista’ tkun diretta bħal ta’ S. Pawl, jew inkella medjata permezz ta’ persuni oħrajn, li permezz tagħhom qalbna tista’ tinfetah għal konverżjoni, għal dwal ġodda fil-mixja tagħna lejn Alla l-Missier.

Għamilt din l-introduzzjoni għaliex nixtieq li nagħmlu riflessjoni fuq l-importanza, anzi l-importanza speċifika tal-konverżjoni ta’ Missierna S. Pawl. M’hemmx għalfejn ngħidu kemm hija konverżjoni importantissima min-naħa ta’ Alla għaliex hu daħal bil-qawwa tiegħu kollha fl-istorja ta’ S. Pawl biex ikun jista’ jikkonvertih. Naraw kemm Alla l-Imbierek, fil-pjan tiegħu, kien qiegħed jittama f’din il-konverżjoni ta’ Missierna S. Pawl ħalli jkun l-appostlu tal-ġnus. Min-naħa l-oħra aħna naraw id-disponibilità ta’ missierna S. Pawl li tant għamlet effett fih li hu jirakkonta l-konverżjoni tiegħu tlett darbiet: darbtejn fl’Atti tal-Appostli – aħna smajna żewġ rakkonti – u darb’oħra fl’Ittra lill-Galatin.  Tant għamlet effett fuqu din il-konverżjoni li kellu!

Għaliex, ħuti?  Aħna ngħidu li l-konverżjoni ta’ Missierna S. Pawl kienet waħda speċjali, kienet waħda partikolari bl-intervent ta’ Alla l-Imbierek.  L-ewwelnett min-naħa ta’ Missierna S. Pawl qabel ma beda t-triq tal-konverżjoni, diġa kellu xi elementi tajbin fih.  Kien bniedem li jħobb il-liġi, bniedem li jħobb il-liġi t’Alla, bniedem li jħobb ’l Alla, bniedem li tgħallem il-kelma t’Alla. Kellu ħeġġa iktar minn ħaddieħor, bniedem li kellu ħeġġa biex ir-reliġjon li hu kien jemmen fiha tkun tista’ tmur il-quddiem. Dak biss li kellu S. Pawl fit-triq lejn Damasku.

Imbagħad id-disponibilita ta’ S. Pawl għal konverżjoni ma ġietx minn S. Pawl. Li kien għalih, kien jibqa’ miexi fit-triq lejn Damasku, imma gie l-intervent ta’ Alla l-Imbierek u bħala don speċjali ta’ Alla l-Imbierek biex jiddisponih ħalli jieħu l-kelma l-ġdida. Biżżejjed naraw, ħuti, f’din it-triq ta’ Damasku li S. Pawl kellu bżonn – biex ngħidha hekk – doża kbira ta’ umilta, doża kbira ta’ ftuħ lejn dak li jrid Alla l-Imbierek minnu.  U din id-doża ta’ ftuħ u ta’ umiltà, ma ġabhiex b’idejh S. Pawl, imma tahielu Alla l-Imbierek f’dik it-triq ta’ Damasku.

Biżżejjed nimmaġinaw, ħuti, l-umiljazzjoni li kellu jgħaddi f’dawk il-ġranet meta kellu jiddependi għal kollox minn nies l-oħrajn, dak li tant fil-ħajja tiegħu ftaħar li hu kellu ħeġġa aktar mill-oħrajn ħalli jkun jista’ jiddefendi r-reliġjon tiegħu.  Immaġinaw l-umiljazzjoni li kellu jgħaddi minnha. U din l-umiljazzjoni hija don ta’ Alla l-Imbierek. Mhux hekk biss, talli din l-umiljazzjoni kellha tfisser wkoll li jagħmel dawk il-ġranet fl-għama, ma jistax jara.  U għalina dan huwa don kbir.  Immaġinaw dan l-bniedem li kien daqshekk fuq ruħu, f’daqqa waħda jkollu biss jidħol ġewwa fih biex jara d-dawl ta’ l-Ispirtu li huwa ġewwa fih.  L-għama ta’ barra tatu ċ-ċans biex iktar jiddawwal minn ġewwa għaliex issa jidħol ġewwa fih u hemmhekk jiltaqa’ ma’ Alla l-Imbierek.

Mela din kienet l-ewwel fażi: aħna llum nistgħu nfaħħru lil Alla għaliex id-don tal-konverzjoni ta’ Missierna S. Pawl kien straordinarju. Mhux bħal fil-każ tagħna, li l-konverzjoni tkun don minn Alla l-Imbierek imma mhux b’metodi speċjali u b’mod mirakoloż.  Fil-każ ta’ San Pawl tant Alla l-Imbierek ried li jikkonverti, li anke d-dispożizzjonji biex hu jinfetah għal dan it-tagħlim ġdid ta’ Ġesù tah. Dan ukoll kien don dirett tal-intervent t’Alla fil-ħajja tiegħu.

It-tieni ħaġa li timmeraviljana hija li Alla l-Imbierek, f’dik il-konverżjoni daħal direttament.  Ħafna drabi, l-konverżjonijiet ta’nies jgħaddu permezz tal-kliem li jgħidilhom xi ħaddieħor li għandu l-fidi ġewwa fih.  Fil-każ ta’ missierna S. Pawl il-konverżjoni ma kienetx hekk.  Sidna Ġesu Kristu stess daħal fil-ħajja tiegħu fid-dehra, smajnih fit-tieni lezzjoni tal-lum, jirrakonta li hu t-tagħlim li ħa ma ħadu minn għand ħadd ħlief minn Sidna Ġesù Kristu propju ġewwa d-deżert waħdu, ħlief meta mar jara daqsxejn għal ħmistax il-ġurnata lil Kefa. Mill-bqija kien hemm l-intervent ta’ Alla l-Imbierek li beda l-konverżjoni f’dak id-dawl u agħmillu dik il-mistoqsija: għaliex qiegħed tippersegwitani. Mbagħad kompliet wara bid-dħul ta’ Sidna Ġesu Kristu direttament fil-formazzjoni ta’ dak li kien għadu kemm qiegħed jikkonverti. Alla l-Imbierek dam snin jgħallmu f’din il-konverżjoni tiegħu permezz ta’ Sidna Ġesu Kristu, ħalli din tkun sħiha.

Mhux hekk biss talli Alla l-Imbierek daħal fl-istorja ta’ Missierna S. Pawl permezz ta’ persuna li Alla l-Imbierek poġġieh bħala ħabbar – qed nitkellem fuq Hananija – bħala ħabbar ta’ dak li għad irid jiġri minn Missierna S. Pawl. Immaġinaw x’bidla saret f’S. Pawl. Mur immaġinah qabel ma kkonverta, li hu joqgħod għal kliem li qed  jgħidlu ħaddieħor.  Naraw l-umiljazzjoni li l-proposti ta’ Alla l-Imbierek qed jeħodhom mhux direttament mingħand Alla imma mingħand bniedem ieħor li qatt ma ltaqa’ miegħu, imma jaf li hu kien imnebbah minn Alla l-Imbierek biex jagħtih l-aħbar tal-magħmudija tiegħu, imbagħad jagħtih l-aħbar ukoll li kellu jkun dak li jħabbar lill-ġnus il-fidi l-ġdida li S. Pawl żamm ġewwa fih. Mhux ta’ b’xejn, ħuti, li aħna niċċelebraw  b’tant solennita il-konverżjoni ta’ missierna S. Pawl.

Jiena nixtieq nagħlaq din ir-riflessjoni tiegħi billi nirringrazzja lil Alla l-Imbierek għal dan id-don ta’ Missierna S. Pawl li ta lil-Knisja kollha fl’ewwel żminijiet tagħha.  Il-konverżjoni ta’ S. Pawl ġrat b’żewġ mistoqsijiet li hu għamel lil Alla l-Imbierek.  Tajjeb li dawn iż-żewġ mistoqsijiet inżommuhom, kull wieħed u waħda minna, ġewwa fina u nirrepetuhom kontinwament għax it-tweġiba tal-Mulej qatt ma hija l-istess imma hija dejjem ġdida għal kull wieħed u waħda minna.

L-ewwel mistoqsija li għamel S. Pawl: Min int, Mulej?  U aħna kontinwament ma nistgħux nieqfu u ngħidu: jiena wasalt biex inkun naf li hemm Sidna Ġesu Kristu, naf xi ħaġa fuqu, imma trid tkun esperjenza personali li tgħaddi minn din il-mistoqsija fil-mumenti tat-talb tagħna: imma min int, Mulej? Mhux min kont il-bieraħ, jew min se tkun għada, imma illum min int għalija?

It-tieni mistoqsija li għamel S. Pawl li tgħaqad magħha għax darba qallu: jiena Sidna Ġesu Kristu li qiegħed tippersegwita, it-tieni mistoqsija hija: Xi tridni nagħmel, Mulej? Għaliex la l-Mulej ikun għażilna, imbagħad ti-triq tagħna tinbidel  u tiġi talb, triq ta’ qadi tal-Mulej.  It-tieni mistoqsija xi tridni nagħmel, Mulej? Mhux il-bieraħ x’ridtni nagħmel; mhux għada xi tridni nagħmel, imma llum Mulej, liema hija t-triq, il-pass li hemm quddiemi, għax il-konverżjoni timxi pass pass. Liema hi li tieħu għall-pass li hemm quddiemi biex imbagħad ngħaddi għall pass ieħor.

Jalla ħuti, din il-Festa tal-Konverżjoni tkun mezz fija u fina lkoll biex ngħarfu l-importanza tal-konverżjoni kontinwa li aħna rridu niċċelebraw u nixtiequ fil-ħajja tagħna.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta