14 ta’ April, 2011

Ħuti,

Fl-ewwel lezzjoni għandna lil Salamun li għadu kemm bena t-tempju tal-Mulej u jistagħġeb u jgħidlu, mhux bl-istess kliem tiegħu: “Mulej, imma kemm inti umli biex kapaċi tkun preżenza fit-tempju li aħna nibnulek bil-ġebla, il-ġebla umli”.

Is-Salm Responsorjali kien it-tweġiba ta’ wieħed minn dawk li mbagħad kienu jmorru t-tempju u t-tweġiba tiegħu kienet ta’ ħerqa kbira għaliex: “qalbi tixxennaq għat-tempju tiegħek, għal preżenza fit-tempju tiegħek”.  U naħseb li dan il-kliem jixhed l-element uman li jkun hemm f’kull Knisja u f’kull tempju. L-element ta’ l-istagħġib quddiem dan il-bini li hu mibni għall-Mulej u l-istagħġib għaliex in-nies jidħlu ġewwa fih u minflok ma jħossu l-istess ħaġa f’bini li jkun iktar sinjur bħalma hu palazz,  l-esperjenza tagħhom tkun differenti, għaliex hija esperjenza tal-Mulej.

Jiena xtaqt li naqsam magħkom daqsxejn ta’ riflessjoni li tiswa lil hinn minn dak li huwa t-tempju tal-ġebel, ta’ l-irħam, li tmur lil hinn minn dak li huwa t-tempju tal-Mulej. Imma din il-kelma konsagrazzjoni, minn fejn tieħu l-qawwa tagħha? U jien se nagħmel dawn it-tlett riflessjonijiet.

L-Ewwel Riflessjoni

Il-kelma konsagrazzjoni tieħu l-qawwa tagħha mill-fatt li ġo fiha jidħlu l-bnedmin. Għal Alla l-Imbierek huwa ċ-ċentru għaliex huwa magħmul – raġel u mara – xbieha tiegħu. Tant hija qawwija din il-preżenza li meta S.Pawl ikellem lilna jgħidilna: “Tafu li intom it-tempju tal-Mulej u ta’ l-Ispirtu s-Santu, kull wieħed u waħda minkom?”  Jiġifieri meta l-Missier iħares ’l hawn, naħseb l-ewwel ħaġa li jara hija l-konsagrazzjoni li hemm ġewwa fina, konsagrazzjoni għaliex maħluqin minnu, konsagrazzjoni għaliex Ġesu tana s-salvazzjoni, konsagrazzjoni għaliex kull wieħed u waħda minna irċevejna l-Ispirtu s-Santu u aħna nikkonsagraw lit-tempju bil-preżenza t’Alla. Aħna nikkonsagraw it-tempju għax hu magħmul propju għalina.

It-Tieni Riflessjoni

It-tieni ħaġa min fejn tiġi din il-konsagrazzjoni tat-tempju li aħna nagħmlu, hi li fiha nara din l-imħabba kbira ta’Alla l-Imbierek lejna.  Imma, tistagħġeb, kemm iħobbna biex hu jibdel lilu nnifsu biex jara aħna x’għandna bżonn biex igħinna ħalli nkunu nistgħu nersqu lejh. Alla l-Missier ma qalx: “Jiena spirtu, issa hemm bżonn li dawk jidħlu fl-ispirtu, m’għandhomx bżonn xejn aktar”. Le!  Qal: “Dawn huma l-bnedmin u għandhom bżonn jidentifikaw post fejn jiltaqgħu mal-Mulej; għandhom bżonn spazju”. U dak l-ispazju kollu fih tifsira speċifika biex meta wieħed qed jidħol minn dak il-bieb, ikun jista’ jgħid: hawn se nidħol – mhux bħal postijiet oħrajn fejn nidħol għall-isports, għat-teatru għal xiex trid – imma hawn għandhom bżonn li jkollhom post li, fil-fatt li huma jidħlu fih, ikunu jistgħu jiltaqgħu mal-preżenza ta’ Alla l-Imbierek.

Ħa nagħmel daqsxejn ta’ paragun forsi anke nagħqduh ma’ dak li smajna fil-Vanġelu tal-lum.  Waħda mir-raġunijiet għall-Inkarnazjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu ma kienetx għaliex aħna għandna bżonn naraw il-kelma, nisimgħu l-kelma u mmissu l-kelma, imma biex imbagħad nagħtu xhieda tiegħu, ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Smajna d-djalogu tal-lum. Imma x’jiġri? Li kien hemm ħafna li rawh imma baqgħu fuq il-qoxra mingħajr ma daħlu f’dak li hemm taħt il-qoxra, ta’ dak li kien jidher mill-Mulej Ġesu, jiġifieri l-preżenza t’Alla l-Imbierek, il-preżenza tad-Divinita.  U allura hawnhekk naħseb li huwa importanti li mhux nintelaq fis-sens li nħalli kollox f’idejn is-sensi tiegħi. Nista’ tgħid dak il-kwadru kemm hu sabih, u dak l-ieħor kemm hu sabih, iżda hawnhekk huwa l-post fejn l-iktar li jaħdem huwa l-Ispirtu li bih nindunaw li ċ-ċentru ta’ kollox huwa l-preżenza ta’ Ġesu Ewkaristija u l-iktar ħaġa importanti li ngħidu hija l-kelma li nisimgħu. Imma dak l-Ispirtu jekk noqogħdu mitluqin, jieħu over dak li huwa il-ġisem tagħna, is-sensi tagħna, is-sbuħija, għax kulħadd jagħmel l-affarijiet izjed sbieh u jista’ jkun ta’ tfixkil minflok ma jkun ta’ għajnuna.

It-Tielet Riflessjoni

It-tielet ħaġa naħseb importanti li aħna ngħidu hi li din hija biss passaġġ għall-eternita mhux biss għal kull wieħed u waħda minna, imma anke bħala komunita, meta niltaqgħu hawnhekk; mhijiex komunita li hija magħluqa fil-ftit snin li aħna niltaqgħu flimkien, imma hija komunita li tiġi hawnhekk, tgħaddi dan il-ftit snin – għax ftit snin trid tgħaddihom bilfors – imbagħad tifforma dak il hija il-komunita tas-sema.

Ħuti, fis-sema l-ebda wieħed mit-tempju, lanqas l-ikbar tempju li għandna ta’ S. Pietru f’Ruma, ħadd minnhom,  ħadd minn dawn it-tempji m’hu se jidħol verament fl’eternita. Mhux huma l-fini. Dak it-tempju jkollu l-glorja għax għalina kien il-mezz biex meta niltaqgħu hawnhekk, nibdew naħsbu fuq it-tempju li hemm jistenna fl’eternita u minn hawnhekk diġa nibdew niksbu  il-qalb, l-għemejjel, il-ħsibijiet tagħna għal din il-laqgħa aħħarija tagħna ma’ Kristu u li mbagħad tiġi fl’eternita. Din hija r-realta kollha li qegħdin niċċelebraw illum.

Konklużjoni

Grazzi, Mulej, għal dawk li inti nebbaħt biex jibnu dan it-tempju. Min jaf kemm sagrifiċċji għamlu hawnhekk. Nixtieqek li tbierek lilhom, Mulej.  Nixtieqek li tbierek ukoll lil-komunita li ġiet afdata f’idejha din il-kappella. Min jaf bil-ħidma tagħhom tul il-ħamsin sena, kemm kien hemm persuni li ħassew dak li konna qed nitkellmu fuqhom illum. U nitolbok, Mulej, li din  il-preżenza tiegħek f’nofs dan il-post fejn inti wkoll tieħu ħsieb permezz tas-Sorijiet, lit-tfal li huma tant  għeżież għalik, li anke dan il-post speċjali tal-preżenza tiegħek ikun ukoll qaddis ħalli dak kollu li jsir hawnhekk isir f’għaqda miegħek fl’imħabba lejn dawk li l-iktar li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta