-
Messaġġ tal-Arċisqof lill-membri tal-Kunsill Lokali u s-Soċjeta Ċivili
-
Ħaż-Żabbar
15 ta’ Diċembru 2013Ħuti, aħna ġejna flimkien biex niċċelebraw il-ħidma li kien hawn f’din il-parroċċa f’dawn il-ġranet. Jien nirringrazzjakom għaliha u ċert li l-Mulej jirringrazzjakom talli b’sagrifiċċju għamiltu din il-funzjoni, din iċ-ċelebrazzjoni llum f’dan il-post.
U jien xtaqt li ngħaqqadha mat-tlett lezzjonijiet li smajna llum. L-ewwel ħaġa li xtaqt insemmi hija dwar Ġwanni l-Battista li kien il-ħabbar tal-Mulej. U jiena u nipprepara din l-omelija ħsibt u għidt li intom ukoll kontu l-ħabbara tat-twelid tal-Mulej. Għad fadal diversi ġranet, imma ċert li dak li għamiltu, bħal S. Ġwann il-Battista, għen lill-poplu ta’ dan il-post biex hu jkun jista’ jidħol iktar fl-ispirtu tal-miġja tal-Mulej. U allura dan il-post huwa iktar lest biex jirċievi lil-Mulej fil-Milied, meta Ġesù jitwieled fostna. Għal dan aħna bħala Knisja nirringrazzjawkom ħafna.
It-tieni ħaġa li smajna fil-lezzjonijiet tal-lum kienet meħuda mill-ewwel lezzjoni ta’ Isaija (Is 35, 1-6a,10). U Isaija jitkellem hekk: jgħidilhom li għad jiġi l-Mulej. Qal hekk għax fi żmien Isaija n-nies kienu għaddejjin minn mument diffiċli ta’ ħafna faqar. U dak il-mument Isaija jwiegħed lil dawk li huma bil-ġuħ, li l-Mulej se jagħtihom x’jieklu, dawk li huma mtaqqlin il-Mulej se jserraħhom. Qaluli li f’din iċ-ċelebrazzjoni qed jinġabru wkoll il-flus biex jingħataw lil dawk li mingħajr l-għajnuna tagħkom, ma kienx ikollhom mod kif huma jistgħu jiċċelebraw bil-ferħ, bħall-bnedmin l-oħra kollha, il-miġja tal-Mulej. Min jaf kemm se jkun hemm nies li jgawdu mill-għotja tagħkom, min jaf kemm se jkun hemm nies li għaliex intom għentuhom huma jistgħu jifirħu wkoll umanament b’dak li aħna qegħdin niċċelebraw u se niċċelebraw ftit jiem oħra.
U t-tielet ħaġa, meta kont qiegħedl naqra t-tieni lezzjoni tal-lum (Ġak 5,7-10), tiftakru li kienet ta’ S. Ġakbu, wieħed mill-appostli, u dan qagħad ikellem hekk lill-insara ta żmienu, qalilhom: ara jfettlilkom titlewmu ma xulxin. Hu ried jgħid li l-komunità nisranija tfisser l-għaqda ta’ bejniethom. Kienu qegħdin jgħiduli li f’din iċ-ċelebrazzjoni li saret, kulħadd ħa sehem, il-post kollu hawnhekk ta’ ħaż-Żabbar ħa sehem biex ikun jista jiċċelebra f’komunjoni, f’għaqda, dak li l-Mulej ġie jgħamlilna.
Il-Mulej, meta ġie fostna, twieled f’maxtura, u laqa’ lil kulħadd: l-ewwel l-anġli, imbagħad ir-ragħajja, imbagħad il-Maġi, kulħadd, u allura aħna ma nistgħux ma ngħixux ukoll maqgħudin ma’ xulxin. Iktar ma nkunu maqgħudin ma’ xulxin iktar kapaċi nagħmlu affarijiet bħal dak li intom għamiltu llum. Inkunu kapaċi wieħed jgħin lill-ieħor, waħda tgħin lill-oħra, flimkien jirnexxielna nagħmlu ċelebrazzjonijiet bi spirtu nisrani għax dak kollu li semmejt huwa spirtu nisrani: tħabbar lil Kristu, tkun lest li tgħin lil ħaddieħor li m’għandux, u tkun lest li tiltaqa mal-oħrajn anke jekk ikun hemm ideat differenti, imma fi Kristu ningħaqdu lkoll biex nagħmlu xi ħaġa sabiħa.
Allura, jien nerġa nirringrazzjakom minn qalbi. Jalla l-Mulej jagħti l-barka tiegħu bħas-soltu fuq dawk li jkunu ġenerużi ma’ l-oħrajn, fuqkom u fuq il-familji tagħkom.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta