Il-Kurja, Floriana
20 ta’ Setttembru 2012
l-Lezzjonijiet tal-lum m’għażilnihomx aħna, mela jiena nħoss li kien hemm il-messaġġ li Alla l-Imbierek irid jibagħtilna llum.
Fil-fatt fl-ewwel lezzjoni ta’ S. Pawl lil-Korintin, S. Pawl qisu għaddej mill-istess esperjenza; qiegħed jibni komunita’ f’Korintu u qiegħed jgħidilhom dak li jgħin lil-komunita tikber, x’inhu dak li jgħin lil komunita. Xtaqt infakkarkom daqsxejn f’dak li jgħid S. Pawl. L-ewwel ħaġa li jgħid: Intom mhux ilkoll Insara? Mhux ilkoll immarkati bis-sinjal ta’ Kristu? Mela tridu tkunu ħaġa waħda biex tibnu din il-komunita’. U din hi l-ewwel riflessjoni li xtaqt li naqsmu flimkien. M’intomx teachers biss imma se nibdew l-iskola ta’ din is-sena billi aħna nkunu dawk li rċevejna, minn għand Alla l-Imbierek, il-magħmudija, xi wħud minna wkoll il-konsagrazzjoni, u allura aħna rridu, din is-sena nużawha biex nikbru anke fis-sejħa tagħna ta’ bnedmin li aħna mmarkati bis-sinjal tal-Mulej. L-istess mixja li se nagħmlu mat-tfal, aħna nistgħu ngħaqqduha spiritwalment, aħna personalment meta nimxu magħhom. Għalina se tkun okkażjoni ta’ kobor fil-qdusija propju permezz tal-missjoni tagħna.
It-tieni ħaġa li Alla l-Imbierek, permezz ta’ S. Pawl, ried jgħidilna llum hija biex aħna nieħdu propju dan il-proġett ta’ bini ta’ komunita u nagħmluh tagħna. Bl’Ingliż jgħidu own it u naħseb li fil-bidu tas-sena, b’mod speċjali lil dawk li jkunu ġodda, aħna rridu ngħidulhom li l-proġett tagħna huwa l-proġett tagħhom u l-proġett tagħhom irid ikun ukoll il-proġett tagħna. Huwa proġett wieħed li aħna qegħdin nagħmlu flimkien, mhumiex ħafna proġetti u allura rridu ningħaqdu biex dan il-proġett ikun il-ħidma tagħna lkoll li qed nagħmlu l-isforz tagħna ħalli nibnuh
It-tielet riflessjoni kienet li dan il-proġett li aħna qegħdin nibnu kulħadd għandu l-valur tiegħu, il-post tiegħu, l-importanza tiegħu. M’hemm ħadd li għandu importanza ikbar u importanza iżgħar. Ilkoll għandna post fil-bini ta’ din il-komunita li qed jibni S. Pawl u anke aħna. Jiġifieri dawk li, fejn naf jien, aħna jkollna ta’ bnedmin: daqsxejn ta’ għira lejn xulxin, daqsxejn ta’ forsi suppervja lejn xulxin, S. Pawl qiegħed jgħidilna dawn m’għandhomx posthom għaliex ġisem wieħed qegħdin nibnu u f’dak il-ġisem kollox huwa importanti, kull biċċa huwa importanti. Allura tajjeb li forsi anke liż-żgħar li ġew magħna u se jibdew is-sena, ngħallmuhom u ngħaddulhom ukoll dan it-tagħlim li huwa tagħna. Aħna quddiem Alla, ix-xogħol tagħna huwa ndaqs, tagħmel x’tagħmel, quddiemu għandu l-istess valur.
L-aħħar kelma mill-ewwel lezzjoni tal-lum, tafu x’kienet: intom tħeġġu għal doni ikbar. U l-kliem, imbagħad inkomplu naqrawh għada, qed jgħidilhom hemm doni akbar wara li jsemmi d-doni tal-profeti u l-mirakli u kollox, id-don l-akbar huwa l-imħabba. Id-don il-kbir huwa li intom tħobbu lil xulxin, li intom tatu l-imħabba lil Alla. Jiġifieri skond il-kliem tal-Mulej, jekk hemm xi ħaġa li għandha timmarka l-iskejjel tagħna, għandha tkun l-imħabba. U l-imħabba jiġifieri ma tieħux it-tieni jew t-tielet post; għamluha l-ewwel post. Anke fil-għaxija forsi wieħed ikun qiegħed jagħmel l-eżami tal-kuxjena, jiftakar u jgħidlu: kif mort fl-imħabba? Ħa naraw aħniex nikbru fiha għax dan huwa l-ikbar don.
U l-aħħar kelma li xtaqt ngħid hija l-kelma tal-Vanġelu tal-lum. Sidna Ġesu Kristu jitħassar lil din il-mara armla li mitielha t-tifel u hekk jiena fhimtha dik, meta smajt lil Ġesu jitħassar. Jalla kull min fl-iskejjel tagħna, ikollu bżonn ta’ xi ħasra ta’ xi ħadd, huwa jsib lil min jitħassru. Xi ħadd li jkun waħdu u jiena, għax dik il-persuna hija weħidha, immur infittixha Alla ħares fl-iskejjel tagħna ikollna nies u tfal li jkunu mwarrbin għal xi raġuni jew oħra. Alla ħares! Għax lil dak it-tifel jew tifla, anke teachers jistgħu jkunu, dak li l-Mulej ikun tahom id-dinjita tagħhom, inkunu qegħdin innnaqsuhielhom Jalla l-Mulej jagħtina li dak li pprovdilna llum bħala lezzjonijiet, aħna nħaddmuhom u ngħixuhom f’din is-sena li se tibda.