-
-
Hu ta’ ferħ kbir għalija li nkunu miġburin bħala familja waħda biex nitolbu għall-paċi f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, u għal dawn l-Insara ħutna li qed jiġu ppersegwitati minħabba t-twemmin tagħhom. Numru kbir ta’ dawn l-Insara qegħdin ixerrdu demmhom għall-isem ta’ Ġesù Kristu. Hija l-fidi tagħna u s-sentimenti nobbli ta’ apprezzament għal dawk li qed jagħtu ħajjithom għall-fidi, li ġabuna hawn illejla.
Żgur li xi wħud minnkom rajtu permezz tas-social media, b’liema ħruxija dawn l-Insara qegħdin jinqatlu. Inġbarna biex nuru solidarjetà ma’ dawn ħutna u nitolbu għalihom biex l-Ispirtu s-Santu jimliehom bid-don tal-qawwa ħalli jżommu sħiħ sal-aħħar, anke sal-mewt, biex ikunu xhieda ta’ Kristu.
Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna s-sentimenti li minnhom ħarġet din il-vjolenza: in-nuqqas ta’ tolleranza, il-kilba għall-poter, l-għira u l-mibegħda li ġġiegħlek tħares lejn ħaddieħor bħala għadu milli bħala ħuk għax huwa ħolqien t’Alla bħalek. Dawn l-istess sentimenti, jistgħu jkunu fina u jistgħu jwasslu għal vjolenza bejnietna. Din il-vjolenza tista’ teskala; l-unika differenza hi li għall-grazzja t’Alla m’għandniex armi f’idejna. Kemm għandna bżonn li aħna ninbnew b’sentimenti ta’ tolleranza, ta’ mogħdrija, ta’ maħfra, ta’ mħabba u ta’ ġenerożità biex ma nfittxux il-ġid tagħna biss imma nfittxu wkoll il-ġid tal-oħrajn.
Din tal-lejla hija wkoll okkażjoni għalina biex inġeddu l-fidi tagħna fi Kristu li ħareġ rebbieħ fuq il-mewt, u biex nifhmu x’valur għandha t-tbatija quddiem Alla.
It-tbatija ma ħalaqhiex Alla u ma jridniex inbatu għax bħala Missier li jħobb, irid jara li wliedu ma jkun jonqoshom xejn. Imma jkun hemm okkażjonijiet fejn biex insalvaw dak li hu tajjeb, bħall-fidi u l-valuri li nemmnu fihom, ikollna nbatu. Din it-tbatija, Alla jsarrafha f’ġid kbir għalina u għal dawk ta’ madwarna. Kristu nissel il-Knisja tiegħu fuq is-Salib, waqt tbatija mill-iżjed ħarxa. Il-Knisja ħarġet mill-kustat ta’ Kristu li ta sal-aħħar qatra ta’ demmu għalina. U l-Knisja tibqa’ tinbena u tissaħħaħ bit-tbatija li l-Insara fi ħdanha jgħaqqdu mat-tbatijiet ta’ Kristu. Lill-Kolossin, l-Appostlu missierna San Pawl jgħidilhom: “Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jien intemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1, 24). Dan ma jfissirx li t-tbatijiet ta’ Kristu ma kinux kompluti, imma li jenħtieġ inkomplu nibnu l-Knisja ta’ Kristu li tnisslet fit-tbatija billi ma’ dik ta’ Kristu ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna.
M’hemmx paragun bejn it-tbatija tagħna u dak li għaddejjin minnu ħutna l-Insara ppersegwitati, dawk li qed ibatu minħabba l-ġlied u l-kunflitti fil-Libja u fil-pajjiżi Afrikani, l-Iżraeljani u l-Palestinjani, dawk fis-Sirja u fl-Iraq, u wkoll fl-Ukrajna, li tlabna għalihom illum. Imma jekk tiswa t-tbatija tagħhom, tiswa wkoll it-tbatija tagħna għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu li hu l-Knisja. Għalhekk nirringrazzja ’l Alla u ’l dawn l-Insara ħutna li qed joffru t-tbatija tagħhom u jagħtu ħajjithom għaliH u għall-Knisja tiegħU. Imma nirringrazzja wkoll ’l Alla li f’pajjiżna hawn ħafna Nsara li qegħdin ibatu fil-Knisja u għall-Knisja. Inħeġġiġkom intom ilkoll li qed tbatu miegħi għat-tisħiħ tal-Knisja f’pajjiżna, biex ma taqtgħux qalbkom u bħall-Insara ħutna li bit-tbatija tagħhom qed jagħtu l-kollox, inżommu sħiħ sal-aħħar. Kuraġġ, bit-tbatija tagħna qed tinbena u tissaħħaħ il-Knisja tagħna!
Nirringrazzja lil ħuti fis-saċerdozju, kappillani u oħrajn, li fiż-żjarat pastorali tiegħi rajt kemm ikollhom ibatu għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu, għax ikollhom jaħdmu f’ċirkustanzi mhux favorevoli u anke diffiċli, u jibqgħu jagħmlu dan bl-akbar imħabba u tama, qawwijin fil-fidi. Ma’ dawn inżid lil ħutna l-lajċi impenjati li jagħtu ħinhom u ħajjithom b’sagrifiċċji kbar biex jaħdmu fil-għalqa tal-Mulej. Nirringrazzja wkoll lil tant ġenituri li qegħdin ibatu biex irabbu lil uliedhom u jgħaddulhom il-fidi Nisranija, u minkejja li wliedhom jirribellaw u jeħduha kontrihom, jibqgħu juruhom imħabba u jibqgħu jagħtu ħajjithom għalihom. Nirringrazzja lill-morda u lil dawk kollha li għaddejjin minn xi forma ta’ tbatija, fiżika jew morali, u li qed joffru t-tbatija tagħhom għas-salvazzjoni tal-erwieħ u għat-tisħiħ tal-Knisja f’pajjiżna.
F’isem ir-rebħa ta’ Sidna Ġesù Kristu bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, ejjew nifirħu ma’ dawn ħutna li qed jiġu ppersegwitati għax it-tbatija tagħna għandha valur kbir quddiem Alla, filwaqt li niftakru li “t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina” (Rum 8, 18).
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta