-
-
Fil-Festa tat-twelid tal-Verġni Mbierka, aħna l-Maltin niftakru fir-rebħiet tal-Poplu tagħna; tant hu hekk li din il-festa nsejħulha l-Vitorja. F’dan il-jum infakkru r-rebħa tal-1565 fuq l-Imperu Ottoman, il-ħelsien mill-Ħakma Franċiża fl-1800, u t-Tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija għal Malta, meta ċediet l-Italja fit-8 ta’ Settembru tal-1943. Aktar minn rebħiet tal-Poplu Malti, dawn kienu kisbiet ta’ civiltà li servew għall-iżvilupp tal-Ewropa kollha.
Dan il-Poplu ċkejken tagħna għadda minn sfidi kbar biex jiddefendi ruħu, u għax hu Poplu li jemmen, iħoss li kienet l-għajnuna t’Alla li ħarġitu minn dawn id-diffikultajiet. Poplu li dejjem kellu għal qalbu d-devozzjoni lejn Ommna Marija Santissima, jemmen li kienet hi li daħlet għalina quddiem Alla f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Għalhekk f’dan il-Jum hekk għażiż għalina l-Maltin u l-Għawdxin, nirringrazzjaw lil Alla li bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija waqaf mal-Poplu tagħna u ħarġu rebbieħ u dan sewa ta’ ġid għall-Ewropa kollha.
Kulħadd jaqbel li fil-mumenti li fihom Nazzjon ikun qed jiġi mhedded, il-Poplu jenħtieġ li jkun magħqud, biex jista’ jiddefendi ruħu. Hija biss l-għaqda sħiħa tal-Poplu li tissarraf fir-rebħa tiegħu fuq il-għadu. B’sodisfazzjon ngħid li l-Poplu tagħna kien ħaġa waħda quddiem it-theddid li kellu jaffronta. Nemmen li l-Fidi tagħna għenitna biex l-għaqda tagħna, hekk meħtieġa f’dawn il-waqtiet, tissaħħaħ. Imma allaħares li Poplu jirnexxilu jingħaqad biss meta jkollu għadu komuni. L-għaqda tal-Poplu hi s-sisien tan-Nazzjon, għalhekk kulħadd għandu dmir li jwettaqha u jsostniha l-ħin kollu. L-esperjenza tal-konflitti mdemmija li għaddejin minnhom bħalissa fil-baċir tal-Mediterran, għandhom jiftħulna għajnejna biex, filwaqt li mal-Papa Franġisku nkomplu nappellaw għall-waqfien mill-ġlied, aktar napprezzaw is-siwi tal-paċi u tal-Għaqda Nazzjonali. Nitlob ’l Alla llum biex bl-interċessjoni ta’ Ommna Marija tal-Vitorja, f’dawn il-pajjiżi ġirien tagħna terġa’ ssaltan il-paċi, u dawn il-Popli jerġgħu jgawdu l-frott tal-għaqda tagħhom u ta’ bejniethom.
Għalkemm matul l-istorja, il-Poplu tagħna kellu wkoll mumenti ta’ konflitti interni li ġieli eskalaw, nistgħu ngħidu li għall-grazzja t’Alla ħareġ minnhom u tgħallem biex l-għaqda tiegħu bħala Poplu tiġi mħarsa. Imma jibqa’ lok għal appell għall-Għaqda Nazzjonali fuq il-prinċipji: tal-Ġustizzja, is-Solidarjetà u s-Sussidjarjetà. Dawn huma tlett prinċipji li jsawru s-sisien tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja Kattolika.
1. Il-Ġustizzja titlob li kulħadd jingħata dak li ħaqqu għax hu persuna umana u għax hu ċittadin, mingħajr ma nħarsu lejn l-uċuħ, lejn ir-razza, is-sess, ir-reliġjon jew il-kulur politiku. Naqraw fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika:
Ma jistax ikun hemm ġustizzja jekk ma jkunx hemm rispett għad-dinjità traxxendenti tal-bniedem. Hija l-persuna li fl-aħħar mill-aħħar lejha trid tħares is-soċjetà, għax is-soċjetà hi hemm għall-ġid tal-persuna umana. Ir-rispett tal-bniedem iġib miegħu r-rispett tad-drittijiet li joħorġu mid-dinjità tiegħu bħala ħolqien t’Alla… Il-bnedmin huma essenzjalment indaqs minħabba d-dinjità tagħhom bħala persuni u minħabba d-drittijiet li jiġu minn din id-dinjità (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n. 1929, 1930, 1935).
Għalhekk kull forma ta’ privileġġ li jqiegħed lil xi ħadd b’vantaġġ fuq l-oħrajn, mingħajr raġuni valida, imur kontra l-ġustizzja soċjali u jservi biex iġib il-firda. Ħadd ma għandu jippretendi li jkollu vantaġġ fuq l-oħrajn għax huwa ta’ ċertu sess jew ċerta razza, jew għax iħaddan dik ir-reliġjon u mhux l-oħra, jew għax jappartjieni għal dak il-partit politiku u mhux l-ieħor (ara Gadium et Spes n. 103). Bħala Poplu hemm bżonn li nifhmu wkoll li d-differenzi ta’ bejnietna m’għandhomx jifirduna u jpoġġuna kontra xulxin. Soċjetà hija għanja u sabiħa aktar ma tkun differenti. Għalhekk fid-differenzi tagħna għandna napprezzaw il-mertu ta’ xulxin u ngħinu lil xulxin. Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħid li:
Dawn id-differenzi huma parti mill-pjan t’Alla, li jrid li kull wieħed jikseb dak li jeħtieġ mingħand ħaddieħor, u li dawk li għandhom xi talenti partikulari jagħtu mill-ġid tagħhom li dawk li jeħtiġuh (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n. 1937).
2. Is-solidarjetà tfisser li meta nifhmu li aħna Poplu wieħed u Nazzjon li jfittex il-ġid komuni, allura naħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd. Ma nistgħux inħallu lil min jibqa’ lura jew imur lura, mill-kbir saż-żgħir, kemm fil-għomor, kif ukoll fil-qagħda soċjali. Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ jgħid li:
Is-solidarjetà hi reazzjoni spontanja ta’ min jagħraf li l-funzjoni soċjali tal-propjetà u d-destinazzjoni universali tal-ġid huma realtajiet li jiġu qabel il-propjetà privata. Il-pussess privat tal-ġid hu ġġustifikat jekk dan il-ġid nieħdu ħsiebu u nkattruh b’mod li jservi aħjar għall-ġid komuni, u għalhekk is-solidarjetà rridu ngħixuha bħala d-deċiżjoni li nagħtu lura lill-fqir dak li hu tiegħu. Dawn il-konvinzjonijiet u prattiċi ta’ solidarjetà, meta nlaħħmuhom f’għemejjel, jiftħu t-triq għal bidliet oħra strutturali u jagħmluhom possibbli (Evangelii Gaudium, n.189-190).
F’dinja li qiegħda dejjem tiżviluppa b’mod mgħaġġel, faċli jiġri li jkun hemm min ma jlaħħaqx mal-pass tal-iżvilupp u jaqta’ lura. Nixtieq infakkar hawnhekk, fl-impenn fil-ġlieda kontra l-faqar f’pajjiżna. Illum kulħadd huwa konxju mill-fatt li madwar 15 fil-mija tal-popolazzjoni tagħna hija fir-riskju tal-faqar. Dan ifisser li hawn persuni u familji sħaħ li għaddejjin mit-tbatija. Ġieli ma jkunux jistgħu jixtru dak li hu meħtieġ għal ħajja adegwata li tixraq lid-dinjità tagħhom skont il-livell nazzjonali ta’ pajjiżna. Jenħtieġ li nnaqqsu l-perċentwal ta’ dawk li qegħdin fir-riskju tal-faqar. Insemmi wkoll in-numru inkwetanti ta’ dawk li minkejja l-isforzi kollha li jsiru, jibqgħu illitterati. Napprezza l-isforzi li qed isiru biex dawn is-sitwazzjonijiet jiġu affrontati. Il-Knisja dejjem kellha għal qalbha din il-ħidma u tibqa’ timpenja ruħha fiha. Infaħħar ukoll l-isforzi li jsiru f’pajjiżna biex ngħinu lill-foqra madwar id-dinja, speċjalment permezz tal-missjunarji Maltin.
Dawn il-Maltin ħutna mxerrdin mad-dinja jirrikorru għandna biex ikunu jistgħu jgħinu lill-foqra li jaħdmu fosthom, u aħna għall-grazzja t’Alla dejjem konna ġenerużi magħhom.
3. Fl-istess xenarju tal-iżvilupp b’pass mgħaġġel, nixtieq li nfakkar ukoll fil-prinċipju tas-sussidjarjetà, li jfisser li kull forma ta’ żvilupp, inkluż l-avvanz ekonomiku, ma għandux isir minn dawk li huma kbar u b’saħħithom, b’detriment għal min hu żgħir u għalhekk dgħajjef.
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika biex jispjega dan il-prinċipju jikkwota l-Enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II ‘Centessimus Annus’ u jgħid li:
Komunità ta’ grad għoli m’għandhiex tindaħal fil-ħajja interna ta’ komunità ta’ grad inqas u ċċaħħadha minn dak li hu tagħha, imma minflok, għandha tieqaf magħha f’każ ta’ ħtieġa, u tgħinha tikkoordina l-ħidma tagħha mal-attivitajiet tas-setturi l-oħra tas-soċjetà, dejjem bil-għan li jintlaħaq il-ġid komuni… Il-prinċipju tas-sussidjarjetà jmur kontra kull forma ta’ kollettiviżmu. Juri sa fejn jista’ jindaħal l-Istat. Hu maħsub biex iġib armonija fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u s-soċjetajiet (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n. 1883, 1885).
F’pajjiż żgħir bħal tagħna jista’ faċilment jiġri li l-avvanz ekonomiku mhux dejjem ikun ta’ ġid għall-iżvilupp ħolisitku tal-pajjiż. Jekk tiġi maħnuqa l-inizjattiva u l-ħidma tal-intrappriżi żgħar u medji minn dawk li huma msejħa l-ġganti tat-tkabbir ekonomiku, għada pitgħada dan jista’ jkun ta’ detriment għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Għalhekk inħoss li għandna ninkoraġġixxu u nsaħħu l-intrappriżi żgħar u medji f‘pajjiżna.
L-avvanz ekonomiku tal-korporazzjonijiet Transnazzjonali jista’ jħalli wkoll effetti negattivi, kemm fuq l-ekonomija u l-iżvilupp ta’ pajjiżna, kif ukoll fuq l-ekonomija internazzjonali, u l-iżvilupp ħolistiku ta’ popli oħra ta’ daqs tagħna u akbar minna. Għax kif ngħidu bl-Ingliż: ‘It is either development for all or not development at all’. Jekk l-iżvilupp ma jilħaqx lil kulħadd, ma jkun żvilupp xejn. Ma nistax infittex il-ġid tiegħi nnifsi, mingħajr ma nikkonsidra wkoll il-ġid ta’ ħaddieħor.
Matul l-istorja, il-Poplu tagħna rnexxielu jegħleb ħafna diffikultajiet biex jibqa’ magħqud. Nemmen li jekk l-għaqda tal-Poplu tagħna tkompli tinbena fuq dawn il-prinċipji, naslu biex ikollna Poplu sħiħ u magħqud li jista’ jiddefendi ruħu minn theddidied ġodda li jista’ jsib quddiemu, ħalli jiġi mħares dejjem il-ġid komuni. Nawgura wkoll li aħna bħala Poplu nkunu f’pożizzjoni aħjar biex ngħinu lil Popli oħra minkejja ċ-ċokon tagħna. Hekk l-unità Nazzjonali tagħna, u l-ġid li joħroġ minnha, jilħaq ukoll bnedmin fil-bżonn lil hinn minn xtutna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
-
-
Ritratti: DOI