-
Messaġġ tal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. waqt Quddiesa Pontifikali fl-okkażjoni ta’ Jum il-Vitorja
-
8 ta’ Settembru 2013
Konkatidral ta’ San Ġwann
-
Ħuti,
Aħna llum, bħala poplu Nisrani, qegħdin niċċelebraw il-Festa tat-Twelid ta’ Sidtna Marija, jew il-Bambina, kif insejħulha b’affezzjoni. Għalina l-Maltin din hija festa li għandha wkoll konnotazzjonijiet storiċi għaliex kienet proprju f’din il-ġurnata li għal darbtejn – fl-Assedju tal-1565, kif ukoll fl-aħħar Gwerra Dinjija – dan il-Jum ġab għall-Maltin it-tmiem ta’ ġlied li kienu mdawra bih il-gżejjer tagħna. Ma setax ikun li l-Maltin ta’ dawk iż-żminijiet ma jagħmlux konnessjoni ta’ dawn il-ġrajjiet storiċi ma’ din il-Festa, anki fil-konnessjoni mal-Fidi kbira li kellhom mat-talb li kienu jgħidu ta’ kuljum bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija.
Il-Festa
Il-Festa ta’ Sidtna Marija Bambina ma nsibuhiex fil-Vanġeli. Il-Madonna tibda tissemma fil-kuntest tal-missjoni tagħha lejn binha Ġesù. Kienet diġà tfajla, miftuħa lejn il-grazzja u s-smigħ tal-Kelma ta’ Alla. Biss, tul iż-żmien, it-teoloġi tal-Knisja bdew jagħmlu diversi kunsiderazzjonijiet fuq it-twelid u t-tfulija ta’ Sidtna Marija. Huma waslu għall-konklużjonijiiet minn dak li kienu jafu mill-Kelma Mqaddsa. Bdew jistaqsu: żgur li t-twelid tagħha ma kienx immarkat minn xi esperjenza spiritwali tal-ġenituri tagħha? Tweġiba eżatta m’għandniex iżda żgur li kif Alla l-Missier ipprepara t-triq għat-twelid ta’ Ġesù, hekk ukoll ħejja bil-grazzja tiegħu t-twelid ta’ Marija.
Żgur li dan il-mument li kien spiritwalment qawwi – it-twelid ta’ Marija – ma kellux l-effetti tiegħu fis-sema: li kienet b’xi mod qed tgħix ukoll din l-esperjenza? Ma kienx hemm kotra ta’ grazzji fuq il-ġrajja kollha? Il-fatt stess li t-tnissil ta’ Marija sar bi tnissil immakulat ma kienx ukoll okkażjoni ta’ twelid uman mdawwar bil-grazzja?
Tant kienet riflessjoni li ġagħlithom jaħsbu fuq hekk, li skont it-tradizzjoni l-ġenituri tagħha kien jisimhom Anna u Ġwakkin. Tant kien għalihom ta’ min jagħti kas dan l-aspett tal-ħajja ta’ Marija, li bdew iqimu dan il-mument bħala t-twelid ta’ grazzji kbar u allura jenħtieġ li jiġi mfakkar b’għożża u qima fil-Liturġija.
Fil-Liturġija, ma nkunux qed nidħlu f’dawn id-dettalji iżda żgur li nqisu t-twelid ta’ Sidtna Marija bħala ġrajja li l-Knisja tibqa’ tfakkar bħala mument ta’ grazzja fil-misteru kollu tas-salvazzjoni.
Dak li għaddejjin minnu
Din is-sena aħna għandna ngħaqqdu flimkien il-kruha ta’ dawk iż-żewġ gwerer, ma’ dak li għaddej madwarna, l-iktar bħalissa fis-Sirja, fil-Lvant nofsani, u li jistgħu jkollhom riperkussjonijiet dinjija, jekk dawn il-konflitti jinxterdu. Għalhekk il-Papa Franġisku talab lill-Insara biex jitolbu, bl-interċessjoni ta’ Sidtna Marija, għall-paċi fid-dinja kollha. Hekk għamlu l-antenati tagħna fil-Gwerra meta kienu jkunu fix-shelters. Hekk irridu nagħmlu aħna b’solidarjetà ma’ ħutna f’dawk il-pajjiżi.
Dan huwa l-ewwel dmir ta’ kull Nisrani – li jħares lejn id-dinja madwaru, u ma jibqax indifferenti. Irid jitlob għal dawk li jkunu qegħdin ibatu huma fejn huma. Iżda jiena naħseb li minbarra t-talb li jolqot id-dinja globalment, aħna rridu niġu mqanqlin biex anki dawn il-ġrajjiet kollha jħallu effett fuqna.
Meta Sidna Ġesù ġie fostna biex iġib il-paċi lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, hu għamel dan b’żewġ modi: peress li kien Alla huwa ġab ħelsien spiritwali lill-bnedmin kollha, ta’ żmienu u ta’ barra minn żmienu, bil-ħajja, mewt u qawmien tiegħu mill-mewt; iżda peress li kien ukoll bniedem bħalna, jgħix bħala bniedem fi żmien u post determinat, huwa wera fil-prattika kif il-paċi tista’ tinkiseb mill-bnedmin stess jekk jilqgħu t-tagħlim tiegħu.
Nistgħu aħna l-Insara, minbarra t-talb tagħna li għandu importanza kbira, nagħtu kas ukoll tal-kliem ta’ Ġesù u nibnu l-paċi madwarna? Nistgħu aħna nibdew inħaddmu t-twissijiet ta’ Ġesù u nibdew ngħixuhom fir-realtà temporali tagħna? Fi kliem ieħor, m’għandniex inħossu li hija missjoni speċifikament Nisranija li nibnu l-paċi madwarna, konxjament u bi sfida ta’ kuljum – ġewwa fina, fi djarna, madwarna, u fil-pajjiż tagħna?
Marija Sultana tal-Paċi
Illum, peress li hija festa tal-Madonna, jixraq ukoll li nħallu lilha ddawwalna fuq dawn il-ħwejjeġ li hi għexithom meta kienet fostna. Ħa naqsam magħkom xi riflessjonijiet.
Meta Marija kienet tqila hija kellha ġewwa fiha lil Sidna Ġesù Kristu: fiha kien hemm il-bnedmin kollha fi Kristu biex jiġu salvati. Nistgħu aħna l-Insara naħsbu li kien eskluż xi ħadd mill-bnedmin: għal raġuni ta’ kulur tal-ġilda, ta’ nazzjon jew ta’ reliġjon, jew għal xi raġuni oħra, li ma kienx inkluż fil-ġuf ta’ Sidtna Marija? Meta ngħixu fuq il-preġudizzji qegħdin immorru kontra din il-maternità ta’ Marija. Devozzjoni lejn Marija trid twassalna bilfors li bħalha nħobbu u nirrispettaw lil kulħadd. Lil dawn kollha rridu nħobbuhom bħala ħutna għax inkella nkunu qed ninfirdu mill-fidi tagħna.
Lil Marija aħna narawha ukoll fir-rwol tagħha ta’ solidarjetà. Hija marret iżżur lill-qariba tagħha Eliżabetta u damet tliet xhur għandha. Kien att ta’ solidarjetà mal-membri tal-familja tagħha. Iżda Ġesù qalilna biex dawn l-atti ma nħalluhomx weħidhom. Inkunu verament Kristjani meta nuru solidarjetà ma’ dawk li qed jiġu fostna. Aħna nafu li hemm problema prattika, u nitlob lill-awtoritajiet ta’ pajjiżna biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex isolvu din il-problema anki fil-kuntest ta’ solidarjetà mill-Ewropa. Ovvjament dan jitlob ukoll impenn internazzjonali biex kemm jista’ jkun dawn il-pajjiżi ma jibqgħux fil-gwerra.
U l-Madonna narawha wkoll ħdejn is-Salib ta’ Binha. Hija kienet hemm mhux biss bħala Omm Ġesù iżda wkoll bħala l-isbaħ dixxiplu tiegħu. Hemmhekk naraw l-ikbar sinjal ta’ Maħfra. Il-Madonna ħafret flimkien ma’ Binha, biex jerġa’ jingħata ċans biex il-persuni jinbidlu. Huwa s-sinjal li għexet il-Madonna ħdejn is-Salib.
Konklużjoni
Nistgħu nħallu dawn il-ġrajjiet kollha jbiddlu ħajjitna wkoll: bħala talb ta’ interċessjoni, biex tinstab il-paċi; u din tibqa’ miexja magħna tul iż-żmien: kull darba li naraw konflitt, aħna nibdew nitolbu għal dawl biex tfeġġ il-paċi.
Nistgħu fid-dawl tal-krudeltà li qed naraw, naraw ukoll il-vjolenza li qed tikber madwarna, fid-djar; ġewwa pajjiżna.
Nistgħu nieħdu dawn it-tliet modi – rispett lejn kull persuna, solidarjetà, u maħfra, bħala l-bidu, mhux it-tmiem tar-raġunar tagħna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta