Knisja tar-Redentur, l-Isla

16 ta’ Marzu 2012

Ħuti,

Aħna għamilna dan il-pellegrinaġ flimkien, din il-mixja akkompanjati mix-xbieha tar-Redentur.  Ġejna hawnhekk għaliex ilkoll inħossuna imqanqlin minn dak li jirrapreżenta lir-Redentur, dak li ta ħajtu għalina biex aħna jkollna l-ħajja, u l-ħajja ta’ dejjem.

Xtaqt illum nitkellem fuq tliet mixjiet li rridu jdawwlulna t-triq tagħna fil-ħajja tagħna bħala nsara.  L-ewwel mixja hija l-mixja tar-Redentur ,  ta’ Sidna Ġesu Kristu li miet fuq is-salib għalina.  U fit-tieni lezzjoni tal-lum ta’ S. Pawl lill- Filippin (2, 1-11), jghid b’mod qawwi ħafna, x’kienet din il-mixja. Sidna Ġesu Kristu, l-Iben t’Alla: “sar jixbah lil bniedem u deher minn barra bħala bniedem”.  Din il-mixja li kellu jaghmel Sidna Ġesu Kristu bdiet bid-divinita tiegħu u daħlet fl’umanita, hekk li l-Iben t’Alla sar bniedem.  Hu sar bniedem biex ikun jista’ jgħix il-ħajja tagħna, jidħol fl’umanita tagħna, imbagħad ikun jista’ jsalvaha bid-divinita tiegħu. Mhux hekk biss talli Sidna Ġesu Kristu, f’att ta’ ubbidjenza lejn il-Missier, hekk jgħid S. Pawl: “Obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib”.  Alla l-Missier bagħtu fostna biex isalvana, obda u Sidna Ġesu Kristu, meta ġie affrontat mill-mewt, m’għazilx il-ħajja, imma għażel l-ubbidjenża lejn Alla l-Missier u permezz ta’ din l-ubbidjenza,  aħna lkoll għandna l-possibilta li niġu mifdijin minn Sidna Ġesu Kristu.  U kompla jgħidilna S. Pawl, biex jispjegalna din il-mixja ta’ Sidna Ġesu Kristu:  “Alla għollih sas-smewwiet, żejjnu bl-Isem li hu fuq kull isem”. Wara li għadda mill-misteru tal-mewt, biex il-mewt tagħna jimliha bid-divinita tiegħu u hekk anke l-mewt tibda ssir passaġġ, ma tibqax biss tmiem, Alla l-Imbierek tah glorja li hija fuq kull glorja biex fl’isem ta’ Ġesu kull persuna tmil quddiemu. Din hija l-ewwel mixja; hija l-mixja spiritwali li għamel Sidna Ġesu Kristu.

It-tieni mixja li xtaqt li aħna nirriflettu fuqha hija l-mixja li għamel Sidna Ġesu Kristu bħala bniedem fuq din l-art biex ikun jista’ jifdina. U din naqraw fuqha, ovvjament, fil-Vanġelu  (Lq 23, 32-46). U nistaqsu: x’kien l-ispirtu ta’ dak li mbotta  lil Ġesu f’dawn l-aħħar mumenti biex hu jkompli jagħmel il-missjoni tiegħu?  Kienu żewġ affarijiet li mbuttawh.  L-ewwel ħaġa li mbuttatu kienet il-fatt li hu ried jobdi lil Alla l-Missier f’kollox u sa’ l-aħħar.  U allura naraw lil Sidna Ġesu Kristu fuq is-salib, quddiem Alla l-Missier l-ewwel jgħidlu: “Missier f’idejk jien nerħi ruħi”, imbagħad jgħidlu: “Kollox mitmum”. Iħares lejn Alla l-Missier, b’ferħ ġewwa qalbu, għax obda lil Alla l-Missier, allavolja b’dawk it-tbatijiet kollha, u jħares lejn il-Missier u jgħidlu: “Missier, int tajtni missjoni, u issa temmejtha”. Mela l-ewwel ħaġa li umanament Sidna Ġesu Kristu kellu f’moħħu waqt dawk il-mumenti traġiċi, imma li kienu mumenti ta’ ħelsien għalina, hija propju l-imħabba tiegħu lejn Alla l-Missier, ix-xewqa li jogħġob lil Alla l-Missier.

It-tieni ħaġa li kellu Sidna Ġesu Kristu meta kien qiegħed f’dawk il-mumenti ta’ tbatija hija x-xewqa tiegħu li jħobb lill-bnedmin kollha.  Alla l-Missier bagħat lil Ibnu biex hu jkun jista’ jagħti l-ħelsien lil kulħadd u Sidna Ġesu Kristu fit-triq, tafu intom , meta naqraw ir-rakkont tat-triq u tas-salib, naraw lil Sidna Ġesu Kristu qalbu kienet miftuha biex jagħti l-faraġ tal-maħfra lil dawk kollha li kien hemm quddiemu.  Narawh għaddej mit-triq u jkun hemm dawk in-nisa qegħdin jibkuk u ma jiddejjaqx Sidna Ġesu Kristu jgħidilhom:  “tibkux lili, imma ibku lilkom u lil uliedkom”  għaliex Ġesu ġie biex isalva lilhom; huma jridu jiġu salvati mhux Sidna Ġesu Kristu.

Minn fuq is-salib kien hemm wieħed ħalliel li bil-grazzja tal-Mulej irnexxielu jara x’hemm wara dak il-bniedem u jemmen li dan huwa s-Saltna. U Sidna Ġesu Kristu jagħtih il-konsolazzjoni u jgħidlu: “Illum tkun miegħi fis-saltna tas-smewwiet”.  Sidna Ġesu Kristu iħares lejn dawk kollha ta’ madwaru li kienu qegħdin isalbuh.   Anke fihom ħaseb u dar lejn il-Missier u interċeda għalihom: “Missier, aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”.

U l-ikbar maħfra li Sidna Ġesu Kristu ta, kienet li jaħfer lil Pietru u lid-dixxipli anke għaliex Pietru ċaħdu tlett darbiet u l-appostli l-oħrajn ħallewh waħdu. Pietru ħassha meta mbagħad beka d-dnub tiegħu.  Il-mixja ta’ Sidna Ġesu Kristu kienet ibbażata fuq l-imħabba t’Alla u kienet ibażatha fuq l-imħabba tal-proxxmu, ix-xewqa tiegħu li jsib is-solliev lil dawk li kienu madwaru u kienu qegħdin jaħqruh.

U niġu għat-tielet mixja, ħuti.  It-tielet mixja hija tagħna.  Ara taħsbu li Ġesu huwa kuntent bil-mixja li għamel hu biss, għax il-mixja li għamel hu, kienet dik li lilna tatna l-qawwa.  Imma aħna rridu niġbruha l-qawwa.  Ikun kuntent Sidna Ġesu Kristu meta aħna nwieġbu għal din il-qawwa tiegħu, neħduha fuqna u nagħmlu l-mixja warajh.  Sidna Ġesu Kristu sa’ l-aħħar bniedem li jibqa’ fid-dinja, għadu – ippermettuli l-kelma ma nafx hijiex eżatta – qiesu sospiż (herqan) biex jara dak il-bniedem x’se jagħżel, jekk hux se jagħżel li jmur wara Sidna Ġesu Kristu ħalli l-fidwa tiegħu, ir-redenzjoni tiegħu, ikun jista’ jeħodha f’idejh.

U allura nifhmu, ħuti, għaliex illum fil-Vanġelu (Mt 22, 34-39) meta kien hemm xi ħadd li staqsa lill-Mulej Ġesu u qallu: “Isma’ liema hu l-akbar kmandament?”  Tiftakru x’qallu: “Ħobb ’l Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha, imbagħad ħobb lil għajrek bħalek innifsek”.  Jiġifieri, ħuti, f’dak il-mument Sidna Ġesu Kristu kien qiegħed jagħtina ċ-ċans li aħna naraw lilu jgħix l-imħabba ta’ Alla l-Missier, dak li għex fl-aħħar mumenti, u jħobb lil proxxmu tiegħu. Dan tahulna bħala mudell kif aħna nkunu nistgħu nimxu warajh, wara Sidna Ġesu Kristu.

U allura ħuti, din hija x-xewqa li aħna llum irid ikollna ġewwa qalbna.  Ejjew nitolbu lil Mulej mhux biss inħarsu lejn ir-Redentur u naraw il-qawwa kbira ta’ grazzji li toħroġ minn ġo fih; dik hija ħaġa qaddisa.  Mhux biżżejjed lanqas f’dawn il-ġranet naqraw il-Vanġelu u naraw il-mixja ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Imma nghixu verament il-ġrajja ta’ Ġesu, meta kull wieħed u waħda minna jerġa jieħu l-eżempju ta’ Ġesu, iħobb ’l  Alla tiegħu, iħobb il-proxxmu tiegħu bħalu nnifsu.

Jalla, ħuti, u din hija l-ikbar qima li nistgħu nagħtu lil Alla l-Imbierek, jalla dan l-akbar kmandament ikun dak li n-nisrani jkun jista’ jurih qabel l-oħrajn, li n-nisrani, ikun fejn ikun, ħaddieħor jista’ jingharaf li qed jagħmel din il-mixja wara Kristu biex kunu miegħu u bħalu.

Ħuti, nagħlaq hawnhekk.  Ejjew issa waqt din il-quddiesa li aħna se niċċelebraw lil Sidna Ġesu Kristu ngħidulu: Mulej, aħna lkoll segwaċi tiegħek. L-istatwa tar-Redentur se tħeġġiġna biex iktar u iktar aħna lkoll nimxu warajk.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta