KonKatidral ta’ San Ġwann
12 ta’ Frar 2012
Ħuti,
Ovvjament kull wieħed u waħda minnkom jista’ jirrakkonta l-esperjenza tiegħu tul l-għerusija. Intkom ilkoll qed tħejju lilkom infuskom għaż-żwieġ tagħkom u qegħdin hawnhekk fil-Knisja illum għax iż-żwieġ tagħkom għażiltu li jkun żwieġ sagrament jiġifieri li joħroġ mill-fidi tagħkom bħala nsara u li jkun ukoll sinjal tal-fidi tagħkom nisranija.
Kieku kelli nistaqsi jiena: imma x’jiġifieri żwieġ nisrani? Żwieġ nisrani huwa dak li huwa bbażat fuq il-kelma ta’ Kristu. Darba jkun hemm Sidna Ġesu Kristu li jkun għaddej, elfejn sena ilu, u kien hemm xi wħud li bdew juru interess fih u l-kelma li qal Ġesu lil dawk li wrew interess fih, kienet: “Ejjew warajja. Ejjew u araw jien min jien”. Mela kieku kellna nsaqsu ’l Ġesu l-istess mistoqsija, żwieġ nisrani x’inhu? Hu jgħid lil kull koppja li hawn hawn: “Ejjew u araw. Ejjew siru afuni ħalli nkun nista’ nimxi verament magħkom”. U allura żwieġ nisrani huwa żwieġ li fih il-koppja tagħmel mill-aħjar biex hi tkun tista’ tkun qrib il-Mulej.
Ippermettuli ngħidha fil-bidu imma ikun hemm kultant tentazjoni li aħna lil Ġesu nwassluh sa meta aħna nkunu fuq l-altar, qed nagħmlu din il-wegħda tagħna. Imma Ġesu jixtieq iktar minn hekk; jixtieq li jagħtikom l-għerf tiegħu ħalli mbagħad l-għerf tiegħu tkunu tistgħu tapplikawh għaż-żwieġ tagħkom. U fiż-żwieġ tagħkom, jekk timxu fuq il-passi ta’ Ġesu, żgur li jkun suċċess. Ir-raġuni għaliex? Għaliex Ġesu jħobbna u b’dak li huwa għamel fil-ħajja tiegħu, baqa’ jħobbna ġara x’ġara u baqa’ jieħu ħsiebna. U nixtieq ngħidilkom din fil-bidu ta’ din il- riflessjoni tiegħi: żwieġ nisrani li jispiċċa mat-tieġ, jiġifieri tingħalaq ir-relazzjoni ma’ Sidna Ġesu Kristu, huwa tieġ li mhuwiex żwieġ; tieġ li huwa dgħajjef ħafna biex ikompli.
Aħna smajna dik l-esperjenza ta’ hawnhekk, fejn kellna koppja li sabet lilha nfisha ġewwa grupp – illum hemm ħafna gruppi li intom tistgħu tagħmlu parti minn xi waħda minnhom. Kienet koppja li sabet lil Mulej Ġesu fil-quddiesa, fl’Ewkaristija. Jiġifieri, Ħadd wara Ħadd, intom tistgħu terġgħu tiftakru li Ġesu huwa magħkom u tibqgħu mexjin f’dan il-pass tas-sagrament taż-żwieġ.
Tant hu qawwi li fit-tieni lezzjoni tal-lum S. Pawl u jgħidilna kelma li nixtieq li kieku ngħiduha wkoll imma tqila wisq. U S. Pawl jgħid dan il-kliem: “Ixbħu lili għax jiena derrejt lili nnifsi nibxah lil Sidna Ġesu Kristu” (1Kor 10,31-11,1). U kieku kull koppja u kieku kull persuna, inkluż jiena, nista’ ngħid: isma’ ħarsu lejja u dak li nagħmel, ippruvaw imitawh għaliex dak ġej minn Sidna Ġesu Kristu. Dan huwa ż-żwieġ sagrament li intom qegħdin timmiraw għalih. Ejjew inħallu llum il-kelma t’Alla tidħol fina; din il-kelma li m’għażilnihiex aħna imma kienet fil-quddiesa tal-Ħadd.
Ħa naraw ftit dan il-kliem ta’ S. Pawl, x’kien ifisser għalih. Ifisser żewġ affarijiet skont ma qalilna fit-tieni lezzjoni. L-ewwel ħaġa li qalilna kienet tfisser: “Agħmlu kollox għall-glorja t’Alla”. Ma nafx jekk irriflettejtux s’issa, imma nixtieqkom li tirriflettuiha. X’qed jgħid S. Pawl? S. Pawl qed jgħid: jiena fl’għemejjel tiegħi dejjem nagħmel paragun biex nara jekk inhiex qed nogħġob lil Alla l-Imbierek. U dan huwa l-ewwel ħsieb li xtaqt ngħid. Is-sejha tagħkom hija sejħa reali. Xi tfisser sejha, vokazzjoni? Jiġifieri f’xi mument tal-għerusija tagħkom, issa qegħdin fl’aħħar xhur, intom tridu tgħidu, kull wieħed u waħda minnkom, imbagħad tgħiduhom flimkien: Mulej jiena se nagħmel kollox – kelma tidher iebsa imma sabiha jekk tagħmilha quddiem Alla l-Imbierek, b’ubbidjenza lejk. Kemm hu sabih li jkollok iż-żewġ għarajjes mhux biss jibnu relazzjoni ta’ bejniethom li hija fundamentali, imma wara jew ikollhom xi jgħidu, jew ikun hemm xi ħaġa mhux sejra sew, wieħed imur quddiem Alla l-Imbierek, u jgħidlu: “Mulej imma jien x’għamilt hażin?” Mhux x’għamlet l-għarusa, x’għamel l-għarus tiegħi, ħażin! “Jien Mulej, x’għamilt ħażin biex jiena ninbidel ħalli nerġgħu inkunu flimkien u nerġgħu nibnu r-realta tagħna?” Dik tfisser tagħmel kollox għall-glorja t’Alla. Tiddejqux tipparagunaw dak li tagħmlu mal-kelma li tisimgħu per eżempju fil-quddies tal-Ħadd. Tkunu qed tisimgħu l-quddiesa, il-Ħadd, oqgħodu attenti għall-kelma u tgħid: “ħa nara jekk inhiex qed ngħixha fil-ħajja tiegħi miżżewġa”. U dan anke fl’għerusija ħalli tippreparaw ruħkom aħjar.
It-tieni ħaġa li qal S. Pawl fit-tieni lezzjoni tal-lum qal: “jiena ħajti ridt inkun kollox għal kulħadd”. S. Pawl ma kienx miżżewweġ; S. Pawl l-imħabba tiegħu ried jagħtiha lil kullħadd allura bilfors kellu jirraġuna hekk. S. Pawl qal: “jiena irrid inkun kollox għal kullħadd. Jiena nixtieq napplikaha għal ħajja tagħkom. Intom m’għandkomx tgħiduha bħal S. Pawl. Għandkom tgħiduha b’mod differenti u l-kelma li tridu tgħidu hija: jiena rrid inkun kollox għall-persuna li hemm ħdejja; jien irrid insir kollox għall-persuna li hemm ħdejja. U qed ngħid hekk, taħsbux li qed ngħid fl’ajru!
Ħa ngħid storja vera. Kien hemm koppja, niżżuħajr ’l Alla illum kollox għadda, kollox qegħdin fit-tajjeb, imma dak iż-żmien kienu ilhom miżżewġin sebgħa snin u bdew jinbtu xi problemi bejniethom. U r-raġel ġie għandi biex ikellimni u meta kien qed ikellimni għidtlu: “Imma inti ma tafx għaliex iżżewwiġt?” Ħares lejja u qalli: “X’jiġifieri?” Għidtlu: “Inti ma tafx li żżewwiġt biex tagħti ħajtek għal mara li hemm ħdejk?” Mhu qed nivvinta xejn. Ħares lejja u qalli: “Hekk ħaġ’oħra”. Wara sebgħa snin taż-żwieġ għadu ma rriflettiex li fil-mument taż-żwieġ aħna nagħtu ħajjitna għall-persuna li hemm ħdejna.
Kemm hi sabiha meta aħna nirraġunaw b’dan il-mod kif qal S. Pawl meta aħna nagħtu kollox għal persuna li hemm ħdejna. Fl’Iskrittura taf kif tiġi imfissra? B’dan il-kliem: raġel jew mara jitlaq lil familja tiegħu, jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed. Mela ibdew issa, fl’għerusija qed ngħid, tħallux kollox għal wara ż-żwieġ. Ibdew aħsbu minn issa: aħna kif se nkunu verament li nkunu ħaġa waħda bejnietna? Ibdew aħsbu minn issa kif se tikbru fl’imħabba ta’ xulxin. B’mod speċjali tħallux l-għerusija tagħkom li tkun għerusija li tkun ibbażatha fuq l-affarijiet materjali imma ma tkunx ibbażatha biżżejjed fuq din ir-relazzjoni personali ta’ bejnietkom.
Ngħidilkom storja oħra għax fl-għerusija ta’ l-aħħar żminijiet ikun hemm ħafna stress. Darba kont qed ngħid din il-kelma: ħallu l-ħin għalikom it-tnejn. U jkun hemm wieħed għarus Dan la jaf jikteb u lanqas jaqra, id-dar bniha hu għax huwa bennej u dan f’xi mument qalli kif jagħmel. Qalli li fil-bidu tal-ġimgħa mhux jordna ma nafx kemm ġebel, jordna per ezempju, tnejn biex hu jagħmel dawk it-tnejn u l-ħin kollu jkun qiegħed għall-għarusa tiegħu. Araw kemm kien miexi verament b’għaqal. Kien jaf li waqt li qed jibni l-ġebla hemm bżonn li jibni r-relazzjoni ta’ bejniethom u kien iħalli l-ħin biex huma jkunu jistgħu jitkellmu verament ma’ xulxin. Tkellmu fuq l-imħabba tagħkom għax waqt li d-dar tal-ġebel tagħtikom ukoll sodisfazzjoni, imma l-iktar ħaġa li se tagħtikom ferħ fil-ħajja tagħkom jew niket hija r-relazzjoni ta’ mħabba ta’ bejnietkom. Kemm huwa importanti li intom tibnu fuqha.
Fil-Vanġelu tal-lum (Mk 1, 40-45), aħna rajna lil Sidna Ġesu Kristu li tana żewġ ħsibijiet oħra. Tiftakru li kien hemm Sidna Ġesu Kristu għaddej u kien hemm wieħed raġel li kellu l-ġdiem, il-lebbra, u dan ir-raġel mar fuq Ġesu u talbu: “Mulej fejjaqni”. U għandna dak il-kliem li Ġesu imqanqal bil-ħniena wasal biex hu jagħti l-fejqan lil dak ir-raġel. U allura jien niprova napplikaha. U jekk Ġesu ta l-fejqan lil dak ir-raġel, hu mhux se jagħti fejqan lilkom fil-mument meta forsi tkunu għidtu xi kelma mhux f’postha lil xulxin, meta kultant il-maltemp ikun aktar mis-soltu? Tiddejqux idduru lejn il-Mulej Ġesu biex titolbuh l-għajnuna. Ftakru li l-ewwel miraklu li għamel Ġesu, għamlu ma’ koppja. Min jaf kemm kienet tkun imbarazzata, araw x’mistħija, għax spiċċaw bla inbid dawk l-għarajjes u Ġesu Kristu jidħol fin-nofs permezz ta’ Marija, u jaghtihom propju dak li huma kellhom bżonn għax jibdel l-ilma fl’inbid. U allura anke intom jekk ikollkom iż-żwieġ tagħkom ikun irid jinbena fuq dak li qiegħed jikber fil-qalb ta’ kull wieħed mill-għarajjes. Ħafna drabi aħna nħarsu lejn ir-relazzjoni ta’ bejnietna mhux dejjem inħarsu ġewwa fina u naraw x’hemm x’irid jitranġa.
Fl’introduzzjoni tal-bidu, waħda mill-affarijiet li smajna kienet li din il-koppja għandhom direttur spiritwali, għandhom saċerdot. Tafu x’inhu direttur spiritwali? Għax ir-raġel iħares lejn in-naħa tiegħu, il-mara tħares lejn in-naħa tagħha, imma jekk ikun hemm saċerdot ikun jista’ jgħinkom. Forsi jista’ jkun is-saċerdot li se jżewwiġkom u tgħidulu: jimporta ’l quddiem, jekk ikollna xi ħaġa niġu għandek? Meta jkun hemm is-saċerdot, dan qiesu mera. Ara hux se tifmuni. Meta jien nibda nikber, bħalma jien jien, jibda jitfaċċa t-tikmix. U inti ma tindunax bihom. Meta tinduna bihom ? Tmur quddiem mera u tgħid hawn għandi t-tikmix. Is-saċerdot irid ikun il-mera tagħkom biex lill-għarus jgħidlu: isma’ dik il-ħaġa mhiex qed timxi eżatt fiha; lill-għarusa jfakkarha bid-difetti tagħha ħalli wkoll tirranġa ħalli flimkien imbagħad ikunu jistgħu jibnu r-relazzjoni li hi sabiħa. Mela din hi l-ewwel waħda. Ġesu jaghmlilkom offerta fil-mument taż-żwieġ tagħkom u jgħidilkom jiena lest li nidħol biex ngħinkom.
Tagħmlux l-iżball li tħalluha kif taraw tixmixa, anke issa; kif taraw tikmixa, tħalluhiex tikber. Għax xi drabi meta jiġu għall-għajnuna l-ġħarajjes? Meta kollox ikun kważi waqa’. Ikunu waslu sat-tarf, qegħdin fi preċipizzju! Minflok li jieħdu l-passi meta jkunu għadhom fil-bidu, iħallu sa’ l -aħħar, meta kollox ikun imkisser. Tiddejqux u l-problemi tagħkom tkellmuhom. Dan jista’ jkun saċerdot, councillor, xi ħadd barra minnkom li jista’ jara r- relazzjoni bejnietkom.
Niftakar darba kien hemm waħda għarusa li qaltli li kellha problema ma l-għarus tagħha. Qalet li qed jikbru l-problemi u meta qaltlu biex imorru jkellmu lil xi ħadd, l-għarus jgħidilha: “Aħna rridu nsolvuhom, aħna biss”. U jien niftakar kont għidtilha li jekk ikollok uġigħ ta’ ras, tipprova tieħu – ippermettuli nsemmi d-ditta – żewġ panadols. Jekk jgħaddilek ma tmur għand ħadd, sinjal li sib tarf. Jekk ma jgħaddilekx terġa tieħu tnejn, u anke tnejn oħra. Imma jekk fl’aħħar ma jgħaddielekx x’tagħmel? Tmur għand tabib. Allura jekk tagħmel din għal ħaġa li hija materjali ma tagħmilhiex ukoll għal dik li hija relazzjoni ta’ bejnietkom?
Tiftakru x’għamel Sidna Ġesu Kristu? Lil dan ir-raġel mhux biss tah il-fejqan imma daħħlu fis-soċjeta ħalli jkun jista’ jgħix fis-soċjeta. Jimporta ngħidilkom kelma oħra? Bilfors tridu tgħixu l-ħajja tagħkom individwalment ukoll fis-soċjeta. Ippermettuli ngħidilkom: tħallux lis-soċjeta tfixkilkom. Taħdmu fejn taħdmu, fil-postijiet tar-rekreazzjoni – aħfruli ħa nkun daqsxejn negattiv – jekk hemm ħbiberiji żejda ipprova neħħihom issa, jekk xi ħadd qed jipprova jieħu kunfidenza żejda, tiddejjaqx tgħid: “jien għarus, skużani, għandi l-għarusa tiegħi, ma rridtx kunfidenzi ma persuni oħrajn”. Għax jekk jinbtu issa ikun wara diffiċli biex imbagħad tkun tista’ tneħħihom. Allura ippruvaw kemm jista’ jkun li s-soċjeta ma tħallu xejn li tfixkilkom f’din il-mixja tagħkom.
Jiena nixtieq nagħlaq hawnhekk. Il-kelma tiegħi hija: użaw l-għerusija tagħkom, taħluhiex l-għerusija tagħkom. Lestu lilkom infuskom għaż-żwieġ fl’għerusija tagħkom. Jalla anke din il-quddiesa tkun barka fuq kull koppja, fuq kull persuna li hawn hawnhekk biex il-ħajja ta’ l-għerusija tkun verament tħejjija għal żwieġ sagrament li qegħdin tfixxu.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta