-
Messaġġ tal-Arċisqof waqt l-għoti tal-Lettorat lil Ħames Żgħażagħ
-
Paroċċa tan-Naxxar
2 ta’ Mejju 2014Ħuti, aħna ġejna flimkien biex illum nifirħu ma’ dawn iż-żgħażagħ u nirringrazzjaw lill-Mulej talli għażilhom biex jaqduh. Din il-mixja tagħhom trid twassal għas-saċerdozju ministerjali, għall-presbiterat. U dan jagħmluha forma ta’ mixja. L-ewwel jissieħbu mal-kelma, il-lettorat dak li qed nagħmlu llum, imbagħad jingħataw biex iservu l-Ewkaristija, l-akkolitat, imbagħad jidħlu fis-sagrament tal-Ordni Sagri, l-ewwel mid-Djakonat, ħalli jservu fuq l-artal imbagħad fl-aħħar hija l-ordinazzjoni saċerdotali, tal-presbiterat.
Jiena xtaqt li naqsam magħkom xi ħsibijiet fuq it-tlett lezzjonijiet li ġew magħżulin minn dawn iż-żgħażagħ stess. Se nagħmel riflessjoni iktar milli fuq il-kelma, fuq il-ministeru tal-kelma. Kif għandu jġib ruħhu l-ministru tal-kelma? X’hemm li huwa appożitament għalih, mogħti minn Alla? Nistgħu nibdew propju mill-Vanġelu tal-lum. San Pietru staqsa lil Ġesu: aħna li ġejna warajk u – jgħidlu li ħallejna kollox, u jsemmu ħafna affarijiet – x’se jiġri minna? U Sidna Ġesu Kristu jwegħedhom li jkollhom mitt darba aktar, ikollhom il-persekuzzjoni imma jkollhom ukoll il-ħajja ta’ dejjem. Jien ir-riflessjoni li xtaqt li naqsam magħkom hij din, biex Sidna Ġesu Kristu għamilhom xandara tal-Kelma, ma tahomx ktieb, imma lilu nnifsu, u huma tawh il-ħajja biex il-ħajja tagħhom tkun mod li tkun inkarnazzjoni tal-kelma.
Rajna l-Ittra ta’ San Ġakbu, kemm kien attent San Ġakbu għaliex kien hemm xi wħud li jisimgħu l-kelma imma ma jagħmluhiex, għaliex il-kelma hija maħsubha biex tbiddel lilna mhux biss fil-moħħ jew fis-smigh imma totalment biex aħna nimxu fil-passi ta’ Sidna Ġesu Kristu. U mhux talli hekk, talli Sidna Ġesu Kristu din il-kelma kompliha u kompliha b’dan l-kliem: min ikun l-aħħar jiġi l-ewwel u min ikun l-ewwel jiġi l-aħħar. U jiena fhimt din il-kelma ta’ Sidna Ġesu Kristu li intom, ħuti seminaristi, intom tridu tfittxu l-aħħar. Affarijiet ta’ studju tfittxuhom l-ewwel, imma f’affarjiet tal-Mulej tfittxu l-aħħar li hija l-umiltà. Ir-raġuni hija ovvja għaliex il-Kelma hija grazzja li tiġi minn Alla, ma tiġix mill-bniedem, u allura bilfors l-umiltà hija t-triq li twassalkom biex intom tkunu ministri ta’ din il-Kelma. Allura dawn iż-żewġ kelmiet ftakruhom daqsxejn, l-ewwel waħda hija inkarnazzjoni tal-verb, il-Kelma t’Alla, it-tieni waħda hija umiltà.
Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Atti 4, 1-11) aħna smajna b’dak li ġara: qabdu lil Pietru u lil Ġwanni u poġġewhom fil-ħabs. Ovvjament dawk li poġġewhom fil-ħabs ħasbu li huma se jeqirdu l-kelma ta’ Ġesu. Fil-fatt ma ġarax hekk għaliex il-kelma tal-Mulej għandha qawwa kbira warajha; mhijiex weħidha, mhijiex erba’ kelmiet, imma hija l-qawwa t’Alla li tiġi muriha permezz tal-ministeru tal-kelma. Hija l-istess qawwa li Alla l-Imbierek jagħtina biex nagħtu l-kelma. Mela t-tielet kelma biex tiftakruha llum, hija l-qawwa ta’ Alla l-Imbierek. Kemm hu sabih li l-appostli l-ewwel kellhom il-kelma ta’ Ġesu: jiena nkun magħkom sa’ l-aħħar taż-żmien. U meta nibdew naqraw l-Atti tal-Appostli nindunaw li huma, ftit ftit, qegħdin iktar jinfetħu għal din il-preżenza ta’ qawwa ta’ Sidna Ġesu Kristu. U allura t-tielet kelma hija l-qawwa. Meta aħna nkunu qegħdin inservu l-kelma u jekk dik il-kelma hija kelma ta’ qawwa, ma tagħmilx sens li jiena naqraha mitluq. Jiena irrid nidħol fl-ispirtu ta’ dik il-kelma u ngħidha bl-istess qawwa li dik il-kelma ġiet mogħtija lilna.
U fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna kellna lezzjoni sabiħa minn San Ġakbu. Jgħidilna li aħna rridu nkunu tqal biex aħna nitkellmu (Ġak 1, 19). Kemm nitkellmu, ħuti, imma rridu nkunu ħerqana biex nisimghu u biex ma toħroġtx il-korla minn fommna. U San Ġakbu jkompliha u jgħid: isma’ intom isimgħu l-kelma ta’ Alla bil-ħlewwa għax hekk ingħatat lilna (ara Ġak 1,21). U din hija r-raba’ kelma li nixtieq li tiftakru: il-kelma t’Alla hija ħlewwa.
Jiena meta kont żgħir, kont skoprejt xi ħaġa li verament għenitni f’ħajti: li dak kollu li inkiteb fil-kelma tal-Mulej kollox ħareġ mill-imħabba ta’ Alla l-Missier, kollox! Anke jekk kelma tidher li hija daqsxejn qawwija imma dik il-kelma jekk tingħata, tingħata ħierġa mill-ħlewwa tal-imħabba t’Alla. U allura kemm hu sabih li meta aħna qegħdin inxandru lill-Mulej inxandru l-kelma tiegħu, aħna qed inxandru wkoll il-ħlewwa tiegħu propju lin-nies li aħna qegħdin qaddejja tagħhom fil-Kelma. Din il-kelma ħlewwa trid tkun xi ħaġa li bilfors fil-ministeru tagħkom kull min qed jisma’, iduq, l-ħlewwa t’Alla. Tafu li l-Papa Franġisku qiegħed jinsisti ħafna fuq din il-kelma, il-kelma ħlewwa, il-kelma imħabba, il-kelma umiltà, dak kollu li permezz tiegħu Sidna Ġesu Kristu wassal il-kelma. Il-Kelma ma tistax titwassal mod ieħor ħlief kif wassalha Sidna Ġesu Kristu.
Nitlobkom biex toqgħodu attenti anke għal dawn il-kliem li għażiltu intom stess, biex il-qadi tagħkom tal-Kelma qatt ma jkun xi ħaġa li hija monotona, xi ħaġa li hija mtaqqla, qiesu ittaqqalna, imma tkun xi ħaġa li toħroġ verament minn qalbna mhux minn fommna biss, minn qalbna ħalli min jismagħna jinduna li l-kelma t’Alla qiegħdha ġo qalbna qabel ma nagħtuha lilhom.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta