Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

3 ta’ Lulju 2013

Ħuti,

Alla l-Imbierek ipprovdilna li l-grazzji li huwa jagħtina aħna nifhmuhom u narawhom aħjar permezz tas-sagramenti. Fis-sagramenti tal-Ordni Sagri wkoll, il-grazzji li jiġu ġo fina aħna nisimgħuhom u nħossuhom li qeghdin ġewwa fina. Alla l-Imbierek għamel l-Ordni tal-presbiterat; Sidna Ġesù Kristu għamel l-ewwel presbiteri, biex ngħidu hekk, li huma l-Appostli.

Il-presbiterat huwa wieħed mit-tlett passi li hemm fis-sagrament tal-Ordni Sagri. L-ewwel pass huwa d-djakonat, u allura dawn l-aħwa diġa għaddew mill-esperjenza tad-djakonat, imbagħad hemm il-presbiterat jiġifieri dawk li huma l-kooperaturi iktar fil-qrib ma’ l-Isqof tal-post, imbagħad għandna l-Isqfijiet li għandhom it-totalita tas-saċerdozju. Per eżempju huma l-isqfijiet li jaghtu l-griżma, li jagħmlu ordinazzjoni, mhumiex il-presbiteri. U huma l-presbiteri li jqarru, li jiċċelebraw il-quddiesa, mhux id-djakni. Dawn huma tlett passi wara xulxin.

Ovvjament hemm ħafna x’tgħid fuq il-presbiterat imma jiena xtaqt nieħu t-tlett lezzjonijiet tal-lum, ma għażilnihomx aħna. Għalhekk ejjew naraw ftit dawn it-tlett lezzjonijiet x’tagħlima għandhom jagħtu lil dawn il-presbiteri ġodda.

Nibdew mill-ewwel lezzjoni li tatna l-ewwel dawl. Alla l-Imbierek ikellem lil Mosè mill-għollieq jaqbad, Mose jersaq lejh. u Alla jibagħtu għand l-oħrajn. Dan huwa l-ewwel aspett tal-missjoni tagħna bħala presbiteri, jiġifieri aħna dawk li  qegħdin nimmedjaw, aħna l-medjaturi tal-grazzji li huma tal-Mulej. U biex tkun medjatur, fil-każ ta’ Mose l-ewwel kellu jistqarr dak li qallu Alla l-Imbierek: “Jien hu, Jien li Jien!” U hemmhekk mal-ewwel tah id-dawl tal-eternità, tad-divinità ta’ Alla l-Imbierek. Imma f’daqqa waħda inbagħad dar:  “Imma tqisux lili biss, qiesu li jien Alla tal-istorja tagħkom, Jiena Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb” (ara Eż 3, 6).

Aħna ma rajnix imma nemmnu. Aħna mberkin b'din il-fidi li għandna fil-misteru ta' Sidna Ġesù Kristu, u l-misteru tal-Għid.

Naħseb li minn din il-lezzjoni nistgħu nieħdu l-ewwel riflessjoni. Din il-medjazzjoni li bejn Alla u l-bniedem li jenhtieg inwettqu bħala presbiteri, m’hemmx għalfejn ngħidu kemm hi diffiċli.  L-ewwel trid tkunu inti li tgħix is-sagramenti bħala divinità li qed tingħata, imma trid tgħixha, tagħmilha daqshekk viżibbli biex dawk li se jirċievu is-sagramenti minn ghandek ikunu jistgħu jarawhom u jisimgħuhom għax il-bnedmin għandhom bżonn jaraw u jisimgħu ukoll.

U Mosè lil Alla l-Imbierek wara staqsieh:  ‘Imma x’se tgħidilhom lil dar Israel?’ U qabeż Alla l-Imbierek u qallu: ‘Mose, inti se tkun parti mill-poplu ta’ Alla li mexa matul iż-żmien imma li jrid jgħix issa il-ħelsien mil-jasar li kien qiegħed ġo fih’.  Aħna l-presbiteri li aħna medjaturi; jekk Alla ħares qatt nitilfu l-kuntatt ma’ Alla, ma nibqgħux medjaturi fil-fatt. Imma meta aħna jkollna din  ir-relazzjoni intima ma’ Alla, f’dak l-ħin aħna rridu nidħlu fl-istorja tal-poplu ta’ Alla u nkunu parti minnha. U dan huwa l-ewwel ħsieb li jiena xtaqt ngħid: il-medjazzjoni hija dik li tagħti t-titlu lis-saċerdozju, il-presbiterat tagħna.

It-tieni riflessjoni li xtaqt li nagħmel illum nehodha mit-tieni lezjoni, tiftakru kienet qasira ħafna, mill-Ittra ta’ S. Pawl lill-Efesin (2, 9-22). S. Pawl jgħidilhom: “Isma’ intom m’intomx iktar barranin, intom issa ċittadini tas-saltna t’Alla”. Mhux hekk biss, talli intom issa għandkom il-missjoni li mil-ġebel ħaj, tridu tibnu komunità fejn Alla jħossu komdu.  Din hija t-tieni riflessjoni: intom se jkollkom il-kelma t’Alla f’idejkom, intom se jkollkom il-grazzja tal-presbiterat, intom magħżulin ukoll biex il-persuni li jemmnu, intom tagħmluhom komunità, komunità fejn jkunu mibnija fuq l-appostli u l-profeti. Allura dan huwa t-tagħlim li tridu tagħtuhom: komunità fejn hemm verament Alla, fejn b’mod speċjali Sidna Ġesù Kristu li huwa dak li miet għalina, huwa l-ġebla tax-xewka li fuqu rridu nibnu din il-komunità.

Aħna s-saċerdoti għandna d-dmir li ngħixu u mmutu għal komunità tagħna. Meta l-Mulej tana dak li huwa l-aktar għażiż għalih li huma l-bnedmin kollha, lilna jkun tana responsabbiltà kbira, responsabbiltà enormi li aħna rridu ngħixuha b’imħabba liema bħala, kif għixha Kristu. Alla ħares aħna nfixklu l-komunjoni, Alla ħares ma nibnux il-Knisja t’Alla, Alla ħares lil dawk li jiddependu minna għax huma fil-komunità tagħna, ma nispjegawlhomx dan l-unur kbir li għandhom li huma ċittadini tas-sema. Alla ħares ma nispjegawlhomx dan kollu li huwa tant kbir.

It-tielet u l-aħħar riflessjoni hija mill-Vanġelu li għadna kemm smajna (Ġw 20,24-29). Indunajtu li  l-Vanġelu ntagħżel tal-ġurnata, jiġifieri għandna l-istorja ta’ S. Tumas l-appostlu meta ma ridtx jemmen li Ġesù verament ġie fost l-appostli l-oħra. Ried jara, mhux jemmen, S. Tumas. Dan iwassalna biex nagħmlu din ir-riflessjoni. L-ewwelnett, ninnutaw il-ħlewwa ta’ Sidna Ġesù Kristu. L-Appostli kollha telquh waqt il-mument tal-mewt tiegħu, naħseb lanqas rawh imsallab, għax kollha telqu, kollha ħarbu. U l-Mulej jieħu l-paċenzja biex jerġa’ jidher, jerġa’, biex ngħid hekk, joqgħod fuq is-sensi taghhom ħalli huma jkunu jistgħu jaraw il-marki tas-salib tiegħu u jkunu jistgħu jgħidu:  ‘aħna xhieda tal-misteru kollu tal-Għid, mhux biss tal-qawmien, imma aħna rajna ‘l Kristu bil-marki tas-salib u allura aħna xhieda wkoll tas-salib tiegħu’.

Ġesù ried li S. Tumas wkoll jidħol fil-misteru tal-Għid, ladarba kien appostlu. Dan ghamlu meta miss il-marki tat-tislib ta’ Sidna Ġesù Kristu. Aħna rridu nkunu persuni tal-Għid, bl-Ingliż nissejħu an easter people, għaliex aħna ngħixu kontinwament, b’mod speċjali bħala presbiteri, din ir-realta tal-misteru tal-Għid. Għax jekk aħna se ngħammdu mhux fil-misteru tal-Għid ngħammdu? Jekk aħna se nqarru lil xi ħadd u nagħtuh il-maħfra, mhijiex il-maħfra li tana Sidna Ġesù Kristu propju fuq is-salib? Jekk aħna se nagħtu l-Ewkaristija,  l-Ewkaristija mhijiex it-tiġdid sagramentali kif  jgħidilna il-Papa Ġwanni Pawlu II: it-tiġdid sagramentali tal-misteru tal-Għid?  Mela t-tielet ħsieb li xtaqt li naqsam magħkom huwa: inkunu kontinwament persuni li jaħsbu fil-misteru tal-Għid ħalli meta aħna noħorġu l-grazzja li hemm ġewwa fihom, u nagħtuhom personalment lil dawk li jiġu għandna, aħna nkunu qegħdin nagħtuhom verament bil-fidi tagħna.

Kemm hija konsolazzjoni li tisma’ lil Ġesù jgħid mhux ezatt b’dan kliem, ara tgħiru għal dawk li lili rawni, ara tgħiru għalhom: “Imberkin dawk li ma rawx u emmnu”. Aħna ma rajnix imma nemmnu. Aħna mberkin b’din il-fidi li għandna fil-misteru ta’ Sidna Ġesù Kristu, u l-misteru tal-Għid.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta