-
25 ta’ Ottubru 2014
Seminarju tal-Arċisqof, tal-VirtùGrazzi ta’ din il-preżentazzjoni tal-‘Code of Ethics for Volunteers and Voluntary Organisations of the Archdiocese of Malta’. Naħseb li fil-futur qarib ikollna wkoll verżjoni bil-Malti ta’ dan id-dokument, imma l-iżjed ħaġa importanti li għandna quddiemna hija li noħolqu l-kultura li fiha nkunu nistgħu nħaddmu dan il-Kodiċi ta’ Etika.
L-ewwelnett irridu napprezzaw il-fatt li l-volontarjat fil-Knisja, li jmur lura għal diversi snin, huwa rifless ukoll tal-ħajja tal-Knisja. Aħna għandna volontarjat fid-Djakonija li huwa espressjoni ta’ Knisja qaddejja tal-bniedem. Din, kif tafu, kienet tema importanti fl-Assemblea Djoċesana ta’ din is-sena. Imma l-Knisja hija ukoll Knisja li tgħallem u għalhekk irrid insellem lil tant voluntiera li jiddedikaw ħajjithom għat-tagħlim. Il-Knisja hija ukoll Knisja li tiċċelebra, għalhekk irrid insellem lil tant voluntiera li mingħajr interessi personali u b’dedikazzjoni kbira jgħinu lill-komunità tagħna tiċċelebra l-Avvent u l-Milied, r-Randan u l-Għid il-Kbir biex insemmi ftit eżempji. Ejjew nimmaġinaw kemm voluntiera jgħinuna niċċelebraw b’mod sabiħ il-misteri fundamentali tal-Milied u tal-Għid il-Kbir tal-Mulej Ġesù, kif ukoll il-festi titulari.
Nagħmel enfasi fuq il-voluntiera fil-qasam tad-Djakonija, li fil-Knisja Kattolika m’hijiex filantropija, m’hijiex biss rispett lejn il-bniedem, imma qadi tal-bniedem li fih naraw ix-xbieha t’Alla. Bħalma jfakkarna San Ġwann Kriżostmu, aħna nafu li l-Mulej, meta se nidhru quddiemu, ser jgħidilna kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont immigrant, bħal dawk li aktarx ġejjin fuq xtutna minhawn u ftit sigħat oħra, u tajtuni post fejn ngħix b’mod dinjituż, u lqajtuni.
Id-Djakonija allura hija mportanti għaliex fuqha ser nigu ġġudikati għall-kriterju tal-imħabba konkreta li l-Mulej sejħilna għaliha. Imma m’hemmx Djakonija Kattolika vera mingħajr tagħlim, mingħajr formazzjoni li tagħtina spinta u motivazzjoni tassew Nisranija għal dak li nagħmlu. Fl-istess ħin, ma tistax tkun Kattolliku jekk ma titgħallimx miċ-ċokon tiċċelebra l-fidi tiegħek. Għalhekk dan il-Kodiċi ta’ Etika jitkellem dwar drittijiet li għandhom il-voluntiera, u jitkellem ukoll dwar l-għaqdiet volontarji u l-voluntiera li jħaddnu fihom.
Dan id-dokument huwa ġenerali ħafna, imma jagħti togħma ta’ responsabiltà. Veru li dak li qed nagħmlu qed nagħmluh senza nteressi, imma dan ma jfissirx li m’għandniex drittijiet jew inkella li m’għandniex obbligi. Veru li aħna nistgħu niltaqgħu bħala grupp biex inkunu ta’ benefiċċju għas-socjetà, imma ma jfissirx li m’għandniex obbligu lejn il-ġid komuni. Din hi xi ħaġa li anke l-Istat jirrikonoxxi llum. Aħna nifhmu li fejn nistgħu, għandna nikkoperaw ma’ l-Istat għaliex hu l-Istat li joħloq il-liġijiet u l-istrutturi li jgħinu. Dawn huma prinċipji li huma aċċettati wkoll f’dan il-Kodici ta Etika, bħal ma’ huma t-trasparenza u l-kontabilità. Fl-istess ħin nifhmu li hemm realtajiet tal-Knisja li ma jistgħux ikunu sottomessi għall-Kummissarju, imma huma sottomessi biss għall-Isqof tad-Djoċesi u dik il-libertá tal-Knisja aħna niddeffenduha bil-qawwa u ma nċeduhiex, anke biex inħaddnu dak li hu fil-qalba u fil-fundament tal-libertà reliġjuża fil-pajjiż. Nifhmu ukoll li l-assoċjazzjonijiet li huma marbutin magħna għandhom rwol soċjali, għalhekk, bħall-assoċjazzjonijiet l-oħra għandhom ikunu soġġetti għar-regoli li l-Istat jiddetermina.
Jiena nirringrazzja ħafna li kull min ħa sehem f’din l-inizjattiva, u nawgura li l’quddiem d-Djoċesi tagħna tiżviluppa kultura fejn dan il-Kodiċi ta’ Etika mhux biss jitħaddem imma jkun ukoll għodda li turi kemm aħna serji fix-xogħol tagħna. Waqt li nirrispettaw kull forma ta’ volontarjat, niftakru li għalina l-volontarjat jibqa’ espressjoni tal-imħabba Nisranija. II-volontarjat tan-Nisrani huwa karitá.
✠ Charles J. Scicluna
Isqof Titulari ta’ San Leone u Amministratur Appostoliku sede vacante