Għeżież Emigranti,
Wasal mill-ġdid il-Milied, il-Jum li fih saret l-ikbar ‘emigrazzjoni’ tal-istorja. L-Iben ta’ Alla ‘emigra’ biex ngħidu hekk, mingħand il-Missier biex jiġi fostna. Hawnhekk huwa għex, għamel il-ġid u miet imsallab.
Dan il-ħsieb ma jistax ma jfakkarniex fikom għeżież emigranti.
Għaliex anki intkom għamiltu l-istess vjaġġ. Hemm xi affarijiet f`Ġesú li jixxiebhu magħkom, u hemm xi affarijiet li jiddistingwu l-miġja ta’ Sidna Ġesú Kristu fostna.
It-tnejn jixxiebħu għaliex it-tnejn bdew minn esperjenza ta’ faqar.
Iżda kien hemm differenzi bejniethom. L-emigranti x’aktarx emigraw għaliex kienu qegħdin jgħixu diġá fil-faqar. Ġesú kien qiegħed jgħix fil-glorja ta’ Alla l-Missier bħala l-Iben t`Alla, u daħal fil-faqar biex ikun bħalna.
Ħafna emigranti marru f`pajjiżi oħra biex ifittxu għejxien aħjar għalihom u għall-familji tagħhom. U niżżu ħajr ‘l Alla ħafna minnhom stagħnew. Iżda Ġesú ġie biex nistagħnu aħna, għall-ġid tagħna. U spiċċa fuq salib.
Għal dan kollu nirringrazzjawh illum, fil-Milied, għal dak li għamel għalina.
Nixtiqulkom ilkoll Milied Ħieni u Qaddis, u Sena 2012 mimlija riżq u Barka.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta