Għeżież Missjunarji,
Reġa’ wasal il-Milied, it-twelid ta’ Sidna Ġesú Kristu. Il-familja ta’ Ġesú, Marija u Ġużeppi kienu joqogħdu ġewwa Nazaret. Iżda hemm żewġ episodji li jfakkruna fil-ħidma tagħkom bħala missjunarji: bħala dawk li f`isem Ġesú, jmorru bogħod minn pajjiżhom, b’dak kollu li dan ifisser.
L-ewwel episodju huwa meta kellhom imorru ġewwa Betlehem biex jagħtu l-ħajja lil Ġesú. Xi wħud minnkom marru f`postijiet fejn in-nies tal-post ma kienux jafu b`Ġesú, biex ‘twelldu’ lil Ġesú hemmhekk. Issa, bl-għemil tagħkom fl-imħabba, saru jafu bl-imħabba ta’ dak li ġie mingħand il-Missier biex isalvana. U xi wħud ħaddnu dan il-messaġġ.
It-tieni episodju huwa meta Marija u Ġużeppi ħarbu lejn l-Eġittu biex jipproteġu lit-tarbija minn Erodi. Għal darb’oħra reġgħu telqu d-dar tagħhom, din id-darba biex jipproteġu lil Ġesú ħalli jibqa’ jgħix biex ikompli l-missjoni tiegħu. Xi wħud minnkom marru f`pajjiżi fejn Ġesú kien diġá twieled iżda kien hemm il-biża’, li mingħajr għajnuna, it-twemmin f`Ġesú seta’ jiddgħajjef hekk li jitilfu l-fidi. U intom mortu biex tipproteġu l-isem, it-twemmin f’Ġesú fin-nies tal-post. U min jaf kemm kien hemm nies li intom ġbartu madwarkom biex jagħtu ħajja ġdida lil Ġesú f`dawk il-postijiet.
Jiena nixtieq f’isem il-Knisja hawn f`Malta nirringrazzjakom għal dak kollu li qed tagħmlu f`isimna. Il-Milied huwa mument speċjali fejn nixtiqulkom kull Barka u Ferħ f`din l-istqarrija tal-Mulej.
Il-Mulej jagħtikom Milied tajjeb u ħieni, u s-sena 2012 mimlija riżq tal-Mulej fil-pajjiżi fejn hu bagħtkom f`ismu.
+ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta