Ħuti, aħna qiegħdin f’dan iż-żmien tal-Milied, u x-xewqa tiegħi lejn kull persuna, lejn kull familja, lejn il-poplu tagħna kollu huwa li jkollna dik il-paċi li Sidna Ġesù Kristu ġabilna permezz tat-twelid tiegħu elfejn sena ilu. Jiena naħseb li ħafna familji għad għandhom il-presepju li huma jarmaw fid-djar tagħhom biex iffakkarhom f’dan il-misteru kbir.

Jien nixtieq li nħarsu lejn il-presepju bħala vetrina biex aħna nistgħu nifhmu aħjar x’ġara elfejn sena ilu. Il-qofol ta’ dan il-presepju u ċ-ċentru tiegħu huwa dejjem Sidna Ġesù Kristu. Nixtieq li aħna nħarsu lejh b’għajnejn ta’ fidi; l-ewwel għaliex taħt dik ix-xbiha tal-Bambin Ġesù nemmnu li hemm l-Iben t’Alla li ġie fostna biex ibiddel l-istorja tagħna. Issa l-umanità m’għadhiex waħedha, għax f’nofsha twieled l-Iben t’Alla. U nixtieq li nagħmlu att ieħor ta’ fidi, li aħna ngħarfu li f’dak il-Bambin Ġesù tal-presepju tagħna, taħtu naraw kull tarbija li titwieled, li issa hija immarkata ukoll b’dik l-imħabba kbira ta’ Alla l-Missier meta tah lil Ibnu.

Illum ukoll nistgħu ngħixuha dik ir-realtà, meta aħna f’kull persuna naraw ukoll il-presenza t’Alla, meta ngħarfu fil-presenza t’Alla id-dinjità ta’ kull persuna, hi min hi. Dik l-esperjenza tat-twelid ta’ Ġesù, l-ewwel li għexuha kienu Sidtna Marija u San Ġużepp. Kienet dik il-familja li Alla l-Missier għażel biex fiha jitwieled Ġesù, u dik il-familja tinbidel għax issir il-post fejn kompliet dik li aħna ngħidula ‘l-Inkarnazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu’. F’dak il-mument, dik il-Familja nbidlet. Jien nixtieq li anki f’dan il-Milied, inħallu li anki l-familji tagħna jinbidlu. Ġesù jrid ikun preżenti, Ġesù jrid jikber ma’ dik il-familja, Ġesù jrid ikun is-sostenn, il-qawwa, iċ-ċentru ta’ dik li hija familja nisranija li għadha trid li jkollha lil Ġesù f’nofsha.

Il-personaġġi li l-iktar huma komuni meta aħna naraw il-presepju huma r-rgħajja. Dawk ir-rgħajja li għaliex semmgħu vuċi, kienu kapaċi jmorru jfittxu. U għaliex huma marru jfittxu huma raw, u għaliex huma raw huma setgħu imorru lura lejn pajjiżhom, lejn l-irħula tagħhom u jirrakontaw l-esperjenzi tagħhom. Jiena nixtieq li anki f’dan il-Milied aħna nkunu minn dawk li għax rajna lil Ġesù, doqqna lil Ġesù u ħallejna lil Ġesù jidħol ġewwa qalbna, aħna nkunu kapaċi naqsmu din l-esperjenza mal-oħrajn.

Ħuti, aħna llum qed niċċelebraw il-Milied, għaliex dawn in-nies kollha ma għixux lill-Mulej f’mument wieħed biss imma ħallewh jidħol ġewwa ħajjithom, ibidlilhom ħajjithom u jkunu ta’ għajnuna għall-ohrajn biex huma lkoll ikollhom l-istess esperjenza.

Ħuti, din hija x-xewqa tiegħi għalikom ilkoll.

Nixtieqilkom Milied hieni, Milied li huwa mimli bil-preżenza tal-Mulej.

+ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta