-
Messaġġ tal-Milied mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P.
-
-
Ħuti,Din is-sena l-Awgurju tal-Milied qed nagħtihulkom mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Kien hemm raġuni għaliex għażilna dan il-post – għaliex din is-sena nixtieq li niftakru f’dawk kollha li l-Milied mhux se jgħadduh fid-dar tagħhom. Dawn jistgħu jkunu f’istituti, fl-isptarijiet u anke f’dan il-post, ir-residenti li hawn hawnhekk, f’din il-Facilità Korrettiva.Xtaqt li din is-sena nagħmel hekk biex aħna niftakru b’mod speċjali li Sidna Ġesù Kristu, fl-ewwel Milied, twieled ġewwa għar, bogħod ħafna mid-dar tiegħu, għalkemm kien imdawwar minn Marija u Ġużeppi. Dan qiegħed ngħidu għaliex, l-ewwel u qabel kollox, Sidna Ġesù Kristu f’dan il-Milied se jitwieled f’kull post li aħna nħejju għalih, jiġifieri kull fejn aħna nkunu lesti li nilqgħuh.Għalhekk aħna għandna nippreparaw irwieħna għal din il-festa tal-Milied. Il-post m’għandux jagħmel differenza. Jistgħu jkunu postijiet bħal dan, il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u jista’ jkun palazz. Kullimkien nistgħu nilqgħu lill-Mulej Ġesù. Importanti li aħna ma nagħmlux differenza bejn il-postijiet, għaliex il-Mulej kullimkien irid ikun. F’dan l-isfond xtaqt li din is-sena nżommu f’qalbna żewġ ħsibijiet.Sidna Ġesù Kristu ġie għal kulħadd, għalhekk in-Nisrani ma jistax ikollu preġudizzju kontra xi ħadd, hu min hu, kemm dawk residenti hawnhekk, kemm dawk li ngħidulhom refuġjati, kemm dawk li għandhom mard mentali, kif ukoll dawk li huma fqar u narawhom fit-triq. L-ebda wieħed jew waħda minn dawn ma jista’ jkolli preġudizzju kontrihom, għax inkella nkun qiegħed immur kontra dak li għamel Sidna Ġesù Kristu.It-tieni ħaġa li jiena xtaqt li naqsam magħkom bħala ħsieb, biex aħna nkunu qegħdin nirraġunaw bħal Ġesù Kristu meta ġie fostna, hija din. Aktar ma naraw tbatija u faqar, aktar aħna bħala Nsara għandna ninġibdu lejn dawn in-nies li qegħdin ibatu, għaliex Ġesù għalhekk ġie fostna propju fl-għar ta’ Betlehem, biex hu jingħaqad ma’ dawk kollha li huma fqar, imġarrbin u mwarrbin.Kemm hu sabiħ kieku dan il-Milied nippruvaw inwettqu fil-prattika dawn iż-żewġ ħsibijiet. Minbarra hekk, inħeġġiġkom biex tippruvaw tgħixuhom is-sena kollha, fil-postijiet kollha fejn tkunu. Xejn preġudizzji, imma ħafna mħabba, b’mod speċjali lejn dawk li qegħdin ibatu u huma mwarrbin, inkella l-mixja tagħna ma’ Ġesù ma tkunx waħda sħiħa. Inkunu qed inħarsu pjuttost lejn il-qoxra, milli lejn l-essenzjal tal-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu fostna.Nagħlaq billi nixtieq il-Milied it-tajjeb, kemm lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u kemm ’l-istaff li jaħdem hawn. Xi wħud mill-istaff, f’dan il-Milied, lanqas huma ma jkunu jistgħu jmorru d-dar biex jiċċelebraw il-Milied mal-familja tagħhom. Imma l-Milied nistgħu ngħixuh kullimkien. Ġesù jiġi fejn inħejjulu post aħna, fejn ikun hemm qlub lesti li jilqgħuh.Jiena nieħu din l-okkażjoni biex nawgura l-Milied it-Tajjeb lilkom ilkoll li qegħdin tisimgħu dan il-messaġġ, u nixtieq li f’isem il-Bambin Ġesù nibgħat f’kull dar, f’kull post, f’kull residenza, il-barka tiegħi: fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
-