• Nistedinkom fil-presepju ħaj li l-poplu ta’ Ħal Lija jorganizza ta’ kull sena. Xtaqt li minn hawn nirriflettu fuq il-grotta ta’ Betlehem, l-istalla li fiha twieled l-Iben t’Alla magħmul bniedem, Ġesù ta’ Nazaret. 

    L-istalla tfakkarna fil-fatt li l-familja ta’ Nazaret, malli waslet Betlehem, ma sabitx post fil-lukanda. Il-Vanġelu jgħidilna, “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Il-Mulej jitwieled f’għar. Tarbija li tibki imma ma timponix ruħha. Ma tkissirx u lanqas tneħħi l-libertà tiegħi u tiegħek. L-imħabba ta’ Ġesù Bambin hija proposta libera li lanqas ir-risposta tiegħi ma tkisser. Il-mistoqsija li nixtieq naqsam magħkom hija din: x’risposta se nagħtuh ’il-Mulej f’dan il-Milied? Jalla kull min hu Nisrani jkollu l-opportunità jersaq lejn il-Qrar u t-Tqarbin b’sinjal li laqa’ ’l-Mulej fil-qalb tiegħu. 

    It-tieni ħsieb li jiġini meta nidħol fil-grotta ta’ Betlehem huwa dan: L-anġli stiednu lir-rgħajja, li kienu l-iżjed nies emarġinati, biex imorru jiltaqgħu mas-Salvatur, tarbija tibki f’maxtura. Il-grotta hija għar miftuħ għal kulħadd. Bl-istess mod, il-Mulej jilqa’ lil kulħadd u jixtieq li aħna wkoll inkunu inklussivi. Hu jistidinna niftħu l-qalb tagħna għal kulħadd, bħalma għamel hu fit-twelid tiegħu. Il-mistoqsija li nixtieq nagħmel hija din: f’din is-sena li għaddiet, ftaħna l-qalb tagħna għal ħutna, inkluż dawk li possibbilment ma naqblux magħhom jew li narawhom wisq differenti minna? Kemm għandna bżonn inkunu soċjetà inklussiva; bl-istess mod li l-Mulej laqa’ fih l-umanità tagħna u sar bniedem, hekk ukoll aħna għandu jkollna mħabba kbira li tilqa’ lil kulħadd.

    It-tielet ħsieb li nixtieq naqsam magħkom huwa avveniment li seħħ mitt sena ilu, fl-1914, fi Franza, waqt li kienet qiegħda tħeġġeġ waħda mill-ikbar u l-agħar gwerer tal-istorja. Is-suldati għedewwa ta’ xulxin, il-Ġermaniżi kontra l-Franċiżi u l-Ingliżi, ħin minnhom fil-lejl tal-Milied, semgħu lil xulxin ikantaw l-innijiet tal-Milied, u ftakru fil-kelma tal-anġli lir-rgħajja, “Glorja ’l Alla fl-għoli tas-smewwiet u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba” (Lq 2:14). Is-suldati waqfu mill-ġlied, kellmu lil xulxin u wkoll lagħbu l-futbol. Is-sehem tagħhom f’dan is-sinjal ta’ solidarjetà u ta’ paċi, x’aktarx hija żerriegħa żgħira fl-art Ewropea ta’ dak li llum qiegħdin ingawdu bħala popli Ewropej.

    Dan il-ġest ta’ mitt sena ilu huwa wkoll messaġġ li jġegħelna naħsbu fuq il-qagħda tad-dinja bħalissa, fejn ħafna Nsara ħutna huma ppersegwitati, u huma vittmi ta’ persekuzzjoni u ta’ gwerer. F’dan il-lejl Qaddis tal-Milied 2014, il-knejjes ta’ Mosul fl-Iraq inbidlu f’ħabsijiet fejn hemm it-tortura u d-dinjità tal-bniedem hija mkasbra. Għalina dan iġib swied il-qalb, iżda ma naqtgħux qalbna. Ejjew, fiċ-ċokon tagħna, nistaqsu lilna nfusna: x’qegħdin nagħmlu biex nilqgħu lil xulxin, biex ikollna soċjetà u dinja ta’ tolleranza, ta’ solidarjetà u ta’ veru ħniena u paċi? Ejjew nawguraw lil xulxin li jkollna iżjed ferħ veru bejnietna.

    Mill-qalb nawguralkom ilkoll Milied ħieni mimli bil-barka tal-Mulej.

     
     Charles Jude Scicluna
        Isqof titulari ta’ San Leone
        Amministratur Appostoliku ta’ Malta

    ​Agħfas hawn biex tniżżel il-messaġġ bħala pdf.