1. Kull sena ġdida ġġib magħha tama ta’ dinja aħjar. Fid-dawl ta’ dan, nitlob lil Alla, Missier il-bnedmin kollha, biex jagħtina l-ftehim u l-paċi, ħalli jitwettqu x-xewqat ta’ kulħadd għal ħajja hienja u mimlija ġid.
Ħamsin sena wara l-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, li għen biex saħħaħ il-missjoni tal-Knisja fid-dinja, hu ta’ kuraġġ li naraw li l-Insara, bħala l-Poplu ta’ Alla li jinsab f’għaqda miegħu imma jgħammar fost il-bnedmin, hu impenjat biex fl-istorja umana jaqsam fil-ferħ u fit-tamiet, fin-niket u d-dwejjaq tal-bnedmin,1 huwa u jxandar is-salvazzjoni ta’ Kristu u jippromovi l-paċi għal kulħadd.
Fil-fatt, żminijietna, immarkati mill-globalizzazzjoni bl-aspetti pożittivi u negattivi tagħha, kif ukoll mill-kontinwazzjoni ta’ kunflitti vjolenti u theddid ta’ gwerra, jitolbu impenn ġdid u minn kulħadd fit-tiftix għall-ġid komuni u l-iżvilupp tal-bnedmin kollha, anzi, tal-bniedem sħiħ.
Hu allarmanti li naraw ambjenti ta’ tensjoni u kunflitt ikkawżati minn inċidenti dejjem jiżdiedu ta’ diskriminazzjoni bejn għonja u fqar, fejn tirbaħ mentalità egoista u individwalista li tesprimi ruħha wkoll f’kapitaliżmu finanzjarju mhux irregolat. Barra mid-diversi forom ta’ terroriżmu u kriminalità internazzjonali, il-paċi qiegħda f’riskju wkoll minħabba d-diversi forom ta’ fundamentaliżmu u fanatiżmu li jgħawġu n-natura vera tar-reliġjon, imsejħa biex ixxerred l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni fost il-ġnus.
Minkejja dan kollu, l-għadd ta’ sforzi differenti għall-paċi li jeżistu fid-dinja tagħna huma xhieda tal-vokazzjoni għall-paċi li tinsab fil-qalb tal-bnedmin kollha. F’kull persuna, ix-xewqa għall-paċi hi waħda essenzjali li f’ċertu sens hi marbuta max-xewqa għal ħajja umana sħiħa, hienja u ta’ suċċess. Fi kliem ieħor, ix-xewqa għall-paċi tikkorrispondi ma’ prinċipju morali fundamentali, li hu d-dmir u d-dritt għal żvilupp soċjali u komunitarju sħiħ, parti mill-pjan ta’ Alla għall-bnedmin. Il-bniedem hu maħluq għall-paċi li hi don ta’ Alla.
Dan kollu wassalni biex għal dan il-Messaġġ nispira ruħi mill-kliem ta’ Ġesù Kristu: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9).
Il-beatitudni tal-Vanġelu
2. Il-Beatitudnijiet (barkiet) li ħabbar Ġesù (ara Mt 5:3-12 u Lq 6:20-23) huma wegħdiet. Fit-tradizzjoni Biblika, il-barka hi ġeneru letterarju li dejjem jiġbor fih xi aħbar tajba, “vanġelu”, li jilħaq il-qofol tiegħu f’wegħda. Għalhekk, il-Beatitudnijiet m’humiex biss eżortazzjonijiet morali li, jekk jiġu osservati, lill-bniedem, fiż-żmien opportun – normalment fil-ħajja li ġejja – jiksbulu premju jew sitwazzjoni ta’ hena futur. Iktar minn hekk, il-barka li fuqha jitkellmu l-Beatitudnijiet tikkonsisti fit-twettiq ta’ wegħda li ssir lil dawk kollha li jħallu jmexxuhom il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba. F’għajnejn id-dinja, dawk li jafdaw f’Alla u fil-wegħdiet tiegħu spiss jidhru inġenwi jew maqtugħa mir-realtà. Imma Ġesù jgħidilhom li mhux biss fil-ħajja li ġejja, imma diġà sa minn din il-ħajja, se jiskopru li huma wlied Alla, u li Alla sa minn dejjem kien, u dejjem sa jibqa’, għal kollox fuq in-naħa tagħhom. Huma jifhmu li m’humiex waħidhom, għax hu jinsab fuq in-naħa ta’ dawk li huma impenjati b’riżq il-verità, il-ġustizzja u l-imħabba. Ġesù, ir-rivelazzjoni ta’ l-imħabba tal-Missier, ma joqgħodx lura milli joffri lilu nnifsu f’sagrifiċċju. Meta naċċettaw lil Ġesù Kristu, Alla u bniedem, ngħaddu mill-esperjenza hienja ta’ rigal tassew kbir: li nieħdu sehem fil-ħajja ta’ Alla nnifsu, il-ħajja tal-grazzja, ir-rahan ta’ eżistenza kollha kemm hi mbierka u hienja. Ġesù Kristu, b’mod partikulari, jagħtina l-vera paċi, li titwieled mil-laqgħa fiduċjuża tal-bniedem ma’ Alla.
Il-beatitudni ta’ Ġesù tgħidilna li l-paċi hi, minn naħa rigal messjaniku u minn naħa oħra l-frott ta’ l-isforz uman. Fil-fatt, il-paċi titlob ċertu umaniżmu miftuħ għat-traxxendentali. Hi l-frott ta’ don u għana reċiproku, grazzi għal dak ir-rigal li għandu l-għajn tiegħu f’Alla u jippermettilna ngħixu ma’ l-oħrajn u għall-oħrajn. L-etika tal-paċi hi etika ta’ għaqda u qsim. Għalhekk hu indispensabbli li d-diversi kulturi ta’ żmienna jirbħu kull forma ta’ antropoloġija u etika bbażati fuq suppożizzjonijiet tekniċi u prattiċi li huma biss suġġettivistiċi u prammatiċi, fejn ir-relazzjonijiet ta’ koeżistenza huma mmexxija minn kriterji ta’ setgħa jew profitt, fejn il-mezzi jsiru l-fini u bil-kontra, u kultura u edukazzjoni jiffokaw biss fuq l-istrumenti, it-teknika u l-effiċjenza. Il-kundizzjoni essenzjali għall-paċi hi li jintemm id-dittatorjat tar-relattiviżmu u tas-suppożizzjoni ta’ moralità għal kollox awtonoma li tinjora l-għarfien ta’ liġi naturali morali inevitabbli li hi mnaqqxa minn Alla fuq il-kuxjenza ta’ kull persuna. Il-paċi hi l-bini ta’ koeżistenza f’termini razzjonali u morali, waħda li sserraħ fuq bażi li l-kejl tagħha m’hux maħluq mill-bniedem, imma minn Alla. Kif naqraw fis-Salm 29: “Il-Mulej jagħti l-qawwa lill-poplu tiegħu; ibierek il-Mulej bis-sliem il-poplu tiegħu!” (v. 11).
Il-paċi: don ta’ Alla u frott ta’ l-isforz uman
3. Il-paċi tinfluwenza lill-persuna umana kollha, u għalhekk titlob impenn sħiħ. Hi paċi ma’ Alla permezz ta’ ħajja skond ir-rieda tiegħu. Hi paċi interjuri magħna nfusna, u paċi esterjuri mal-proxxmu tagħna u mal-ħolqien kollu. Fuq kollox, kif kiteb il-Beatu Ġwanni XXIII fl-Enċiklika tiegħu Pacem in Terris, li fi ftit xhur oħra jaħbat il-ħamsin anniversarju tagħha, il-paċi titlob il-bini ta’ koeżistenza mibnija fuq il-verità, il-libertà, l-imħabba u l-ġustizzja.2 Iċ-ċaħda ta’ dak li jagħmel tassew in-natura vera tal-bniedem fid-dimensjonijiet essenzjali tagħha, il-kapaċità intrinsika tagħha li tagħraf dak li hu veru u tajjeb, u, fl-aħħar mill-aħħar, li tagħraf lil Alla nnifsu, tipperikola l-paċi. Mingħajr il-verità dwar il-bniedem li l-Ħallieq naqqaxlu f’qalbu, il-libertà u l-imħabba jinsterqilhom is-sens tagħhom, u l-ġustizzja titlef il-bażi għall-eżistenza tagħha.
Biex insiru bennejja awtentiċi tal-paċi, hu fundamentali li nżommu f’moħħna d-dimensjoni traxxendentali tagħna u li nidħlu fi djalogu kontinwu ma’ Alla, il-Missier tal-ħniena, fejn allura nitolbuh jagħtina l-fidwa miksuba għalina minn Ibnu l-waħdieni. B’dan il-mod il-bnedmin jistgħu jirbħu fuq it-tixjin u ċ-ċaħda progressiva tal-paċi li hi dnub f’kull forma tiegħu: egoiżmu u vjolenza, xeħħa u kilba għas-setgħa u l-poter, intolleranza, mibegħda u strutturi inġusti.
Il-kisba tal-paċi fuq kollox tiddipendi mill-għarfien li, f’Alla, aħna familja waħda ta’ bnedmin. Din il-familja, kif tgħallimna l-Enċiklika Pacem in Terris, hi mibnija fuq relazzjonijiet interpersonali u istituzzjonijiet li jieħdu n-nifs mill-“aħna” komunitarju, ħaġa li titlob ordni morali intern u estern fejn, fi qbil mal-verità u l-ġustizzja, id-drittijiet u d-dmirijiet reċiproċi huma ġenwinament rikonoxxuti. Il-paċi hi ordni li jieħu l-ħajja u l-integrità tiegħu mill-imħabba, b’mod li l-bżonnijiet ta’ ħaddieħor inħossuhom tagħna, naqsmu l-ġid tagħna ma’ l-oħrajn, u nitħabtu biex fid-dinja kollha jkun hawn komunjoni akbar ta’ valuri spiritwali. Dan hu ordni li jinkiseb fil-libertà li trid tkun konsistenti mad-dinjità tal-persuni li, mill-istess natura tagħhom ta’ essri razzjonali, jieħdu fuqhom ir-responsabbiltà ta’ l-azzjonijiet tagħhom.3
Il-paċi m’hix ħolma jew xi utopja; hi possibbli! Il-ħarsa tagħna hemm bżonn tinżel iktar fil-fond, lil hemm mid-dehra u l-fenomeni superfiċjali, biex tiddixxerni realtà pożittiva li teżisti fil-qlub tal-bnedmin, għax kull raġel u mara ġew maħluqa fuq ix-xbieha ta’ Alla u huma msejħa jikbru u jagħtu sehemhom fil-bini ta’ dinja ġdida. Alla nnifsu, bl-inkarnazzjoni ta’ Ibnu u l-missjoni tiegħu ta’ fidwa, daħal fl-istorja u ġab miegħu ħolqien ġdid u patt ġdid bejn Alla u l-bniedem (ara Ġer 31:31-34), biex hekk tana “qalb ġdida” u “ruħ ġdida” (ara Eżek 36:26).
Propju għal din ir-raġuni l-Knisja hi konvinta mill-urġenza ta’ proklamazzjoni ġdida ta’ Ġesù Kristu, il-fattur ewlieni u fundamentali ta’ l-iżvilupp sħiħ tal-ġnus u anki tal-paċi. Ġesù hu tabilħaqq is-sliem tagħna, il-ġustizzja tagħna u r-rikonċiljazzjoni tagħna (ara Efes 2:14; 2 Kor 5:18). Dak li jaħdem għall-paċi, skond il-beatitudni ta’ Ġesù, hu dak li jfittex il-ġid ta’ l-ieħor, il-milja tal-ġid fil-ġisem u r-ruħ, il-lum u għada.
Minn dan it-tagħlim wieħed jista’ jikkonkludi li kull persuna u kull komunità, kemm jekk reliġjuża, ċivili, edukazzjonali u kulturali, hi msejħa taħdem għall-paċi. Il-paċi hi qabel xejn il-kisba tal-ġid komuni fid-diversi livelli tas-soċjetà, primarju u intermedju, nazzjonali, internazzjonali u globali. Preċiżament għal din ir-raġuni jista’ jingħad li t-toroq li jwasslu għall-kisba tal-ġid komuni huma wkoll it-toroq li rridu nimxu jekk nixtiequ nsibu l-paċi.
Iġibu l-paċi dawk li jħobbu, iħarsu u jippromovu l-ħajja fil-milja tagħha
4. It-triq biex niksbu l-ġid komuni u l-paċi hi fuq kollox dik tar-rispett lejn il-ħajja umana fid-diversi aspetti tagħha, ibda mit-tnissil, fl-iżvilupp tagħha u sat-tmiem naturali tagħha. Mela dawk li tassew jixtiequ l-paċi huma dawk li jħobbu, iħarsu u jippromovu l-ħajja umana fid-dimensjonijiet kollha tagħha, personali, komunitarji u traxxendentali. Il-ħajja fil-milja tagħha hi l-ogħla punt tal-paċi. Kull min iħobb il-paċi ma jistax jittollera attakki u atti kriminali kontra l-ħajja.
Dawk li mhux tassew jgħożżu l-ħajja umana, u għalhekk jappoġġjaw, fost ħwejjeġ oħra, il-liberalizzazzjoni ta’ l-abort, forsi m’humiex jintebħu li b’dan il-mod huma qed jipproponu t-tiftix ta’ paċi falza. Il-ħarba mir-responsabbiltà, li tbaxxi l-persuni umani, u iżjed minn hekk il-qtil ta’ ħlejqa innoċenti li ma tistax tiddefendi lilha nfisha, qatt ma jistgħu jipproduċu l-ferħ jew il-paċi. Tabilħaqq, kif jista’ wieħed jgħid li qed jaħdem għall-paċi, għall-iżvilupp sħiħ tal-popli jew anki għall-ħarsien ta’ l-ambjent, mingħajr ma jħares il-ħajja ta’ dawk li huma l-iżjed dgħajfa, ibda mit-trabi fil-ġuf? Kull offiża kontra l-ħajja, speċjalment fil-bidu tagħha, ma tistax ma tikkawżax ħsara irreparabbli lill-iżvilupp, il-paċi u l-ambjent. Lanqas hu ġust li ndaħħlu minn taħt fil-liġi drittijiet u libertajiet foloz li, imsejsa fuq fehma riduttiva u relattivista dwar il-bniedem u fuq l-użu intelliġenti ta’ espressjonijiet ambigwi mmirati biex jippromovu s-suppost dritt għall-abort u l-ewtanasja, jippreżentaw theddida għad-dritt fundamentali għall-ħajja.
Hu meħtieġ ukoll li nagħrfu u nippromovu l-istruttura naturali taż-żwieġ bħala l-għaqda bejn raġel u mara, u dan f’wiċċ diversi tentattivi biex jirrenduh ġuridikament ekwivalenti għal tipi differenti ta’ unjoni; tentattivi bħal dawn fil-fatt jagħmlu ħsara kbira u jwasslu biex tinqered l-istabbiltà taż-żwieġ, joskuraw in-natura speċifika tiegħu u r-rwol indispensabbli tiegħu fis-soċjetà.
Dawn il-prinċipji m’humiex veritajiet tal-fidi, lanqas huma sempliċement riżultat tad-dritt għal-libertà reliġjuża. Huma miktubin fin-natura umana stess, aċċessibbli għar-raġuni u għalhekk komuni għall-bnedmin kollha. Għalhekk, l-isforzi tal-Knisja biex tippromovihom m’humiex ta’ karattru konfessjonali, imma indirizzati lejn il-popli kollha, hi x’inhi l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom. Sforzi bħal dawn isiru dejjem iżjed neċessarji iktar ma dawn il-prinċipji jisfaw miċħuda jew mifhuma ħażin, għax din hi offiża kontra l-verità tal-persuna umana, b’dannu serju għall-ġustizzja u l-paċi.
B’konsegwenza ta’ dan, mod ieħor importanti kif ngħinu biex tinbena l-paċi hu billi s-sistemi legali u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jagħrfu d-dritt li persuna tħaddem il-prinċipju ta’ oġġezzjoni tal-kuxjenza quddiem il-liġijiet jew miżuri tal-gvern li joffendu d-dinjità tal-bniedem, bħall-abort u l-ewtanasja.
Wieħed mid-drittijiet umani fundamentali, anki b’riferenza għall-paċi internazzjonali, hu d-dritt ta’ individwi u komunitajiet għal-libertà reliġjuża. F’dan l-istadju ta’ l-istorja, qed isir dejjem iżjed importanti li nippromovu dan id-dritt mhux mil-lat negattiv tiegħu, bħala libertà minn – ngħidu aħna, obbligazzjonijiet u limitazzjonijiet li jinvolvu l-libertà li wieħed jagħżel għalih ir-reliġjon li jrid – imma anki mil-lat pożittiv, fid-diversi espressjonijiet tiegħu, bħala libertà lejn – ngħidu aħna, li wieħed jagħti xhieda għar-reliġjon tiegħu, ixerred it-tagħlim tagħha, jieħu sehem f’attivitajiet fl-oqsma edukattivi, ta’ benevolenza u karitattivi li jippermettu l-prattika ta’ preċetti reliġjużi, u li jieħu sehem u jaġixxi f’entitajiet soċjali stutturati fi qbil mal-prinċipji duttrinali u l-fini istituzzjonali ta’ kull waħda. B’xorti ħażina, anki f’pajjiżi ta’ tradizzjoni Nisranija qadima sew, qed joktor l-għadd ta’ inċidenti ta’ intolleranza reliġjuża, speċjalment f’rabta mal-Kristjaneżmu u ma’ dawk li sempliċement iġorru fuqhom sinjali li jindentifikawhom mar-reliġjon tagħhom.
Dawk li jġibu l-paċi għandhom iżommu f’moħħhom ukoll li, f’għadd dejjem jikber ta’ setturi ta’ l-opinjoni pubblika, l-ideoloġiji ta’ liberaliżmu radikali u teknokrazija qed ixerrdu l-konvinzjoni li t-tkabbir ekonomiku għandu jinkiseb anki għad-detriment tar-responsabbiltajiet soċjali ta’ l-Istat u tax-xbieki ta’ solidarjetà tas-soċjetà ċivili, flimkien ma’ drittijiet u dmirijiet soċjali. Irridu niftakru li dawn id-drittijiet u dmirijiet huma fundamentali għat-twettiq sħiħ ta’ drittijiet u dmirijiet oħra, ibda minn dawk ċivili u politiċi.
Fost id-drittijiet u dmirijiet soċjali li l-aktar huma mhedda l-lum hemm id-dritt għax-xogħol. Ir-raġuni għal dan hi li x-xogħol u l-għarfien ġust ta’ l-istatus ġuridiku tal-ħaddiema kull ma jmur qed jingħataw inqas valur milli jistħoqqilhom, għax teżisti l-fehma li l-iżvilupp ekonomiku jiddipendi prinċipalment minn swieq għal kollox ħielsa. Għalhekk ix-xogħol qed jiġi meqjus bħala realtà varjabbli li tiddipendi minn mekkaniżmi ekonomiċi u finanzjarji. F’dan ir-rigward, nixtieq nerġa’ ninsisti li d-dinjità umana kif ukoll il-fatturi ekonomiċi, soċjali u politiċi jitolbu li nkomplu “nagħtu prijorità lill-għan tagħna li kulħadd ikollu aċċess għal xogħol fis-sod”.4 Jekk irridu li dan l-għan ambizzjuż jintlaħaq, kundizzjoni li tiġi qabel hi li jkollna ħarsa friska lejn ix-xogħol, mibnija fuq prinċipji etiċi u valuri spiritwali, biex insaħħu mill-ġdid il-kunċett tax-xogħol bħala ġid fundamentali għall-individwu, għall-familja u għas-soċjetà. Ma’ dan il-ġid jikkorrispondu dmir u dritt li jitolbu politika ġdida kuraġġuża ta’ impjegar fuq livell universali.
Nibnu l-ġid tal-paċi permezz ta’ mudell ġdid ta’ żvilupp u ekonomija
5. F’bosta oqsma tas-soċjetà issa teżisti l-fehma li hu meħtieġ mudell ġdid ta’ żvilupp, flimkien ma’ mod ġdid kif nittrattaw l-ekonomija. Kemm l-iżvilupp sostenibbli sħiħ fis-solidarjetà u kemm il-ġid komuni jitolbu skala korretta ta’ ġid u valuri li tista’ tiġi strutturata b’Alla bħala l-ogħla punt ta’ riferiment. M’hux biżżejjed li jkollna għad-dispożizzjoni tagħna bosta mezzi u għażliet differenti, ikunu kemm ikunu tajbin. Kemm il-varjetà wiesgħa ta’ ġid li jkattar l-iżvilupp u kemm il-preżenza ta’ varjetà kbira ta’ għażliet għandhom jitħaddmu fid-dawl ta’ ħajja u mġiba tajba li tagħraf il-primat ta’ dak li hu spiritwali u s-sejħa għall-ħidma b’riżq il-ġid komuni. Inkella dawn jitilfu l-valur veru tagħhom, u jispiċċaw biex isiru huma idoli ġodda.
Biex nistgħu noħorġu mill-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali – li ħolqot inugwaljanzi ikbar minn qatt qabel – neħtieġu persuni, gruppi u istituzzjonijiet li lesti jippromovu l-ħajja billi jrawmu l-kreattività umana, biex mill-kriżi stess jisiltu opportunità għal dixxerniment u għal mudell ekonomiku ġdid. Il-mudell predominanti ta’ l-aħħar deċennji pproponielna li nfittxu l-ogħla profitt u konsum, imsejjes fuq ħsieb individwalista u egoista li jqis l-individwi biss skond kemm huma kapaċi jwieġbu għad-domanda tal-kompetittività. Imma, minn ottika differenti, is-suċċess veru u li jibqa’ jista’ jinkiseb permezz ta’ l-għoti tagħna nfusna, tal-kapaċitajiet intellettwali u l-abbiltajiet intraprenditorjali tagħna, ladarba żvilupp ekonomiku li “tista’ tgħix fih” jew hu tassew uman jitlob il-prinċipju tal-gratwità bħala espressjoni ta’ fraternità u tal-loġika ta’ l-għotja.5 Konkretement, fl-attività ekonomika, dawk li jġibu l-paċi huma dawk li jistabbilixxu rabtiet ġusti u reċiproċi mal-kollegi, il-ħaddiema, il-klijenti u l-konsumaturi tagħhom. Huma jidħlu f’attività ekonomika biex itejbu l-ġid komuni, u dan l-impenn jgħixuh bħala xi ħaġa li tmur lil hemm mill-interess personali tagħhom, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri. Għalhekk huma jaħdmu mhux biss għalihom infushom, imma wkoll biex jiżguraw għall-oħrajn futur u xogħol dinjituż.
Fis-settur ekonomiku, b’mod partikulari huma l-Istati li għandhom jartikulaw politika ta’ żvilupp industrijali u agrikulturali li tagħti kas tal-progress soċjali u t-tkabbir ta’ stati kostituzzjonali u demokratiċi kullimkien. Hu wkoll fundamentali u indispensabbli l-ħolqien ta’ strutturi etiċi għas-swieq tal-munita, finanzjarji u kummerċjali; dawn għandhom jiġu stabbilizzati u kkordinati u kontrollati aħjar biex ma jisfawx ta’ ħsara għall-iktar fqar. B’iktar determinazzjoni milli kellhom s’issa, dawk li qed jaħdmu għall-paċi għandhom jaħsbu kif jiffokaw iżjed fuq il-kriżi ta’ l-ikel, li hi iktar gravi mill-kriżi finanzjarja. Il-kwistjoni tas-sigurtà ta’ l-ikel hi għal darb’oħra punt ċentrali fuq l-aġenda politika internazzjonali, bħala riżultat ta’ kriżijiet waħda marbuta ma’ l-oħra, li fost oħrajn jinkludu bidliet li seħħu malajr fil-prezz ta’ ikel bażiku, imġiba irresponsabbli minn xi aġenti ekonomiċi, u nuqqas ta’ kontroll min-naħa tal-gvernijiet u tal-komunità internazzjonali. Biex jaffrontaw din il-kriżi, dawk li jġibu l-paċi huma msejħa jaħdmu flimkien fl-ispirtu tas-solidarjetà, mil-livell lokali sa dak internazzjonali, bl-għan li l-bdiewa, speċjalment dawk fl-ambjenti rurali, ikunu jistgħu jwettqu l-attività tagħhom b’mod dinjituż u sostenibbli meta tħares lejh mil-lat soċjali, ambjentali u ekonomiku.
Edukazzjoni għal kultura tal-paċi: ir-rwol tal-familja u l-istituzzjonijiet
6. Nixtieq infakkar bil-qawwa li dawk kollha li qed jaħdmu favur il-paċi huma msejħa biex ikollhom fihom passjoni għall-ġid komuni tal-familja u għall-ġustizzja soċjali, waqt li jimpenjaw ruħhom ukoll b’riżq edukazzjoni soċjali effettiva.
Ħadd m’għandu jinjora jew inaqqas mill-valur tar-rwol deċiżiv tal-familja, li hi ċ-ċellola bażika tas-soċjetà mil-lat demografiku, etiku, pedagoġiku, ekonomiku u politiku. Il-familja għandha l-vokazzjoni naturali li tippromovi l-ħajja: hi takkumpanja lill-individwi huma u jikbru u, permezz ta’ l-għożża u l-qsim ta’ l-esperjenzi, tgħinhom jimmaturaw u jistagħnu. Il-familja Nisranija b’mod partikulari sservi bħala mixtla biex wieħed jimmatura fuq livell personali skond il-kejl ta’ l-imħabba divina. Il-familja hi wieħed mill-aġenti soċjali indispensabbli biex tinkiseb kultura ta’ paċi. Għandhom jitħarsu d-drittijiet tal-ġenituri u r-rwol primarju tagħhom fl-edukazzjoni ta’ wliedhom fil-qasam tal-moralità u r-reliġjon. Hu fil-familja li jitwieldu u jitrabbew dawk li jġibu l-paċi, dawk li għada pitgħada għad ikunu l-promuturi ta’ kultura ta’ ħajja u mħabba.6
Il-komunitajiet reliġjużi huma involuti b’mod speċjali f’din il-missjoni kbira ta’ l-edukazzjoni għall-paċi. Il-Knisja temmen li hi għandha sehem f’din ir-responsabbiltà kbira bħala parti mill-evanġelizzazzjoni ġdida, li għandha ċ-ċentru tagħha fil-konverżjoni għall-verità u l-imħabba ta’ Kristu u, b’konsegwenza ta’ dan, fit-twelid spiritwali u morali mill-ġdid ta’ individwi u soċjetajiet sħaħ. Il-bennejja tal-paċi jiġu ffurmati fil-laqgħa ma’ Kristu, u hekk huma jimpenjaw ruħhom favur l-għaqda bejn l-aħwa u biex jirbħu l-inġustizzja.
L-istituzzjonijiet kulturali, l-iskejjel u l-universitajiet għandhom missjoni speċjali ta’ paċi. Huma msejħa biex jagħtu kontribut importanti mhux biss fil-formazzjoni ta’ ġenerazzjonijiet ġodda ta’ mexxejja, imma wkoll fit-tiġdid ta’ istituzzjonijiet pubbliċi, nazzjonali u internazzjonali. Huma jistgħu jikkontribwixxu wkoll għal riflessjoni xjentifika li tpoġġi l-attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji fuq bażi antropoloġika u etika b’saħħitha. Id-dinja tal-lum, speċjalment id-dinja tal-politika, għandha bżonn tas-sosteniment ta’ ħsieb frisk u sinteżi kulturali ġdida, biex tista’ tirbaħ fuq dawk il-metodi purament tekniċi u tqiegħed f’armonija d-diversi kurrenti politiċi, b’enfasi fuq il-ġid komuni. Dan ta’ l-aħħar, li aħna nħarsu lejh bħala damma ta’ relazzjonijiet interpersonali u istituzzjonali pożittivi li huma f’servizz lejn it-tkabbir sħiħ ta’ l-individwi u l-gruppi, hu l-bażi ta’ kull edukazzjoni vera għall-paċi.
Pedagoġija għal dawk li jġibu l-paċi
7. Fl-aħħar nett, naraw b’mod ċar il-ħtieġa li nipproponu u nippromovu pedagoġija tal-paċi. Din hi sejħa għal ħajja interjuri għanja, punti ta’ riferiment morali li jkunu ċari u validi, u attitudnijiet u stili ta’ ħajja xierqa. Għemejjel li jġibu l-paċi jingħaqdu flimkien biex jinkiseb il-ġid komuni; huma joħolqu interess fil-paċi u jikkultivaw il-paċi. Ħsibijiet, kliem u ġesti paċifiċi joħolqu mentalità u kultura tal-paċi, u atmosfera ta’ rispett, onestà u kordjalità. Imbagħad, hu meħtieġ li ngħallmu lin-nies kif iħobbu lil xulxin, jikkultivaw il-paċi u juru rieda tajba iktar milli sempliċement tolleranza. Dan kollu nkunu qegħdin fundamentalment ninkuraġġuh meta “ngħidu le lill-vendetta, nirrikonoxxu l-inġustizzji, naċċettaw l-apoloġiji mingħajr ma nfittxuhom aħna, u, fl-aħħar nett, billi naħfru”,7 b’mod li nagħrfu liema huma l-iżbalji u l-offiżi fid-dawl tal-verità, biex hekk flimkien nistgħu nimxu ’l quddiem lejn ir-rikonċiljazzjoni. Dan jitlob li niżviluppaw pedagoġija ta’ maħfra. Fil-fatt il-ħażin jintrebaħ bit-tajjeb, u l-ġustizzja għandna nfittxuha billi nimitaw lil Alla l-Missier li jħobb lil uliedu kollha (ara Mt 5:21-48). Dan hu proċess li jieħu fit-tul, għax l-ewwel jitlob evoluzzjoni spiritwali, edukazzjoni f’valuri nobbli, viżjoni ġdida ta’ l-istorja umana. Hu meħtieġ li niċħdu l-paċi falza mwiegħda mill-idoli ta’ din id-dinja flimkien mal-perikli li ġġib magħha, dik il-paċi falza li ddallam il-kuxjenzi, li twassal għall-assorbiment tagħna nfusna, għal eżistenza mxejna li tingħax fl-indifferenza. Il-pedagoġija tal-paċi, min-naħa l-oħra, timplika attività, kompassjoni, solidarjetà, kuraġġ u perseveranza.
Ġesù f’ħajtu stess laħħam dawn l-attitudnijiet kollha, sal-punt ta’ l-offerta sħiħa tiegħu nnifsu, anki sa wasal biex “jitlef ħajtu” (ara Mt 10:39; Lq 17:33; Ġw 12:25). Hu jwiegħed lid-dixxipli tiegħu li l-lum jew għada għad jaslu għall-kixfa straordinarja li semmejt jien fil-bidu, jiġifieri li Alla qiegħed tassew fid-dinja, Alla ta’ Ġesù, għal kollox fuq in-naħa tal-bniedem. Hawn nixtieq infakkar f’dik it-talba li fiha lil Alla nitolbuh jagħmilna strumenti tal-paċi tiegħu, biex insiru kapaċi nħeġġu mħabbtu kull fejn hemm il-mibegħda, inferrxu ħnientu kull fejn hemm il-ħtija, u ndaħħlu l-fidi fih kull fejn hemm id-dubju. Min-naħa tagħna, ejjew ningħaqdu mal-Beatu Ġwanni XXIII u nitolbu lil Alla jdawwal lill-mexxejja kollha biex, barra li jagħtu kas tal-ġid materjali propju tal-popli tagħhom, jiżgurawlhom ukoll id-don prezzjuż tal-paċi, iħottu l-ħitan li jifirduhom, isaħħu r-rabtiet ta’ l-imħabba reċiproka, iżidu jifhmu iżjed lil xulxin, u jkunu lesti jaħfru lil dawk li għamlulhom id-deni; b’dan il-mod, bil-qawwa tiegħu u mdawlin minnu, il-ġnus kollha tad-dinja jduqu l-fraternità, u l-paċi li tant jixtiequ, toktor u ssaltan dejjem iżjed fosthom.8
B’din it-talba, nesprimi t-tama tiegħi li lkoll kemm aħna nkunu bennejja tal-paċi, biex il-belt tal-bnedmin tista’ tikber f’armonija fraterna, prosperità u paċi.
Mill-Belt tal-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2012.
BENEDICTUS PP XVI
Riferenzi
1 Ara KONĊILJU EKUMENIKU VATIKAN II, Kostituzzjoni Pastorali fuq il-Knisja fid-Dinja tal-Lum Gaudium et Spes, 1.
2 Ara Ittra Enċiklika Pacem in Terris (11 ta’ April 1963): AAS 55 (1963), 265-266.
3 Ara ibid: AAS 55 (1963), 266.
4 BENEDITTU XVI, Ittra Enċiklika Caritas in Veritate (29 ta’ Ġunju 2009), 32: AAS 101 (2009), 666-667.
5 Ara ibid, 34 u 36: AAS 101 (2009), 668-670 u 671-672.
6 Ara ĠWANNI PAWLU II, Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1994 (8 ta’ Diċembru 1993): AAS 86 (1994), 156-162.
7 BENEDITTU XVI, Messaġġ fil-Laqgħa mal-Membri tal-Gvern, Istituzzjonijiet tar-Repubblika, il-Korpi Diplomatiċi, il-Mexxejja Reliġjużi u Rappreżentanti tad-Dinja tal-Kultura, Baabda-Lebanon (15 ta’ Settembru 2012): L’Osservatore Romano, 16 ta’ Settembru 2012, p. 7.
8 Ara Ittra Enċiklika Pacem in Terris (11 ta’ April 1963): AAS 55 (1963), 304.