Għeżież ħuti,
Ix-xandir ta’ Ġesù Kristu, il-Feddej uniku tad-dinja “jikkostitwixxi l-missjoni essenzjali tal-Knisja. Hija ħidma u missjoni li t-tibdiliet vasti u profondi tas-soċjetà tal-lum jagħmluha dejjem aktar urġenti” (Evangelii Nuntiandi, 14). Fil-fatt, illum aħna nħossu l-ħtieġa urġenti li nagħtu imbuttatura ġdida lill-ħidma ta’ evanġelizazzjoni u nħaddmu metodi ġodda f’dinja fejn it-tneħħija tal-fruntieri u l-proċessi l-ġodda tal-globalizazzjoni qed iressqu l-individwi u l-poplu dejjem eqreb ta’ xulxin. Dan hu hekk kemm b’riżultat tal-iżvilupp tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u wkoll b’effett tal-frekwenza u l-faċilità li bihom in-nies individwali u fi gruppi llum jistgħu jimxu minn banda għal oħra.
F’din il-qagħda ġdida hemm bżonn li f’kull wieħed u waħda minna nqajmu mill-ġdid l-entusjażmu u l-kuraġġ li mmotivaw l-ewwel komunitajiet Insara biex ikunu ħabbara bla biża’ tal-ħwejjeġ ġodda li hemm fil-Vanġelu, b’mod li fi qlubna nnisslu eku ta’ dak li qal San Pawl: “Jekk jiena nxandar l-Evanġelu ma għandix biex niftaħar; jiena obbligat nagħmlu dan. Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelu!” (1 Kor 9:16).
Ħidma missjunarja akbar
It-tema li jiena għażilt din is-sena għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati hija, “Il-Migrazzjoni u l-Evanġelizazzjoni l-Ġdida”. Din it-tema titnissel minn dak li semmejt diġà. Iż-żmien tal-lum, infatti, isejjaħ lill-Knisja biex timbarka fuq evanġelizazzjoni ġdida anke fil-fenomenu ferm mifrux u kumpless tal-mobilità umana. Dan isejjaħ għal intensifikazzjoni tal-ħidma missjunarja tal-Knisja kemm fir-reġjuni fejn il-Vanġelu qed jixxandar għall-ewwel darba u fil-pajjiżi bi tradizzjoni Nisranija.
Il-Beatu Ġwanni Pawlu II stedinna biex “insostnu lilna nfusna bil-kelma ħalli nkunu ‘qaddejja tal-kelma’ fil-ħidma ta’ evanġelizazzjoni…. f’sitwazzjoni li qed issir dejjem iżjed diversifikata u esiġenti, fil-kuntest tal-‘globalizazzjoni’ u tat-taħlit ġdid u nċert ta’ nies u kulturi li dan iġib miegħu (Novo Millennio Ineunte, 40). Insibu li l-migrazzjoni interna jew internazzjonali bħala ftuħ f’tiftix għal kundizzjonijiet ta’ għajxien aħjar jew biex persuna taħrab mit-theddida ta’ persekuzzjoni, gwerra, vjolenza, ġuħ jew diżastri naturali wasslet għal taħlit, li qatt ma kien hawn bħalu, ta’ individwi u popli, bi problemi ġodda mhux biss mil-lat uman imma wkoll mill-aspetti etiċi, reliġjużi u spiritwali.
Il-konsegwenzi ovvji tas-sekularizazzjoni tal-lum, it-twelid ta’ movimenti settarji ġodda, l-insensittività mifruxa għall-fidi Nisranija u t-tendenza magħrufa lejn il-frammentazzjoni ifixklu n-nies milli jiffokaw fuq referenza li tgħaqqad u li tkun tinkuraġġixxi l-formazzjoni ta’ ‘familja waħda ta’ aħwa f’soċjetajiet li qed isiru dejjem aktar multi-etniċi u inter-kulturali, fejn anke nies ta’ reliġjonijiet diversi huma mħeġġa jieħdu sehem fi djalogu, sabiex tkun tista’ tinstab koeżistenza serena u li tħalli l-frott fejn ikun hemm differenzi leġittimi’, kif jiena ktibt fil-Messaġġ tiegħi tas-sena l-oħra għal dan il-Jum Dinji.
Żmienna huwa immarkat minn sforzi biex Alla u t-tagħlim tal-Knisja jitwarrbu mix-xefaq tal-ħajja, filwaqt li qed jidħlu d-dubju, ix-xettiċiżmu u l-indifferenza, li jfittxu li jeliminaw kull viżibilità soċjali u simbolika tal-fidi Nisranija.
F’dan il-kuntest, mhumiex ftit il-każi fejn migranti li kienu saru jafu lil Kristu u ħaddnuh, ikunu mġiegħlin iqisuh bħala li ma għadux rilevanti għal ħajjithom, jitilfu t-tifsira tal-fidi tagħhom, ma jibqgħux jagħrfu lilhom infushom bħala membri tal-Knisja, u spiss jgħixu ħajja li ma tkunx għadha mmarkata minn Kristu u l-Vanġelu tiegħu. Wara li jkunu kibru fost popli karatterizzati mill-fidi Nisranija tagħhom huma spiss jemigraw lejn pajjiżi fejn l-Insara huma minoranza jew fejn it-tradizzjoni antika tal-fidi, għax ma tkunx għadha konvinzjoni personali jew reliġjon tal-komunità, tkun tniżżlet għal fatt kulturali.
Hawn il-Knisja għandha quddiemha sfida li tgħin lill-migranti jżommu l-fidi tagħhom soda wkoll meta huma jkunu mċaħħdin mill-appoġġ kulturali li kien jeżisti fl-art li minnha jkunu oriġinaw, u li tidentifika azzjonijiet pastorali ġodda, u wkoll metodi u espressjonijiet, biex il-Kelma ta’ Alla tkun milqugħa b’mod dejjem vitali. F’xi każi din hija opportunità biex jitħabbar li, f’Ġesù Kristu, l-umanità setgħet tieħu sehem fil-misteru ta’ Alla u l-ħajja tiegħu ta’ mħabba.
L-umanità hija miftuħa wkoll għal xefaq ta’ tama u paċi, inkluż bi djalogu rispettuż u xiehda tanġibbli ta’ solidarjetà. F’każi oħrajn hemm il-possibbiltà li kuxjenza Nisranija li tkun raqdet titqajjem mill-ġdid bix-xandir aġġornat tal-Aħbar it-Tajba u ħajja Nisranija aktar konsistenti li tgħin in-nies jiskopru mill-ġdid is-sbuħija ta’ meta dak li jkun jiltaqa’ ma’ Kristu, li jsejjaħ lill-Insara għall-qdusija jkunu fejn ikunu, ukoll f’art barranija.
Opportunità provvidenzjali
Il-fenomenu tal-migrazzjoni llum huwa wkoll opportunità provvidenzjali għax-xandir tal-Evanġelu fid-dinja ta’ żmienna. Irġiel u nisa minn diversi reġjuni tad-dinja li għadhom ma ltaqgħux ma’ Ġesù Kristu jew li ftit jafu dwaru, jitolbu li jiġu milqugħin f’pajjiżi bi tradizzjoni Nisanija antika. Hu meħtieġ li jinstabu modi adekwati biex huma jiltaqgħu ma’ Ġesù Kristu u jsiru jafuh u biex jesperjenzaw ir-rigal imprezzabbli tal-fidwa li huwa, għal kulħadd, għajn ta’ “abbundanza ta’ ħajja” (cf. Ġw 10:10); il-migranti nfushom għandhom rwol speċali f’dan ir-rigward għax min-naħa tagħhom huma jistgħu jsiru “ħabbara tal-kelma ta’ Alla u xiehda ta’ Ġesù Rxoxt, it-tama tad-dinja” (Eżortazzjoni Apostolika Verbum Domini, 105).
Il-ħaddiema pastorali – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – għandhom rwol kruċjali fl-itinerarju esiġenti tal-evanġelizazzjoni l-ġdida fil-kontest tal-migrazzjoni. Huma qed jaħdmu dejjem iżjed f’kontest pluralistiku: f’komunjoni mal-Isqfijiet tagħhom, imnebbħa mill-Maġisteru tal-Knisja. Jiena nistedinhom biex ifittxu modi ta’ qsim fratern u xandir rispettuż, b’tali mod li jirbħu fuq l-oppożizzjoni u n-nazzjonaliżmu. Min-naħa tagħhom, il-Knejjes fil-postijiet minn fejn ikunu ġejjin in-nies, dawk tat-transitu u dawk li jkunu qed jilqgħu l-mewġiet tal-migranti għandhom isibu mezzi kif isaħħu l-koperazzjoni tagħhom għall-ġid kemm ta’ dawk li jitilqu kif ukoll dawk li jaslu u, fi kwalunkwe każ, ta’ dawk li, fil-vjaġġ tagħhom, ikollhom bżonn jiltaqgħu mal-wiċċ ħanin ta’ Kristu fil-merħba li tingħata lill-proxxmu.
Biex jinkiseb servizz pastorali ta’ komunjoni sħiħ, jista’ jkun siewi li jiġu aġġornati l-istrutturi tradizzjonali tal-kura tal-migranti u r-refuġjati, billi magħhom jitqegħdu mudelli li jwieġbu aħjar għas-sitwazzjonijiet il-ġodda li fihom isseħħ interazzjoni bejn nies u kulturi differenti.
Dawk li jfittxu l-asil
Dawk li jfittxu asil, li jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u sitwazzjonijiet li jqegħdulhom ħajjithom f’riskju, ikollhom bżonn li aħna nifhmuhom u nilqgħuhom, li jsibu rispett għad-dinjità u d-drittijiet umani tagħhom, kif ukoll għarfien ta’ dmirijiethom.
It-tbatijiet tagħhom jitolbu li l-istati individwali u l-komunità internazzjonali jadottaw attitudnijiet ta’ aċċettazzjoni reċiproka, li jintrebaħ il-biża’ u li jiġu evitati forom ta’ diskriminazzjoni, u li jittieħdu passi għal solidarjetà konkreta nkluż bi strutturi xierqa ta’ ospitalità u programmi biex dawn in-nies isibu fejn ikunu jistgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.
Dan kollu jsejjaħ għal għajnuna mutwa bejn ir-reġjuni li qed ibatu u dawk li, għal diversi snin diġà aċċettaw numru kbir ta’ nies li jkunu qed jaħarbu, kif ukoll bħala qsim akbar tar-responsabbiltajiet fost l-Istati.
L-istampa u l-media l-oħrajn għandhom ir-rwol importanti li jwasslu tagħrif korrett, oġġettiv u onest dwar il-qagħda ta’ dawk li jkunu ġew sfurzati jitilqu minn arthom u l-għeżież tagħhom u li jkunu jridu jibdew jibnu ħajja ġdida.
Il-komunitajiet Insara għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom billi jakkumpanjawhom bit-talb, is-solidarjetà u l-imħabba Nisranija, billi jħabirku biex jissaħħaħ dak li jagħni l-bnedmin b’mod reċiproku, kif ukoll billi jaħdmu għal ippjanar politiku, ekonomiku u soċjali ġdid li jmexxi ’l quddiem ir-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna umana, il-ħarsien tal-familja, l-aċċess għal għejxien dinjituż, għax-xogħol u għall-kura.
Is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-lajċi, u fuq kollox iż-żgħażagħ għandhom ikunu sensittivi billi joffru appoġġ lil dawk il-ħafna minn ħuthom li wara li jkunu ħarbu mill-vjolenza, ikollhom jiffaċċjaw stili ġodda ta’ ħajja u diffikultajiet ta’ integrazzjoni.
It-tħabbir tas-salvazzjoni f’Ġesù Kristu jkun għajn ta’ serħan, tama u “ferħ sħiħ” (cf. Jn 15:11).
Fl-aħħar, nixtieq insemmi l-qagħda ta’ dawk l-istudenti numerużi internazzjonali li qed iħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ integrazzjoni, diffikultajiet burokratiċi, qtigħ il-qalb fit-tiftix ta’ post fejn joqogħdu u strutturi li jilqgħuhom. Il-komunitajiet Insara għandhom ikunu sensittivi b’mod speċjali dwar dawk il-ħafna żgħażagħ li, eżattament minħabba żgħożithom, barra milli jikbru kulturalment ikollhom bżonn punti ta’ riferenza, u li f’qalbhom ikollhom għatx profond għall-verità u x-xewqa li jiltaqgħu ma’ Alla.
L-universitajiet ta’ ispirazzjoni Nisranija għandhom ikunu, b’mod speċjali, postijiet ta’ xiehda u tat-tmexxija tal-evanġelizazzjoni ġdida, impenjati serjament biex fil-qasam akkademiku jagħtu kontribut għal progress soċjali, kulturali u uman. Huma għandhom ukoll imexxu ’l quddiem id-djalogu inter-kulturali u jtejbu l-kontribut li jistgħu jagħtu l-istudenti internazzjonali. Jekk dawn l-istudenti jiltaqgħu ma’ xiehda awtentiċi tal-Evanġelu u tal-ħajja Nisranija, dan jinkuraġġihom biex isiru aġenti tal-evanġelizazzjoni l-ġdida.
Għeżież ħbieb, ejjew insejħu l-interċessjoni ta’ Marija, “Il-Madonna tat-Triq”, sabiex l-istqarrija ferrieħa tas-salvazzjoni f’Ġesù Kristu ġġib it-tama fi qlub dawk mexjin fit-toroq tad-dinja. Nassigura lil kull wieħed u lil kulħadd mit-talb tiegħi, waqt li nagħti wkoll il-Barka Appostolika tiegħi.
BENEDICTUS PP. XVI