• Knisja bla fruntieri, Omm ta’ kulħadd

     
    Għeżież Ħuti,
     
    Ġesù huwa “l-aqwa evanġelizzatur u l-Vanġelu nnifsu” (Evangelii Gaudium, 209). Is-sejħa ħerqana tiegħu, partikolarment għall-iktar vulnerabbli u emarġinati, tistedinna lkoll nieħdu ħsieb l-iżjed dgħajfin u nagħrfu l-wiċċ sofferenti tiegħu, fuq kollox fil-vittmi tal-forom ġodda tal-faqar u tal-iskjavitù. Il-Mulej jgħid: “Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni” (Mt 25:35-36). Il-missjoni tal-Knisja, hija stess pellegrina fid-dinja u Omm kulħadd, għalhekk hija li tħobb lil Ġesὺ Kristu, tadurah u tħobbu, partikolarment fl-iktar nies fqar u abbandunati; li fosthom hemm żgur il-migranti u r-refuġjati, li jkunu qed jippruvaw jaħarbu kundizzjonijiet diffiċli u perikli ta’ kull xeħta. Għal din ir-raġuni, it-tema għall-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati ta’ din is-sena hija: Knisja bla fruntieri: Omm ta’ kulħadd.
     
    Il-Knisja tiftaħ dirgħajha biex tilqa’ lin-nies kollha, mingħajr distinzjoni jew limiti, ħalli xxandar li “Alla huwa mħabba” (1 Ġw4:8, 16). Wara l-mewt u l-qawmien tiegħu, Ġesὺ fada f’idejn l-appostli l-missjoni li jkunu x-xiehda tiegħu u jxandru l-Vanġelu tal-ferħ u l-maħfra. Dakinhar ta’ Pentekoste, id-dixxipli ħarġu mill-Kamra ta’ Fuq bil-kuraġġ u l-entusjażmu; il-qawwa tal-Ispirtu Qaddis rebħet fuq id-dubji u l-inċertezzi tagħhom u għenet lil kulħadd jifhem il-predikazzjoni tad-dixxipli f’ilsienu stess. Mill-bidu tagħha, il-Knisja kienet omm b’qalb miftuħa għad-dinja kollha, u kienet bla fruntieri. Din il-missjoni kompliet għal elfejn sena. Sa mill-ewwel sekli, ix-xandir missjunarju tkellem dwar il-maternità universali tal-Knisja, xandir li mbagħad ġie żviluppat fil-kitbiet tal-Missirijiet u mħaddan mill-Konċilju Vatikan it-Tieni.  Il-Padri Konċiljari tkellmu dwar Ecclesia Mater biex jispjegaw in-natura tal-Knisja. Hija nfatti tiġġenera l-ulied u “tħaddanhom bħala wliedha b’imħabba ħerqana” (Lumen Gentium, 14).
     
    Il-Knisja bla fruntieri, Omm ta’ kulħadd, ixxerred fid-dinja l-kultura tal-aċċettazzjoni u tas-solidarjetà, li bihom ħadd ma jintqies bħala inutli, barra minn postu jew ta’ min iwarrbu. Meta tgħix tassew din il-maternità, il-komunità Nisranija tmantni, tiggwida u turi t-triq, takkumpanja lil kulħadd bis-sabar, u toqrob lejn in-nies bit-talb u bl-opri tal-ħniena.
     
    Illum dan kollu jikseb sinifikat partikolari. Fil-fatt, f’epoka ta’ movimenti hekk vasti ta’ migrazzjoni, numri kbar ta’ nies qed jitilqu mill-post ta’ oriġini tagħhom, b’bagalja mimlija xewqat u biżgħat, biex jibdew vjaġġ ta’ tama u riskjuż fi tfittxija għal kundizzjonijiet ta’ għajxien iktar umani. Spiss, madankollu, dan il-moviment migratorju jnissel s-suspett u l-ostilità, anke f’komunitajiet ekkleżjali, sa minn qabel ma tkun magħrufa l-ġrajja tal-ħajja ta’ dawk involuti, jew l-istejjer ta’ persekuzzjoni u ta’ miżerja tagħhom. F’każi bħal dawn, is-suspetti u l-preġudizzji jkunu f’konflitt mal-kmandament bibliku li wieħed għandu jilqa’ lill-barrani fil-bżonn b’rispett u solidarjetà.

    Minn banda, fil-qalba tal-kuxjenza tagħna nħossu s-sejħa li nmissu l-miżerja umana u li nqegħdu fil-prattika l-kmandament tal-imħabba li ħallielna Ġesὺ meta identifika ruħu mal-barrani, ma’ min ikun qed ibati, mal-vittmi innoċenti kollha tal-vjolenza u tal-isfruttament. Mill-banda l-oħra, però, minħabba d-dgħufija tan-natura tagħna, “ikollna t-tentazzjoni li nkunu tip ta’ Nsara li jżommu distanza prudenti mill-pjagi tal-Mulej” (Evangelii Gaudium, 270).
     
    Il-kuraġġ li jiġi mill-fidi, mit-tama u mill-imħabba jgħinna nnaqqsu d-distanzi li jisseparawna mill-miżerja umani. Ġesὺ Kristu jibqa’ dejjem jistenna li jkun magħruf fil-migranti u r-refuġjati, fin-nies maqlugħin minn għeruqhom u l-eżiljati, u permezz tagħhom isejħilna biex naqsmu r-riżorsi tagħna, u xi drabi niċċaħdu wkoll minn xi ħaga mill-ġid li jkollna. Dan fakkarulna l-Papa Pawlu VI, meta qal li “l-iktar fortunati għandhom jirrinunzjaw għal xi wħud minn drittijiethom biex il-ġid tagħhom iqegħduh b’ġenerożità akbar għas-servizz tal-oħrajn” (Octogesima Adveniens, 23).
     
    F’dan il-kontest, il-karattru multikulturali tas-soċjetà tal-lum jinkuraġġixxi l-Knisja tidħol għal impenji ġodda ta’ solidarjetà, komunjoni u evanġelizzazzjoni. Il-movimenti migratorji, infatti, isejħulna biex napprofondixxu u nsaħħu l-valuri meħtieġa biex tiġi garanita koeżistenza paċifika bejn in-nies u l-kulturi. Mhux biżżejjed li sempliċement isseħħ tolleranza li tirrispetta d-diversità u li jkun hemm modi ta’ qsim tal-ġid bejn nies minn sfond u kulturi differenti. Dan huwa sewwasew fejn il-Knisja tikkontribwixxi biex jintrebħu l-fruntieri u tinkuraġġixxi “il-mixja ’l hemm minn attitudnijiet ta’ difiża u biżgħa, indifferenza u marġinazzjoni…lejn attitudnijiet mibnijin fuq kultura ta’ inkontru, l-unika kultura li hija kapaċi tibni dinja fraterna aħjar u iktar ġusta” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati 2014).
     
    Il-movimenti migratorji, madankollu, qed iseħħu fuq skala tali li hija biss kooperazzjoni sistematika u attiva bejn l-Istati u l-organizzazzjonijiet internazzjonali li tista’ tirregola u timmaniġġja movimenti bħal dawn b’mod effettiv. Dan għaliex il-migrazzjoni teffettwa lil kulħadd, mhux biss minħabba d-daqs tal-fenomenu, imma wkoll minħabba “l-problemi soċjali, ekonomiċi, politiċi, kulturali u reliġjużi li tqanqal, u l-isfidi drammatiċi li tqiegħed quddiem in-nazzjonijiet u l-komunità internazzjonali” (Caritas in Veritate, 62).
     
    Fl-aġenda internazzjonali, spiss ikun hemm dibattiti dwar l-opportunitajiet, il-metodi u n-normi meħtieġa biex ikun hemm tweġiba għall-fenomenu tal-migrazzjoni. Jeżistu aġenziji u organizzazzjonijiet fil-livell internazzjonali, nazzjonali u lokali, li jaħdmu b’ħeġġa biex jaqdu lil dawk li jkunu qed ifittxu ħajja aħjar bil-migrazzjoni. Madankollu, minkejja l-isforzi ġenerużi u ta’ min ifaħħarhom tagħhom, hija meħtieġa azzjoni iktar deċiżiva u kostruttiva, waħda li tkun  tistrieħ fuq xibka universali ta’ kooperazzjoni, mibnija fuq il-ħarsien tad-dinjità u ċ-ċentralità ta’ kull persuna umana. Dan iwassal għal effettività akbar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-mistħija u kriminali tal-bnedmin, it-tkasbir tad-drittijiet fundamentali, u l-forom kollha ta’ vjolenza, oppressjoni u skjavitὺ. Il-ħidma flimkien, iżda, titlob reċiproċità, sinerġija, disponibilità u fiduċja, fl-għarfien li “l-ebda pajjiż ma jista’ jiffaċċja waħdu d-diffikultajiet assoċjati ma’ dan il-fenomenu, li issa huwa tant mifrux li jeffettwa lil kull kontinent fil-moviment doppju ta’ migrazzjoni u emigrazzjoni (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Migrazzjoni u r-Refuġjati 2014).

    It-tweġiba meħtieġa għall-globalizzazzjoni tal-migrazzjoni hija l-globalizzazzjoni tal-imħabba u l-kooperazzjoni, b’tali mod li l-kundizzjonijiet tal-migranti jsiru iktar umani. Fl-istess ħin, hemm bżonn li jiġu msaħħa l-isforzi biex iseħħu l-kundizzjonijiet li jiggarantixxu t-tnaqqis progressiv taċ-ċirkustanzi li jġiegħlu poplu sħaħ jitilqu minn art twelidhom minħabba l-gwerra u l-għaks, li spiss waħda tkun il-kaġun tal-oħra.
     
    Is-solidarjetà mal-migranti u r-refuġjati għandha tkun imsieħba mill-kuraġġ u l-kreattività meħtieġa biex jiġi żviluppat, mad-dinja kollha, ordni finanzjarju u ekonomiku iktar ġust u ekwu, kif ukoll impenn akbar għall-paċi, li hija l-kundizzjoni indispensabbli għal progress awtentiku.
     
    Għeżież migranti u refuġjati! Intom għandkom post speċjali f’qalb il-Knisja, u tgħinuha tkabbar qalbha u turi l-maternità tagħha lejn il-familja kollha umana. Titilfux l-fidi u t-tama tagħkom!  Ejjew naħsbu fil-Familja Mqaddsa waqt il-ħarba lejn l-Eġittu: Hekk kif fil-qalb materna tal-Imqaddsa Verġni Marija u fil-qalb tajba ta’ San Ġużepp baqgħet ħajja l-fiduċja li Alla qatt ma kien se jabbandunahom, jalla fikom ukoll ma tonqos qatt it-tama tagħkom fil-Mulej. Inqegħdkom fil-ħarsien tagħhom u nagħtikom ilkoll il-Barka Appostolika tiegħi.
     
    FRANĠISKU