•  Mhux aktar Ilsira iżda Aħwa

    1. Fil-bidu ta’ sena ġdida li nilqugħa bħala rigal ta’ Alla lill-umanità, nixtieq indur lejn kull raġel u mara, lejn kull poplu u nazzjon tad-dinja, lejn il-Kapijiet tal-istati u tal-Gvernijiet u lejn kull min hu responsabbli fir-reliġjonijiet differenti, biex inwassal l-awguri tiegħi ta’ paċi, li magħhom ngħaqqad it-talb tiegħi biex jieqfu l-gwerrer, il-kunflitti u tant tbatija pprovokati kemm minn id il-bniedem u wkoll minn epidemiji qodma u ġodda u bħala effetti qerrieda taddiżastri naturali. Nitlob b’mod partikolari sabiex, bi tweġiba għall-vokazzjoni komuni tagħna li nikkollaboraw ma’ Alla, nagħrfu nirreżistu t-tentazzjoni li nġibu ruħna b’mod li ma jixraqx lill-umanità tagħna. Fil-messaġġ tal-1 ta’ Jannar li għadda kont osservajt li flimkien maxxewqa ta’ ħajja mimlija……. hemm aspirazzjoni għall-fraternità li xejn ma jista’ joħnoqha, li timbotta lejn l-għaqda mal-oħrajn li fihom ma narawx għedewwa jew konkorrenti imma aħwa li rridu nilqgħu b’idejna miftuħa».(1) Minħabba li l-bniedem hu ħolqien razzjonali ddestinat li jilħaq il-milja tiegħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet interpersonali mnebbħin mill-ġustizzja u lkarità, huwa fundametnali illi l-iżvilupp tiegħu jikseb l-għarfien u r-rispett lejn id-dinjità, illibertà u l-awtonomija tiegħu. Bi sfortuna, il-pjaga li qed tibker dejjem tal-isfruttament talbniedem min-naħa ta’ bnedmin oħra, tiftaħ ġerħa gravi fil-ħajja tal-komunjoni u filvokazzjoni tan-nisġa tar-rispett, tal-ġustizzja u tal-karità tar-relazzjonijiet interpersonali. Dan il-fenomenu abominevoli, li jwassal biex id-drittijiet tal-ieħor ikunu kalpestati u biex il-libertà u d-dinjità tiegħu jinġiebu fix-xejn, jidher f’bosta forom li nixtieq nirrifletti dwarhom fil-qosor biex, fid-dawl tal-Kelma t’Alla, nkunu nistgħu nikkunsidraw lill-bnedmin kollha “mhux aktar bħala lsira, imma bħala aħwa”.

    Is-smigħ tal-proġett ta’ Alla għall-umanità

    2. It-tema li għażilt għal dan il-messaġġ hi mnebbħa mill-ittra ta’ San Pawl lil Filemon, li fiha l-Appostlu jitlob lill-kollaboratur tiegħu biex jilqa’ lil Oneżimu, li qabel kien ilsir tal-istess Filemon, u li issa kien sar Nisrani, u għalhekk, skont Pawlu, kien jimmeritah li Filemon iqisu bħala ħuħ. L-appostlu tal-Ġnus jikteb hekk: «Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti terġa’ tiksbu lura għal dejjem, mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż» (Filemon 15-16). Oneżimu sar “ħu” Filemon għax sar Nisrani. B’hekk il-konverżjoni lejn Kristu, il-bidu ta’ ħajja ta’ dixxipulat fi Kristu, tfisser twelid ġdid (cfr 2 Kor 5,17; 1Pietru 113) li jiġġenera mill-ġdid il-fraternità bħala rabta fundamentali tal-ħajja tal-familja li hi l-bażi tal-ħajja soċjali. 

    Fil-Ktieb tal-Ġenesi (cfr 1,27-28) naqraw li Alla ħalaq lill-bniedem raġel u mara u berikom biex jikbru u jimmoltiplikaw: Hu għamel lil Adam u lil Eva ġenituri, li, billi qiegħdu fis-seħħ il-barka t’Alla li jkunu għammiela u jimmoltiplikaw, iġġeneraw l-ewwel aħwa, Kajin u Abel. Kajin u Abel huma aħwa għax imnisslin mill-istess ġuf, u għalhekk għandhom l-istess bidu, natura u dinjità tal-ġenituri tagħhom maħluqin xbieha t’Alla. 

    Imma l-fraternità tesprimi wkoll il-moltepliċitajiet u d-differenzi li jeżistu bejn l-aħwa, minkejja t-twelid li jorbothom flimkien bl-istess natura u dinjità. Minħabba li lkoll aħwa, għalhekk, il-bnedmin kollha min-natura tagħhom, jirrelataw bejniethom, differenti, imma ġejjin mill-istess oriġini, natura u dinjità. U bis-saħħa ta’ dan, il-fraternità hija x-xibka tar-relazzjonijiet fudnamentali li tibni l-familja umana maħluqa minn Alla. 

    Sfortunatament, bejn l-ewwel ħolqien irrakkuntat fil-Ktieb tal-Ġenesi u t-twelid ġdid fi Kristu, li lil dawk li jemmnu jagħmilhom aħwa «ħalli dan ikun il-kbir fost l-aħwa» (Rumani 8,29), hemm ir-realtà negattiva tad-dnub, li bosta drabi jinterrompi l-fraternità tal-kreazzjoni u ‘l ħin kollu jisfigura s-sbuħija u n-nobiltà li nkunu aħwa membri tal-istess familja umana. Mhux biss Kajin ma jissaportix lil ħuh Abel, imma għall-għira joqtlu u jikkommetti l-ewwel fratriċidju. «Il-qtil ta’ Abel hu xhieda traġika tar-rfjut radikali tal-vokazzjoni li nkunu aħwa. L-istorja tagħhom (cfr Ġenesi 4,1-16) tikxef il-biċċa xogħol diffiċli li l-bnedmin kollha huma msejħin iwettqu: dik li jgħixu gl-għaqda u jieħdu ħsieb xulxin». (2) 

    Dan narawh ukoll fl-istorja tal-familja ta’ Noè u wliedu (cfr Ġenesi 9,18-27), il-kattiverja ta’ Cam lejn missieru Noè li twassal lil dan biex jisħet lil ibnu irriverenti u jbierek lill-oħrajn, dawk li kienu tawh ġieħ, biex b’hekk inbeda n-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn aħwa mweldin mill-istess ġuf. Fir-rakkont tal-oriġini tal-familja umana, id-dnub li biegħed lill-bniedem minn Alla, mill-figura tal-Missier u l-aħwa bejniethom, isir espressjonni tar-rifjut tal-komunjoni u jissarraf f’kultura ta’ skjavitù (cfr Ġenesi 9,35-27), bil-konsegwenzi li dan iġib miegħu u li jibqgħu jintirtu minn ġenerazzjoni għal oħra: rifjut tal-ieħor, trattament ħażin tal-3 persuni, vjolazzjoni tad-dinjità u tad-drittijiet fundamentali, id-diżugwaljanzi istituzzjonaliżżati. Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ konverżjoni kontinwa tal-Allejanza, mwettqa mis-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq is-Salib, bil-fiduċja li «fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.. permezz ta’ Ġesù Kristu (Rumani 5,20.21). Huwa, l-Iben il-Maħbub (cfr Mattew 3,17), ġie biex jurina l-imħabba tal-Missier lejn l-umanità. Kull min jisma’ l-Evanġelju u jwieġeb għas-sejħa tal-konverżjoni, għal Ġesù jsir «ħija, oħti u ommi» (Mattew 12,50) u għalhekk iben adottiv ta’ Missieru (cfr Efesin 1,5). 

    Però ma nsirux Insara, ulied il-Missier fi Kristu, bis-saħħa ta’ dispożizzjoni divina ta’ awtorità, mingħajr it-tħaddim tal-libertà personali, jiġifieri mingħajr ma nikkonvertu lejn Kristu liberament. Biex inkunu ulied Alla jeħtieġ l-ewwel il-konverżjoni: «Ikkonvertu u kull wieħed u waħda minnkom jitgħammed f’isem Ġesù Kristu, għall-maħfra ta’ dnubietkom biex tirċievu d-don tal-ispirtu s-Santu (Atti 2,38). Dawk kollha li wieġbu bil-fidi u b’ħajjithom għal din il-predikazzjoni ta’ Pietru, daħlu jieħdu sehem mill-fraternità tal-ewwel komunità Nisranija (cfr Pietru 2,17; Atti 1,15; 6,3; 15.23): Lhud u Griegi, skjavi u bnedmin ħielsa (cfr Korintin 12,13; Galatin 3,28), li d-diversità tal-oriġini u tal-istat soċjali tagħhom ma tnaqqasx id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda u lanqas ma teskludi lil ħadd milli jkun jifforma parti mill-poplu t’Alla. Għalhekk, il-komunità Nisranija hija l-post fejn hemm il-komunjoni mgħejxa bl-imħabba bejn l-aħwa (cfr Rumani 12,10; Tessalonikin 4,9; Lhud 13,1; 1 Pietru 1,22; 2 Pietru 1,7). 

    Dan kollu juri kif l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu, li permezz tiegħu Alla «jġedded kollox» (Aposkalissi 21,5) hi kapaċi tirgħan ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-bnedmin, inkluża dik bejn ilsir u sidu, u turi biċ-ċar li bejniethom hemm ħaġa komuni: il-filjazzjoni adottiva u r-rabta tal-fraternità fi Kristu. Ġesù stess jgħid lid-dixxipli tiegħu: «Ma nsejħilkomx aktar qaddejja għax il-qaddej ma jafx x’inhu dak li jagħmel sidu: imma sejjaħtilkom ħbieb għax dak kollu li smajt mingħand Missieri għarraftu lilkom» (Ġwanni 15,15). 

    Il-bosta faċċati tal-iskjavitù ilbieraħ u llum

    3. Sa minn żmien twil ilu, is-soċjetajiet umani differenti għexu mal-fenomenu fejn bniedem jirrendi lsir lil bniedem ieħor. Kien hemm epoki fl-istorja tal-umanità li fihom l-iskjavitù kienet istituzzjoni ġeneralment aċċettata u regolata mil-liġijiet. Dan kien jisatbbilixxi min kien jitwieled ħieles u min, minflok, jitwieled skjav, minbarra li persuna mwielda ħielsa, kienet tkun taf taħt liema kundizjonijiet setgħet titlef il-libertà tagħha jew terġa’ takkwistaha 4 lura. Fi kliem ieħor, l-istess liġi kienet taċċetta li xi persuni setgħu jew kellhom bilfors ikunu meqjusin propjetà ta’ persuna oħra li setgħet tiddisponi minnhom liberament: l-iskjav seta’ jkun mibjugħ jew mixtri, mogħti jew miksub qiesu kien biċċa merċa. 

    Illum, minħabba żvilupp pożittiv tal-kuxjenza tal-umanità, l-iskjavitù, reat ta’ offiża lejn l-umanità, ġie formalment abolit fid-dinja. Id-dritt li persuna ma tinżammx fi stat ta’ skjavitù jew servitù ingħata għarfien fid-dritt internazzjonali bħala norma li ma tistax tinbidel. 

    Madankollu, minkejja li l-komunità internazzjonali għamlet bosta ftehim bl-għan li l-iskjavitù jispiċċa fil-forom kollha tiegħu u minkejja li daħħlet fis-seħħ strateġiji differenti biex tiġġieled lil dan il-fenomenu, xorta waħda llum, miljuni ta’ bnedmin – tfal, irġiel u nisa ta’ kull età – titteħdilhom il-libertà tagħhom u jkunu mġegħelin jgħixu f’kundizzjonijiet li jixbħu ħafna lil dawk tal-iskjavitù. 

    Qed naħseb f’tant ħaddiema rġiel u nisa, anki minuri, li jaħdmu f’diversi setturi, fuq livell formali jew informali, ibda’ mix-xogħol tad-dar u kompli fix-xogħol tal-biedja, minn dak talindustrija tal-manifattura għal dik tal-minjieri, kemm fil-pajjiżi fejn il-leġiżlazzjoni dwar ix-xogħol ma taqbilx man-normi u l-istandards minimi internazzjonali, kif ukoll, minkejja li illegalment, f’dawk il-pajjiżi fejn il-liġijiet huma ta’ ħarsien għall-ħaddiem. 

    Qed naħseb ukoll fil-kundizzjoni ta’ ħajjet tant migranti li waqt it-traġitt drammatiku li jagħmlu, jsofru l-ġuħ, titteħdilhom il-libertà, jinsterqilhom ġidhom u jisfaw vittmi ta’ abbużi fiżiċi u sesswali. Naħseb f’dawk fosthom li, wara li jaslu fid-destinazzjoni wara vjaġġ  ebes għall-aħħar mimli biża’ u inċertezzi, jinżammu f’kundizzjonijiet li xi drabi huma inumani. Naħseb f’dawk minnhom li diversi ċirkostanzi soċjali, politiċi u ekonomiċi jimbuttawhom biex isiru klandestini u f’dawk li, biex jibqgħu fil-qafas tal-legalità, jaċċettaw li jgħixu u jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ bla ġieħ, speċjalemnt meta l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali joħolqu jew jaċċettaw dipendenza struttruali tal-ħaddiem migrant rigward min qed iħaddimhom, per eżempju meta ssir kundizzjoni li l-qagħda fil-pajjiż tkun legali jekk tkun marbuta ma’  kuntratt tax-xogħol… Iva, qed nifhem “ix-xogħol fl-iskjavitù”. Qed naħseb f’dawk il-persuni li jkunu mġegħelin isiru prostituti, li fosthom hemm ħafna minuri, u għall-iskjavi sesswali rġiel u nisa, fin-nisa li jkunu mġegħelin jiżżewġu bilfors, u dawk li jinbiegħu bil-wegħda taż-żwieġ jew dawk li jitħallew bħala wirt lil xi membru tal-5 familja meta jmutilhom ir-raġel tagħhom, mingħajr dawn ma jkollhom id-dritt li jagħtu jew jiċħdu l-kunsens tagħhom.

    Ma nistax ma naħsibx f’dawk, minuri u adulti, li jisfaw oġġett tat-traffikar u oġġett għall-bejgħ biex jitteħdulhom l-organi, dawk li jkunu mġegħelin bilfors isiru suldati, jew dawk li jintużaw biex jittalbu, biex jiddaħħlu f’attivitajiet illegali bħalma huma l-produzzjoni u lbejgħ tad-drogi jew fil-kummerċ imdellel ta’ adozzjonijiet internazzjonali. Naħseb ukoll fl-aħħar, f’dawk kollha li jkunu maħtufin u miżmumin priġunieri minn gruppi terroristiċi li jinqdew bihom għall-iskopijiet tagħhom u jużawhom bħala ġellieda jew, fuq kollox, fejn jidħlu tfajliet u nisa, bħala skjavi sesswali. Tant minnhm jisparixxu, uħud mibjugħin aktar minn darba, itturmentati, immutilati jew maqtulin. Xi raġunijiet profondi tal-iskjavitù 4. Illum, bħal dari, fl-għeruq tal-iskjavitù hemm il-kunċett li l-persuna umana taċċetta lpossibiltà li tittratta lill-persuna l-oħra bħala oġġett. Meta d-dnub jherri l-qalb tal-bniedem u jbegħedu mill-Ħallieq tiegħu u minn ħutu l-bnedmin l-oħra bħalu, dawn il-bnedmin ma jitqisux aktar bħala esseri bl-istess dinjità, bħala aħwa fl-umanità, imma jitqisu bħala oġġetti. Il-persuna umana maħluqa xbieha t’Alla, bil-forza, bl-ingann jew bil-kostrizzjoni fiżika jew psikoloġika titteħdilha l-libertà, issir merċa u tispiċċa propjetà ta’ xi ħadd: tiġi trattata bħala mezz u mhux bħala skop.

    Minbarra din ir-raġuni ontoloġika – ir-rifjut tal-umanità tal-ieħor – hemm kawżi oħrajn li jgħinuna nifhmu l-għamliet tal-iskjavitù kontemporanji. Fost dawn jiġuni l-ewwel f’moħħi l-faqar, is-sottożvilupp u l-esklużjoni, speċjalment meta dawn hemm marbut magħhom innuqqas ta’ aċċess għall-edukazzjoni jew ikunu marbutin mar-realtà tan-nuqqas jew l-inieżistenza ta’ opportunitajiet tax-xogħol. Mhux rari li l-vittmi tat-traffikar u tal-iskjavitù huma persuni li jfittxu mod kif joħorġu mill-kundizzjoni tal-faqar u minflok, jaqgħu f’idejn xbieki ta’ kriminali li jikkontrollaw it-traffikar tal-persuni umani. Dawn l-organiżżazzjonijiet jużaw b’ħila kbira l-meżżi moderni tal-informatika biex jistadu liż-żgħar u liż-żgħażagħ minn kull rokna tad-dinja.

    Anki l-korruzzjoni ta’ min hu dispost jagħmel kollox biex jistgħana, trid tiżdied mal-kawżi tal-iskjavitù. Infatti l-iskjavitù u t-traffikar tal-persuni umani jeħtieġu kompliċità li spiss 6 tgħaddi minn idejn is-sensala, minn idejn xi membri tal-forzi tal-ordni jew minn idejn persuni tal-istat jew ta’ istituzzjonijiet diversi, ċivili u militari. «Dan jiġri meta fil-qalba ta’ sistema ekonomika jkun hemm il-flus u mhux il-bniedem, il-persuna umana. Iva, fiċ-ċentru ta’ kull sistema soċjali u ekonomika hemm bżonn li jkun hemm il-persuna, xbieha t’Alla, maħluqa biex tiddomina l-univers. Meta titwarrab il-persuna u jidħol l-alla flus, ir-riżultat ikun li lvaluri jinqalbu ta’ taħt fuq».

    (5) Kawżi oħra tal-iskjavitù huma l-kunflitti armati, il-vjolenza, il-kriminalità u t-terroriżmu. Għadd kbir ta’ persuni jinħatfu biex jinbiegħu jew inkella biex jinkitbu bħala ġellieda, inkella għall-isfruttament sesswali, filwaqt li oħrajn isibu ruħhom f’pożizzjoni li jkollhom jemigraw u jabbandunaw kull ma għandhom: art, dar, propjetà u anki lill-familjari tagħhom. Dawn tal-aħħar huma mbuttati mix-xewqa li jsibu alternattiva għall-kundizzjonijiet terribbli li jgħixu fihom u biex jagħmlu dan, iqiegħdu f’riskju d-dinjità u s-sopravivenza tagħhom infushom u b’hekk jirriskjaw li jinqabdu f’dak iċ-ċirku vizzjuż li jirrendihom vittmi tal-miżerja, talkorruzzjoni u tal-konsegwenzi distruttivi li jsibu ruħhom fihom.
    Impenn komuni biex tkun megħluba l-iskjavitù 5. Spiss, meta nosservaw il-fenomenu tan-negożjar tal-persuni, tat-traffiku illegali talmigranti u metodi oħra magħrufa u mhumiex, tal-iskjavità, nieħdu l-impressjoni li kollox qed isir fost l-indifferenza ġenerali.

    Filwaqt li, sfortunatament, dan hu minnu, irrid infakkar il-ħidma enormi li ssir fis-satra minn bosta kongregazzjonijiet reliġjużi, speċjalment femminili, li ilha għaddejja snin twal, favur dawn il-vittmi. Dawn l-istituzzjonijiet jaħdmu f’kuntesti diffiċli, kultant dominati millvjolenza, biex jippruvaw ikissru l-ktajjen inviżibbli li jżommu lil dawn il-vittmi marbutin mat-traffikanti tagħhom u ma’ min jisfruttahom; ktajjen li l-ħoloq tagħhom huma mekkaniżmi psikoloġiċi sottili li jirrendu lill-vittmi dipendenti mill-argużini tagħhom birrikatt u t-theddid lilhom stess u lill-għeżież tagħhom, imma wkoll b’meżżi materjali bħalma
    huma l-konfiska tad-dokumenti tal-identità u l-vjolenza fiżika. Ix-xogħol talkongregazzjonijiet reliġjużi jinqasam prinċipalment fi tlett oqsma: l-għajnuna lill-vittmi, irriabilitazzjoni tagħhom mill-aspett psikoloġiku u ta’ formazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetajiet li jilqugħhom jew dawk tal-oriġini tagħhom.7

    Din il-ħidma immensa, li titlob kuraġġ, paċenzja u perseveranza, għandha tkun apprezzata mill-Knisja kollha u mis-soċjetà kollha. Imma, naturalment, dan waħdu mhux biżżejjed biex iwaqqaf din il-pjaga tal-isfruttament tal-persuna umana. Meħtieġ ukoll impenn fuq tlett livelli: dak istituzzjonali tal-prevenzjoni, tal-protezzjoni tal-vittmi u ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra min hu responsabbli. Minbarra dan, bħalma l-organiżżazzjonijiet kriminali jużaw xibka globali biex jilħqu l-għanijiet tagħhom, bl-istess mod il-ħidma biex dan il-fenomenu jkun megħlub titlob sforz komuni u daqstant globali min-naħa ta’ kull min fis-soċjetà għandu kontribut x’jagħti.

    L-Istati għandhom jaċċertaw ruħhom li l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-migrazzjoni, dwar ix-xogħol, l-adozzjoni, iċ-ċaqliq minn post għal ieħor tal-impriżi u l-kummerċjaliżżazzjoni tal-prodotti li jsiru bl-isfruttament tax-xogħol, tkun tirrispetta realment id-dinjità tal-persuna. Hemm ħtieġa ta’ liġijiet ġusti li jkollhom fiċ-ċentru tagħhom lill-persuna umana, li jiddefendu d-drittijiet fundamentali tagħha u jrodduhomlha lura jekk tkun tilfithom, li jiirriabiltaw lill-vittmi u jiżguraw li dawn ma jibqgħux fil-periklu, minbarra t-twaqqif ta’ mekkaniżmi effikaċi ta’ kontroll biex dawn il-liġijiet ikunu applikati kif suppost u ma jħallux lok għall-korruzzjoni u l-impunità. Hemm ħtieġa wkoll li jingħata għarfien lir-rwol tan-nisa
    fis-soċjetà b’ħidma fil-qasam kulturali u tal-komunkazzjoni biex jintlaħqu dawn ir-riżultati.

    L-organiżżazzjonijiet inter-governattivi, konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, huma msejħin biex iqiegħdu fis-seħħ inizjattivi koordinati biex jiġġieldu x-xbieki trans-nazzjonali tal-kriminalità organiżżata li jmexxu t-tratta tal-persuni umani u t-traffiku illegali tal-migranti. Hi assolutament meħtieġa l-koperazzjoni internazzjonali fuq livelli differenti, jiġifieri li tinkludi kemm l-istituzzjonijiet nazzjonali kif ukoll dawk internazzjonali, u tinvolvi daqstant ieħor l-organiżżazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tai-sfera imprenditorjali. 

    L-impriżi (6), infatti, għandhom id-dmir li jiggarantixxu kundizzjonijiet tax-xogħol dinjitużi u pagi xierqa lill-impjegati tagħhom, imma jridu wkoll joqgħodu attenti li t-traffikar talpersuni u l-iskjavitù ma jkunux jiffurmaw parti mill-katina tad-distribuzzjoni. Mar-responsabbiltà soċjali tal-impriża tidħol ukoll ir-responsabbiltà soċjali tal-konsumantur. Infatti, kull persuna għadnha tifhem li « minbarra li hu att ekonomiku, ix-xiri, hu dejjem att morali ». (7) 8

    L-organiżżazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, min-naħa tagħhom, għandhom id-dmir li jissensibiliżżaw u jistimulaw ‘il-kuxjenzi dwar il-passi meħtieġa biex il-kultura taliskjaviżmu ssib opppożizzjoni u tkun imqaċċta. Dawn l-aħħar snin, is-Santa Sede, biex tilqa’ l-karba ta’ wġigħ tal-vittmi tat-tratta u l-leħen tal-kongregazzjonijiet reliġjużi li jgħinuhom fil-mixja lejn il-ħelsien, immoltiplikat l-appelli lill-komunità internazzjonali sabiex dawk kollha li għandhom xi setgħa jgħaqqdu flimkien lisforżi u jikkoperaw biex din il-pjaga tintemm. (8) Minbarra dan, ġew organiżżati xi laqgħat bl-iskop li dan il-fenomenu tat-tratta tal-persuni umani jingħata aktar għarfien u biex titħaffef il-kollaborazzjoni bejn min jista’ jgħin, fosthom esperti mill-qasam akkademiku u mill-organiżżazzjonijiet internazzjonali, forzi tal-ordni mid-diversi pajjiżi minn fejn jiġu, jgħaddu u jaslu l-lmigranti, u rappreżentanti tal-gruppi ekkleżjali impenjati biex jgħinu lill-vittmi. 

    Nawgura li dan l-impenn jibqa’ għaddej u jissaħħaħ fis-snin li ġejjin. Globaliżżazzjoni tal-fraternità, mhux skjavitù, mhux indifferenza 6. Fil-ħidma tagħha ta’ «tħabbir tal-verità ta’ Kristu fis-soċjetà» (9), il-Knisja hija mpenjata ‘l ħin kollu f’ħidma ta’ karità ibda mill-verità dwar il-bniedem. Hija għandha d-dmir li turi lil
    kulħadd it-triq lejn il-konverżjoni li ġġiegħel lil dak li jkun jibdel il-mod kif iħares lejn il-proxxmu, u fl-ieħor, hu min hu, jagħraf lil ħuh jew lil oħtu fl-umanità, jagħraf fih u fiha ddinjità intrinsika fil-verità u fil-libertà kif turina l-istorja ta’ Giuseppina Bakhita, il-qaddisa oriġinarja tar-reġjun ta’ Darfur, fis-Sudan, li kienet inħatfet mit-traffikanti tal-iskjavi u mibjugħha lil sidien feroċi minn mindu kellha disgħa snin, u li wara li għaddiet minn sitwazzjonijiet ta’ tbatija kbira, saret «bint Alla ħielsa» bis-saħħa ta’ fidi mgħejxa fil-konsagrazzjoni reliġjuża u l-qadi tal-oħrajn, speċjalment iż-żgħar u d-dgħajfa. Dil-qaddisa li
    għexet bejn id-XIX u l-XX seklu, illum ukoll hija xhud eżemplari tat-tama (10), għan-numru
    kbir ta’ vittmi tal-iskjavitù u tista’ tkun ta’ sostenn għal dawk kollha li jiddedikaw ruħhom
    għall-ġlieda kontra din il-pjaga fil-ġisem tal-umanità kontemporanja, pjaga fil-laħam ta’
    Kristu». (11)

    B’dil-perspettiva, nixtieq nistieden lil kulħadd, kull wieħed u waħda fir-rwol u fil-qafas tar-responsabbiltajiet partikolari li jġorr, biex jagħmlu ġesti ta’ fraternità fil-konfront ta’ dawk li jinsabu fl-istat tal-iskjavitù. Nistaqsu lilna nfusna, kemm bħala komunità u kemm individwalment, kif inħossuna meta fil-ħajja ta’ kuljum niltaqgħu jew inħabbtu wiċċna ma’ persuni li jistgħu jkunu vittmi tat-traffikar tal-persuni umani, jew meta jkollna nagħżlu jekk 9 nixtrux prodotti li raġjonevolment setgħu ġew manifatturati permezz tal-isfruttament ta’ persuni oħrajn. Uħud minna, minħabba l-indifferenza, jew minħabba d-distrazzjoni li jnisslu fina l-preokkupazzjonijiet tal-ġurnata, jew għal raġunijiet ekonomiċi, jagħlqu għajnejnhom. Iżda oħrajn, jagħżlu li jagħmlu xi ħaġa pożittiva, li jimpenjaw ruħhom fl-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew ta’ kuljum jagħmlu atti żgħar – dawn il-ġesti għandhom tant valur kbir! – bħal, ngħidu aħna, jgħidu kelma, isellmu, jgħidu “bonġu” jew jagħtu tbissima, affarijiet li ma
    jiswew xejn imma li jistgħu jnisslu t-tama, jiftħu t-toroq, jibdlu l-ħajja ta’ persuna li tgħix fil- ħabi, u jibdlu wkoll ħajjitna fil-konfront ta’ din ir-realtà. 

    Irridu nagħrfu li ninsabu quddiem fenomenu mondjali li jmur ‘ hinn mill-kompetenzi ta’ komunità jew nazzjon singoli. Biex negħlbuh hemm bżonn mobilitazzjoni ta’ daqs li jkun komparabbli mal-fenomenu nnifsu. Għal din ir-raġuni nagħmel appell imqanqal lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, u lil kull min, fil-qrib jew mill-bogħod, anki fil-livelli l-aktar għolja talisitituzzjonijiet, huma xhieda tal-pjaga tal-iskjavitù kontemporanja, biex ma jkunux kompliċi f’dan il-ħażen, biex ma jdawrux ħarsthom in-naħa l-oħra quddiem is-sofferenzi ta’ ħuthom flumanità, mneżżgħin mill-libertà u mid-dinjità, imma jkollhom il-kuraġġ li jmissu l-laħam ta’ Kristu li qed ibati (12), li jidher fil-wiċċ ta’ għadd kbir ta’ dawk li Hu stess isejjaħ «ħuti ż- żgħar» (Mattew 25, 40-45). Nafu li Alla jitlob lil kull wieħed u waħda minna: «X’għamilt b’ħuk?» (cfe Ġenesi 4,9-10). Il-globaliżżazzjoni tal-indifferenza, li llum ittaqqal il-ħajja ta’ tant ħutna, titlob minna li nsiru atturi ta’ globaliżżazzjoni tas-solidarjetà u tal-fraternità, biex lil dawn il-vittmi ntuhom lura ttama u biex, mimlijin bil-kuraġġ jerġgħu jibdew it-triq fost il-problemi ta’ żmienna bil-prospettivi
    ġodda li jġib miegħu u li Alla jqegħedilna f’idejna. 

    Mill-Vatikan, it-8 ta’ Diċembru 2014
    FRANĠISKU

    Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber


    [1] N. 1.
    [2] Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 2013, 2.
    [3] Cfr Eżort. Ap Il-ferħ tal-Vanġelu 11.
    [4] Cfr Diskors lid-delegazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjoni tad-Dritt Penali, 23 ta’ otubrue
    2014: L’Osservatore Romano, 24 ta’ Otturbu 2014, p. 4.
    [5] Diskors lill-parteċipanti tal-Laqgħa Dinjija tal-Movimenti Popolari,, 28 ta’ Otturbu 2014:
    L’Osservatore Romano, 29 ta’ Ottubru 2014, p. 7.
    [6] Cfr Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi, Il-vokazzjoni tal-mexxejja tal-impriżi. Riflessjoni.
    Milan u Roma, 2013.
    [7] Benedittu XVI, Enċiklika. Caritas in veritate, 66.
    [8] Messaġġ lis-Sur Guy Ryder, Direttur Ġenerali tal-Organiżżazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, flokkażjoni tal-103 sessjoni tal-Konferenza tal-O.I.L. 22 ta’ Mejju 2014: L’Osservatore Romano, 29 ta’
    mejju 2014, p. 7.
    [9] Benedittu XVI, Enċiklika Caritas in veritate, 5.
    [10] «Peremzz tal-għarfien ta’ din it-tama hi kisbet “ir-redenzjoni”, ma ħassithiex aktar skjava imma
    bint ħielsa ta’ Alla. Kienet tifhem dak li ried id=fisser Pawlu meta lill-Efesin fakkarhom li qabel
    kienu mingħajr tama u mingħajr Alla fid-dinja – mingħajr tama għax mingħajr Alla» Benedittu XVI,
    Enċiklika Spe salvi, 3.
    [11] Diskors lill-parteċipanti tat-Tieni Konferenza Internazzjonali Niġġieldu t-traffikar uman: IlKnisja
    u l-Infurzar tal-liġi f’”partnership” 10 ta’ April 2014: L’Osservatore Romano, 11 ta’ April 2014, p. 7; cfr Eżort. ap. Il-Ferħ tal-Evanġelju, 270.
    [12] Cfr Eżort. ap. Il-Ferħ tal-Evanġelju, 24; 270.