Il-ħajja tallum saret tellieqa. Veru li l-ħajja kif tagħmilha. Imma, bl-esperjenza ta’ ħajti, l-Ispirtu s-Santu jgħallimni wkoll li l-ħajja hi kif jagħmluhielek ukoll. Almenu parti minnha.

Waqt li qed naqsam magħkom dawn iż-żewġ idejat qed nintebaħ li t-tnejn li huma idejat estremi. U jekk il-qawl Latin jgħid In medio stat virtus, jiġifieri li l-virtù tinstab fit-triq tan-nofs, allura l-virtù f’din is-sitwazzjoni hi kif se nġib ruħi meta nkun maqbud bejn Scylla u Charybdis. Niftehmu, żewġ kurrenti dejjem kurrenti hux! Faċli ħafna li l-bastiment ta’ ħajjitna jaf jeħel ma’ xi sikka bejn żewġ kurrenti u l-poppa tar-raġuni u tal-kalma tagħna tibda’ titkisser bl-imwieġ (ara Atti 27:41). Imma anki hawn soluzzjoni dejjem qiegħdha hemm.

F’ħajti fl-isptar, il-Mulej minn dejjem jgħallimni l-verità ta’ din il-biċċa għerf li jagħtini minn żmien għall-ieħor: aħjar nemmen għax niġġennen. Aktar mal-Mulej jagħtini l-grazzja sabiħa li ngħix aktar din qed ifakkarhieli biex ifhemhieli u jfehmieli aħjar. Iwa! Aħjar nemmen għax niġġennen. Mhux l-ewwel darba li fil-ħajja nispiċċa maqbud bejn żewġ sikek. In-nies fuq naħa u l-proċedura fuq l-oħra. In-nies ta’ barra u dawk tal-kunvent. Ix-xogħol u t-talb. L-idejal iffriżat u maqtugħ mill-art u fl-arja għar-realtà tan-nies li qed togħkrob u tolfoq għall-għajnuna tal-akkumpanjament. X’se nagħmel?

Aħna limitati. Għandna kemm għandna rieda tajba jasal mument li għal ċerti ħwejjeġ wieħed irid jagħmel stop. Inkella għall-ġol ħajt. Dan sieħeb ir-regoli tal-ħajja ikkonsagrata. Ir-regoli bażiċi jibqgħu imma kemm wieħed jiflaħ jissodisfa kriterji? Għidli int jgħajjix? U, ngħid jien, mela l-ispiritwalità għandha tissarraf f’regoli? Safejn naf jien regola waħda teżiżti: dik tal-imħabba. U mbagħad hemm l-Ispirtu s-Santu li jmexxina Hu fis-sitwazzjoni li tippreżenta ruħha quddiemna.

Jekk hu veru dak li kien qal it-teologu magħruf Karl Rahner, jiġifieri li n-Nisrani tal-futur jew inkun mistiku inkella ma jkun Nisrani xejn, ilkoll kemm aħna qegħdin ngħixu f’ambjent fejn jew tkun mistiku inkella titkisser. Il-mistiku m’huwiex dak li jinqata’ mill-art tafux. Li kieku kien hekk kieku jien l-ewwel wieħed li minix mistiku. Ma naranix xi wieħed li jinqata’ mill-art. Anzi! Aktar u aktar narani bħala wieħed ankrat waħda sew mal-art! 

Imma niżżi ħajr minn qalbi lill-Mulej li ħajti qatt ma kienet ward u żahar tafux. U niżżi ħajr lill-Mulej ukoll li ġieli xi nies, meta staqsewni kif int, weġibthom: Illum brodu. Illum ħażin. Meta din il-ħaġa qsamtha ma’ psikologu ħabib tiegħi dan qalli: Patri, tinsix li int bniedem. U veru! Anki jien bniedem! Anki jien, f’dawn il-waqtiet, inħossni bla saħħa quddiem ċerti sitwazzjonijiet.

Jgħadduli ħsibijiet minn moħħi meta kollox jibda’ jmurli ħażin? Uuu kemm jgħadduli! Appuntu għax bniedem! U bniedem, dejjem safejn naf jien, iħoss. Għalhekk, u għall-grazzja tal-Mulej, minix tal-ħadid imma tad-demm u l-laħam. Imma, u proprju sewwa sew f’din is-sitwazzjoni iebsa tat-tbatija tal-frustrazzjoni li l-Mulej jgħallimni nara mħabbtu għalija fil-qagħda mwegħra li nkun għaddej minnha. Tiskanta li, lil hinn minn dak li nħoss kull darba li nispiċċa iddiżappuntat, meta ngħajjatlu jwieġeb!

Qed niftakar f’esperjenza li għaddejt minnha dan l-aħħar fejn kienet iebsa. Jiena u sejjer għall-għajnuna, mill-kuritur twil u dejjaq li kont għaddej minnu, bdejt ngħidlu minn qalbi: Iwa Ġesù, jaqaw insejtni? Għaliex insejtni?! Emmnuni li għedtlu dawn il-kelmiet mill-fond nett nett ta’ qalbi. U għedthomlu b’tant ħrara u b’fidi, anki jekk imgeżwra sewwa f’dieqa kbira tal-qalb u bi pressjoni tad-demm m’għola s-sema. Madankollu, fis-skiet ta’ dak kollu li jien, ħassejtu jismagħani.

U x’kien ir-riżultat? Li l-affarijiet ġew sewwa u min qdieni fakkarni f’Ġesù għax kellu ismu. Għalija din kienet konferma mill-isbaħ li Ġesù, meta mmorru għandu, dejjem jismagħna u jintervjeni f’ħajjitna. Kulma jrid hu li nsejħulu. Li niġu bżonnu. Li niftħulu qalbna. Li ngħidulu, bħal Pietru, li kien se jegħreq: Salvani, Mulej! U kif jista’ il-Mulej Ġesù ma jsalvanix meta ngħajjatlu waqt li r-riħ ikun qawwi u l-biża’ jinkesa miegħi u, fil-pront, naħbat nibda’ negħreq? (ara Mt 14:30).

B’dawn il-kelmtejn irrid nagħmel kuraġġ lil dawk li, bħali, jiġu waqtiet fil-ħajja fejn jibda’ jinqalagħlhom minn kollox. Problema wara l-oħra. U, tant kemm tkun problema li l-effetti skomdi u kbar tagħha jibdew jinħassu. Ejjew inkunu realistiċi. Problemi jibqgħu jinqalgħu fil-ħajja. Ma naqbilx ma’ dawk li jgħidu li fil-ħajja problemi ma jeżiżtux imma biss sitwazzjonijiet. La għandna l-għadu li hu kontrina dan se jivvinta fuq li jivvinta biex itelfilna l-paċi ta’ qalbna. Għalhekk, kif jgħidilna tant tajjeb San Pietru fl-Ewwel Ittra tiegħu, iqfulu, sħaħ fil-fidi (1 Pt 1:9). 

Barra minhekk, u fl-istess nifs, San Pietru jgħid: Intom tafu li ħutkom, imxerrdin fid-dinja, qegħdin jaqsmu magħkom l-istess tbatijiet tagħkom (1 Pt 1:9). Dan ifisser li ħutna l-oħra ukoll għandhom il-problemi tagħhom. Anki ħutna l-oħra mħabbtin bħalna. U għax din hi r-realtà, San Pawl Missierna jagħtina dan il-parir ferm għaqli għal ħajjitna: Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin, u hekk tkunu qegħdin tħarsu l-liġi ta’ Kristu (Gal 6:2).

Anki fl-eħrex problemi li ngħaddu minnhom, il-Mulej dejjem jipprovdilna persuni li jagħmlulna kuraġġ. Fl-esperjenza tiegħi, li ma kinitx taċ-ċajt, il-Mulej bagħtli nies taz-zokkor li urewni ħniena kbira u għenuni mhux ftit. Nammetti li mhux kulħadd għeni bl-istess mod madankollu lkoll għenuni. U ta’ dan jiena niżżi ħajr lil Ġesù għalihom ilkoll, wieħed wieħed u waħda waħda. Wara kollox din l-esperjenza, li kellha wkoll waqtiet ta’ umiljazzjoni fejn ħassejtni patata u bla saħħa, għallmittni kemm għandi nkun umli fil-ħajja. Ma jfissirx li għax issa għaddej tajjeb mhux se jżurni l-għawġ u mhux ħa ngħaddi mill-morsa tal-prova. Għalhekk hu importanti li nimxi b’umiltà u li nipprova nkun ta’ għajnuna għal kulħadd.

Barra minhekk, fil-waqtiet fejn jien stess ħassejtni frustrat u ma nafx x’se naqbad nagħmel, tgħallimt li f’dawn il-mumenti għandi nieqaf, nitlob u noqgħod b’seba’ mitt għajn għas-sinjali ta’ tweġiba li l-Mulej beda jagħtini. Abbli tistaqsini: Imma kif inkun naf Patri li jkun il-Mulej u mhux moħħi jew li qed niffissa? Int agħmel l-ewwel pass u kellmu. U tarah kif jibda’ iwieġbek. Tant hu hekk li ġewwa fik dlonk tibda’ tinbet it-tweġiba għad-diffikultà li tkun fiha. Jibda’ jiġrilek li tibda’ tiskot u tiffokka, imma mhux tiffissa, fuq it-tweġiba li tkun qed tikber bħal siġra f’qalbek.

Waqt li terħilha għal għonq it-triq biex tasal f’dik id-destinazzjoni tagħmel tajjeb jekk tiftaħ ftit widnejk u għajnejk għal sinjali oħra li jistgħu jeħduk fejn tinstab is-soluzzjoni. U hekk, wara li twettaq dan il-vjaġġ ta’ fidi, tasal fejn hi s-soluzzjoni vera u ssalva. Il-paċi terġa’ taqa’ fuqek u tintebaħ bl-għerf li ħaddant li ssejjaħ lill-Mulej. Għax, kif jgħidilna tant tajjeb Salm 34: Min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu (S 34:11).

Minn din l-esperjenza nixtieq ngħid lil kull wieħed u waħda minnkom: Qatt tgħidu: Mhux jismagħni. Le! Kun pro-attiv u pro-attiva bħall-butir! Sejjaħlu! Għajjatlu! Talba sabiħa li nixtieq nissuġġerilek hi dik li nsibu f’Salm 17 li tgħid hekk: Nsejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla; ressaq widintek lejja, isma’ kliemi. Uri t-tjieba tiegħek ta’ l-għaġeb; int li teħles mill-għedewwa lil min jittama fil-leminija tiegħek. Bħal ħabba ta’ l-għajn ħarisni, għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni (S 17:6-8).

Jekk trid agħmilha fuq il-mobile tiegħek din it-talba, tellagħha Facebook u aqsamha mal-ħbieb tiegħek ta’ Facebook. Tibżax itellagħha l-aktar meta jibda’ jinqalgħalek minn kollox. Għax hemm, u f’dak il-waqt, li xi ħaġa kbira u qaddisa tkun qed isseħħ f’ħajtek. It-tweġiba se toħodha aktar ‘il quddiem …

Minn Patri Mario Attard OFM Cap