-
-
Il-Ġimgħa 21 ta’ Ottubru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fil-festa ta’ Sant’Ursola, fil-Knisja ddedikata għaliha, il-Belt Valletta. Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa ħadu sehem is-Sorijiet tal-Monasteru tal-Klawsura u Membri tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Knisja ta’ Sant’Ursola, il‑Belt Valletta
21 ta’ Ottubru 2016
“Min se jakkuża l‑magħżulin ta’ Alla? Min se jikkundannahom?” (Rum 8, 33‑34). Din il‑mistoqsija li l‑appostlu Missierna San Pawl ipoġġi lir‑Rumani, għandha risposta negattiva.
Hija risposta li hemm bżonn niftakru u għandna bżonn ngħixu għax “jekk Alla huwa magħna, min jista’ jkun kontra tagħna? Hu li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħnihiex ukoll kollox miegħu?” (vv. 31‑32). Hawnhekk San Pawl qed jikteb f’kuntest ta’ persekuzzjoni. Kienet għadha żgur ma bdietx il‑persekuzzjoni vjolenti fl‑Imperu Ruman kollu, imma meta kiteb lir‑Rumani, l‑appostlu Missierna kien diġà membru ta’ komunità li daqet l‑ewwel persekuzzjoni wara l‑martirju ta’ Stiefnu u li minħabba fiha, l‑Insara ta’ Ġerusalemm kellhom jitferrxu mal‑Palestina kollha u mal‑Lvant Nofsani kollu. Kienet l‑ewwel diaspora, l‑ewwel eżilju tal‑Insara minħabba l‑persekuzzjoni. Bħalma jiġri f’ħafna okkażjonijiet din id‑disperjoni kienet tfisser l‑eżilju minn djarhom, it‑turufnament tagħhom u l‑konfiska tal‑propjetà tagħhom. Kienet esperjenza trawmatika u negattiva imma serviet biex l‑Evanġelju jasal f’qasir żmien, f’postijiet fejn wieħed kien jgħid: “imma kif se jasal l‑Evanġelju hawnhekk?”
Aħna nafu xi tfisser li inti tkun ikkundannat biex tidher quddiem l‑Imperatur? Pawlu għażel din l‑opportunità li kellu, fi triqtu lejn il-ġudizzju quddiem l-Imperatur u fil‑kundizzjoni ta’ ħabsi li spiċċa fiha.
Din il‑ġimgħa kelli mmur Ruma, bħalma nagħmel kull xahar għax‑xogħol tiegħi fil‑Vatikan, u filgħaxija x’ħin wasalt kelli l‑opportunità nkun preżenti għad‑difiża tat‑teżi ta’ wieħed mis‑saċerdoti tagħna. Wara imbgħad mort kif inħobb nagħmel ninvista fil‑knisja għażiża ta’ Santa Marija f’Via Lata, li hija l‑isem antik ta’ Via del Corso. Ħafna Maltin jafuha għax‑shopping imma Via del Corso mhux għalhekk biss qiegħda, hemm ukoll knejjes għeżież, waħda minnhom antikissima li hija mibnija fuq il‑post fejn Pawlu u Luqa għexu kif waslu Ruma.
Meta mort il‑kripta din id‑darba li hija ambjent ta’ l‑ewwel sekli, kienet miftuħa, u nzertat il‑festa ta’ San Luqa, il‑post fejn l‑appostlu Missierna u Luqa, il‑kumpann fidil tiegħu ‑ li rrakkonta fl‑Atti tal‑Appostli l‑vjaġġ bil‑waqfa anke f’Malta ‑ kienu jgħixu. Hemmhekk Pawlu għex ta’ kkalzrat, filfatt minn hemmhekk kiteb diversi ittri fejn hu jirreferi għall‑ktajjen li kellu jġorr. Għad hemm din il‑kolonna li magħha hemm marbuta l‑katina tqila u twila li magħha kien marbut il‑priġunier Pawlu, li kif tafu, għamel sentejn priġunier. Għalkemm Pawlu kellu wkoll l‑opportunità li jivvjaġġa, imma dejjem kien akkumpanjat minn gwardja.
Ma’ din il‑kolonna hemm siltà mill‑appostlu Missierna, ħa ngħidha bil‑Latin kif inhi mnaqqxa fuq din il‑kolonna: ‘Verbum Dei alligatum non est’, ‘il‑Kelma ta’ Alla mhijiex marbuta’. Mela hu kien bniedem ikkundannat u marbut ma’ katina, imma l‑Kelma ta’ Alla ma tistax tintrabat. Il‑Kelma, li għalkemm min jgħidha jkun marbut, ikun ippersegwitat, jew saħansitra kkundannat, jgħaddi kontinwament minn din il‑litanija ta’ twegħir li jsemmi l‑appostlu Missierna: “taħbit, dwejjaq, persekuzzjoni, ġuħ, għera, tiġrib, xabla” (v. 35). Min jgħidha l‑Kelma jkun suġġett għal din is‑sitwazzjoni drammatika kollha, imma l‑Kelma mhix marbuta. Il‑Kelma ta’ Alla tħalli l‑frott. Tħalli l‑frott għalkemm aħna l‑jum kollu qegħdin ningħataw għall‑mewt, “aħna li aħna meqjusa bħal nagħaġ għall‑qatla” (v. 36), tħalli l‑frott mingħajr ma aħna nkunu nafu, lil hemm minn kull ħolm ambizzjuż tagħna, għax il‑Kelma ta’ Alla mhix marbuta.
Għalhekk l‑Evanġelju ta’ San Mattew, miktub ukoll mill‑komunità li x’aktarx kienet diġà bdiet tgħaddi minn persekuzzjoni għax il‑persekuzzjoni hija dejjem mal‑Knisja sa’ mill‑bidu nett. Il‑Mulej jitkellem dwar il‑firda li jista’ jkun hemm saħansitra bejn il‑familji minħabba l‑Kelma tiegħu: “għad jerħukom f’idejn il‑qrati, jagħtukom is‑swat fis‑sinagogi tagħhom, itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija”. Għalkemm dan kollu jsir b’għan persekutorju, il‑Mulej jgħid: “biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il‑pagani” (Mt 10, 17‑18).
In‑Nisrani m’għandux jippretendi l‑ħajja komda għax il‑Mulej ma wegħednix ħajja komda u l‑esperjenza tad‑dixxipli qatt ma kienet hekk. Iva, wegħedna li minkejja l‑persekuzzjoni, minkejja li nħossuna li aħna limitati, li ħaddieħor jimxi f’karriera, fin‑negozju, fl‑għana, fil‑poter, u inti għax inti dixxiplu, le. L‑effett tax‑xhieda tiegħek mhix fil‑kontroll tiegħek, m’għandek l‑ebda dritt, lanqas mir‑rieda tiegħek, imma mill‑pjan ikbar u mill‑providenza ħafna ikbar tal‑Mulej. Din hija dejjem providenza ta’ ħniena, ta’ mħabba u għalhekk providenza ta’ libertà.
“Lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l‑aħħar, dan isalva” (v. 22). Il‑Mulej jitlob minna l‑paċenzja tal‑perseveranza. Ħafna drabi it‑tentazzjoni tan‑Nisrani li jkun iġġieled u jirritona d‑dar mimli feriti tat‑taqbida, hija li jaqta’ qalbu, ‘dan it‑taħbit kollu għalfejn?’ Il‑Mulej jitlobna l‑perseveranza li nżommu sħiħ sa’ l‑aħħar. Is-salvazzjoni, għal min iżomm sħiħ sa’ l‑aħħar, hija esperjenza li tibda minn din id‑dinja, mhix xi ħaġa utopika li ssibha ’l quddiem. Aħna ma nwiegħdux affarijiet li ma nkunux diġà bdejna ngħixuhom minn hawn. Min irid jemmen fil‑ġenna, jobdi lil Ġesù u jibda jkollu esperjenza tagħha minn hawn, u tgħiduli: “kif se tkun din?” Il‑paċi fil‑qalb tiegħek” Tgħidli: “imma jiena f’kompromess mal‑ħażen”. Itlob maħfra, patti għal dnubieti u dik il‑paċi li tħoss meta tkun irrikonċiljat mal‑Mulej, hija l‑anti-camera tal‑esperjenza tal‑ġenna.
Aħna u niċċelebraw il‑martri bħalma qegħdin niċċelebraw llum lil Sant’ Ursula, ma niqfux nitolbu għad‑don tal‑qawwa, li tagħtik il‑ħeġġa u l‑għerf spiritwali li permezz tagħhom tagħżel it‑tajjeb u tevita l‑ħażin, anzi twarrbu. Fil‑każ ta’ Sant’Ursola aħna qegħdin ukoll nirringrazzjaw lill‑Mulej għad‑don tal‑verġinità. Fit‑talba tal‑Knisja spiss jissemma d‑don tas‑safa. Is‑safa hija vokazzjoni għal kulħadd: għall‑miżżewġin u għal min mhux miżżewweġ. Hija r‑rispett fundamentali tal‑ġisem ta’ kull wieħed u waħda minna, kemm f’atteġġjament personali kif ukoll fl‑atteġġjament tal‑proxxmu, għax lill‑proxxmu aħna rridu nuruh l‑imħabba. Fiż‑żwieġ, ir‑raġel juri l‑imħabba lejn martu, u martu lejn żewġha, dik ukoll hija esperjenza ta’ safa għax is‑safa mhix li l‑lingwaġġ sesswali jieqaf imma li jkun appropjijat ‑ kollox f’waqtu u f’ħinu. Iż‑żwieġ huwa mbierek, huwa safi, mentri min hu ċelebi, is‑safa jsir silenzju li ħafna drabi jieqaf minħabba xi stonatura ’l hawn u ’l hemm, imma aħna nerġgħu mmorru lejn is‑Salvatur u ngħidulu: “fl‑armonja tal‑vokazzjoni tiegħi, stunajt” u jerġa jagħtina l‑armonija ta’ dik is‑safa li bħalma nitolbu fil‑festa ta’ San Alwiġi jekk ma ngħixuhiex, almenu nimitawh bil‑penitenza.
Inħoss li din, hija la chiamata di tutti. Illum dak il‑għan tagħna, li nitolbu maħfra lill‑Mulej f’kull mument ta’ ħajjitna u hekk inkunu nistgħu nimitaw is‑safa tal‑martri. Mhux għax ma nitolbux, imma għaliex kull meta nitolbu, nirrealizaw li għandna bżonn nersqu lejn il‑maħfra li jagħti l‑Mulej. Irridu niċċelebraw is‑safa tal‑verġni li kienet safa indivisa: l‑imħabba ta’ Ġesù l‑għarus tagħhom, imħabba esklussiva. Ursola ħabbet lil Ġesù u fil‑proxxmu tagħha rat lilu.
Hija sejħa ta’ kull Nisrani għax is‑safa tal‑qalb mhix kwistjoni biss tas‑sitt kmandament imma fuq kollox hija ta’ l‑ikbar kmandament: “ħobb lil Alla bil‑qalb tiegħek kollha, b’moħħok, bl‑ispirtu, bir‑ruħ tiegħek, u lill‑għajrek bħalek innifsek”. Is‑safa tal‑qalb hija li jiena f’ħija nara l‑ikona ta’ Ġesù, l‑immaġini tal‑Imgħallem, mhux xi ħadd li jiena nisfrutta, jew inkella ninqeda bih fl-aspett soċjali, f’kull aspett u f’kull livell. Dik hija s‑safa, is‑safa tal‑qalb li għandna bżonn nimitaw aħna u nagħtu unur lill‑martri verġni flimkien mad‑don tal‑qawwa. Il‑mewt tal‑martri hi meqjusa, għal min ma jemminx, bħall-qerda, smajna fil-Ktieb tal-Għerf, “qishom sefgħu fix-xejn għax twarrbu mid-dnub, iżda huma jinsabu fis‑sliem”. “Il‑martirju” kif iħobb jgħid il‑Papa Franġisku, “huwa karatteristika tal‑Knisja u tax‑xhieda tagħha”. Wara kollox il‑kelma ‘xhieda’ bil‑Grieg tfisser ‘martus’. Il‑kelma martri tfisser xhud.
Aħna rridu nsellmu llum waqt li nfakkru lil Sant’Ursola, lil tant Insara li huma persegwitati mingħajr ma jinqatlu għax huma diskriminati, għax huma mhumiex vantaġġjati bħal ħaddieor, għax il‑metodi tagħhom huma antikwati, huma l‑martri tal‑lum. Niftakru wkoll f’dawk min sħabna Kattoliċi u Nsara li qegħdin jinqatlu għall‑Isem ta’ Ġesù, mhux ilbieraħ, imma llum stess. Insellmu lil dawn ħutna li ġew insejħa għal din l‑għotja totali bħalma kien imsejjaħ għall‑għotja totali dak is‑saċerdot Franċiż li, għax il‑kappillan kien holiday – ġietu tajba – mar saċerdot anzjan kien qed jiċċelebra l‑Ewkaristija, lil ftit nies li kien hemm u spiċċa b’għonqu mħanxar għarrkubbtejh quddiem l‑artal. Dawn huma l‑affarijiet tal‑lum, mhux tal‑bieraħ!
Aħna u niċċelebraw il‑martri tal‑bieraħ, niftakru fil‑martri tal‑lum mhux biex naqtgħu qalbna, imma biex nagħmlu kuraġġ għaliex il‑kelma tal‑appostu Missierna tibqa’ vera u mhix marbuta. “Jekk Alla huwa magħna. min jista’ jkun kontra tagħna?” (Rum 8, 31). “La ż‑żmien ta’ issa u la ta’ li ġej, la s‑setgħat, la l‑għoli u lanqas il‑fond, u l‑ebda ħlieqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill‑imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù” (vv. 38‑39).
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja