• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     

  • Knisja Parrokkjali, l-Iklin
    3 ta’ Mejju 2018

    Filippu jidħol fi djalogu ma’ Ġesù f’kuntest emottiv ħafna għal Ġesù, li hija l-aħħar ikla tiegħu  mad-dixxipli qabel il-mewt. U f’dan il-mument Ġesù jaqsam mad-dixxipli dak kollu li hemm fil-qalb tiegħu. Filippu jistaqsih dwar l-identità tiegħu, u hu jinsisti li huwa ħaġa waħda mal-Missier. Ħafna drabi meta nkunu għaddejjin minn mumenti ta’ tbatija fil-ħajja tagħna tiġina l-mistoqsija: ‘Imma fejn hu Alla?’ U llum nisimgħu r-risposta ta’ Ġesù li jinsisti li biżżejjed tħares lejn il-wiċċ tiegħu u jkollok ir-risposta tal-preżenza ta’ Alla. Ħafna drabi, fil-mumenti ta’ diffikultà u ta’ tbatija, mhuwiex biss utli imma neċessarju li nħarsu lejn il-wiċċ ta’ Ġesù msallab. Fil-wiċċ ta’ Ġesù msallab nilmħu l-wiċċ tal-iben ta’ Alla magħmul bniedem li qed jobdi. Il-wiċċ ta’ min lil Mulej il-Missier qallu: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int” (Mt 26:39). Huwa l-wiċċ ta’ min fuq is-salib ħafer lil min sallbu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). Huwa wkoll il-wiċċ ta’ min fuq is-salib ħaseb f’ommu: “‘Mara, hawn hu ibnek.’ Imbagħad qal lid-dixxiplu: ‘Hawn hi ommok’” (Ġw 19, 26-27).

    Fuq is-salib ukoll wiegħed il-ġenna lil wieħed mill-ħallelin li ssallbu miegħu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23:43). Il-wiċċ ta’ Ġesu fuq is-salib ma jurix biss kemm għandu għatx għalina, li nkunu ħaġa waħda miegħu, imma juri li jaf ukoll jintelaq f’idejn ir-rieda tal-Missier. F’dan l-att biss ta’ tbatija u ta’ abbandun, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46), u f’dik l-għajta ta’ Ġesù msallab, hemm miġbura t-tbatija kollha li wieħed jista’ jgħaddi minnha, għaliex kultant, fl-abbiss tat-tbatija, inħossuna abbandunati.  Imma mbagħad ifejjaqna meta nisimgħuh jgħid: “Kollox mitmum!” (Ġw 19:30), “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23:46).

    Mela meta nistaqsu, ‘Fejn hu Alla’, ejjew inħarsu lejn il-Mulej imsallab, lejn il-wiċċ tiegħu, u nisimgħuh jgħid is-seba’ kelmiet* għeżież: li jiġbru dak kollu li għandna bżonn nisimgħu biex infiequ fir-ruħ tagħna.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

    *Is-seba’ kelmiet huma: ·“Missier aħfrilhom,” hi kelma ta’ maħfra u ħniena. · It-tieni, “Illum tkun il-Ġenna miegħi,” hi wegħda ta’ salvazzjoni. · It-tielet, “Mara, ara ibnek,” turi r-rispett ta’ Ġesù lejn ommu Marija. · Ir-raba’, “Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” tesprimi t-toqol bla qies tal-kastig li kien fuqu. · Il-ħames, “Għandi l-għatx,” tixhed għall-umanità u t-tbatija tal-Feddej. · Is-sitta, “Kollox mitmum,” hi għajta trijonfanti. · Is-seba’, “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi,” hi talba ta’ fiduċja sħiħa fil-Missier.

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: 1Kor 15:1-8
    Salm: 18
    Evanġelju: Ġw 14: 6-14

     

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace