-
-
Ingħataw dettalji tat-22 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza bl-appoġġ ta’ Radju RTK biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tal-Providenza tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħha. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu t-Tlieta, 12 ta’ Diċembru 2017.
Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza: Li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar; li jara b’għajnejh xi proġetti u inizzjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar; li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjiebu u fl-aħħarnett, iżda mhux linqas, hu li jitwassal il-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: Is-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
Is-Sur Anton Attard f’isem RTK, qal li tul it-22 sena li ilha ssir din il-Maratona, RTK għen biex jinġabru aktar minn €10 miljun għall-bżonnijiet ta’ din id-dar. “L-impenn u l-ħeġġa tall-pubbliku kienu bħaż-żerriegħa tal-mustarda li miċ-ċokon tal-ewwel ġabra, illum qed tkun organizzata maratona fuq livell nazzjonali” qal is-Sur Attard. Huwa spjega li din is-sena ukoll RTK se jkun qed jgħin lil din l-inizjattiva u radd ħajr lil nies bħal Tonio Bonello u Sonia Young li kienu strumentali biex bdiet din l-attività annwali.
Il-Festa ta’ Ġenerożità, tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.
Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn ’l fuq minn 100 artist, kemm Maltin kif ukoll barranin. Din is-sena, l-pubbliku jista’ jara minn qabel dawn ix-xogħolijiet tal-arti f’wirja li se ssir fil-foyer tal-bini tal-Parlament bejn is-16 u 26 ta’ Diċembru 2017. Il-wirja tkun miftuħa kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9.00am sal-5.00pm waqt li s-Sibt il-ftuħ ikun bejn id-9.00am u s-1.00pm. Il-wirja se tkun inawgurata mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Dr Anġlu Farrugia, nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Diċembru fil-5.00pm.
Nhar l-1 ta’ Jannar, jum il-Festa ta’ Ġenerożità, dawn ix-xogħolijiet se jkunu wkoll esibiti fid-Dar tal-Providenza. Kull min jixtieq jieħu sehem f’dan l-irkant jista’ jibbiddja online fuq www.dtpauction.com bejn il-15 ta’ Diċembru 2017 u l-1 ta’ Jannar 2018. Nhar l-1 ta’ Jannar wieħed jista’ wkoll jibbidja billi jċempel fuq in-numru li se jkun jidher waqt ix-xandira televiżiva tal-Festa ta’ Ġenerożità fuq l-istazzjonijiet ewlenin jew billi jiġi fis-sala tad-Dar tal-Providenza fejn se jsir l-irkant. Mill-15 ta’ Diċembru, wieħed jista’ faċilment jara l-katalgu sħiħ tax-xogħlijiet tal-arti billi jidħol fuq www.dtpauction.com
Għal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar ma jkunux jistgħu iżuru d-Dar tal-Providenza, l-Kampanja li tagħlaq f’nofsillejl, se tkun trasmessa live fuq l-istazzjonijiet televiżivi.
Donazzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon:
Donazzjoni €10 – 516 02 012
Donazzjoni €15 – 517 02 013
Donazzjoni €25 – 518 02 014
-