Il-Mexxejja tal-Knisja fil-Korea t’Isfel qed jappellaw għall-paċi fil-Korea wara l-attakk li seħħ fil-jiem li għaddew mill-Korea ta’ Fuq fuq il-gżira ta’ Yeonpyeong. Fr Johannes Kim Yong-hwan, Kanċillier tad-Djoċesi ta’ Incheon, li tkopri Yeonpyeong, asserixxa li r-relazzjonijiet bejn il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel, marru għall-agħar taħt it-tmexxija tal-Gvern preżenti. Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet UCA, huwa appella lill-Korea t’Isfel sabiex “tintroduċi djalogu li jqarreb iż-żewġ naħat”.
Fr Kim innota tħassib għar-residenti tal-gżira, li madwar 450 minnhom huma kattoliċi. Fl-attakk ta’ nhar it-Tlieta, erba’ persuni nqatlu u mill-inqas 18-il persuna oħra, ħafna minnhom truppi, indarbu. Fr Baptist John Kim Hun-il, Segretarju Eżekuttiv tas-Sotto-Kumitat għall-Għajnuna lill-Korea ta’ Fuq taħt il-Kumitat tal-Isqfijiet Koreani għar-Rikonċiljazzjoni, appella lill-Korea ta’ Fuq sabiex jevita l-attakki.
“Huwa inuman li fil-mira ta’ attakki jkun hemm ċivili u djar tagħhom, u dan jista’ jwassal għal traġedja ikbar fil-peninsula Koreana”, qal Fr Kim. Huwa temm iħeġġeġ ukoll lill-Korea t’Isfel sabiex tevita li tirreaġixxi għall-attakki tal-Korea ta’ Fuq waqt li tfittex id-djalogu.
INCHEON, South Korea, NOV. 24, 2010 (Zenit.org)