L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna u nfakkru lil San Ġosafat, nifhmu iżjed għaliex il-Mulej jinsisti ħafna fuq ir-realtà kiefra li jkollu jbati min-nisel ta’ żmienu u li jkun miċħud. Għaliex il-martri jgħixu f’ġisimhom dan l-istess proċess: jagħtu ħajjithom imma jkun hemm min mhux biss iġagħalhom ibatu imma wkoll li jiċħduhom. Fihom, fil-mewt tagħhom, hemm din il-kontinwazjoni tat-traġedja tal-umanità li tiċħad, li tirreżisti lil Ġesù u lil min hu tiegħu.

Xi ħaġa oħra li nixtieq naqsam magħkom fid-dawl tal-Evanġelju tal-lum hi l-fatt li l-Mulej jinsisti ħafna li l-miġja tiegħu nindunaw li waslet meta tasal. Mhux qed jgħidilna li se tasal għada jew iktar tard illum, ma nafux. Żgur li mhux se jkollna dubji fuqha u għalhekk min iwegħedna ħafna affarijiet li: ‘idħol magħna u ssalva żgur’, ‘idħol magħna u tara ’l Alla u l-Madonni’, u ħafna nies li joħolqu gruppi għax mingħalihom qed tkellimhom il-Madonna jew tkellimhom il-Qalb ta’ Ġesù – tmorrux warajhom. Agħmlu pjaċir lilkom infuskom.

Ħafna nies li joħolqu gruppi għax mingħalihom qed tkellimhom il-Madonna jew tkellimhom il-Qalb ta’ Ġesù – tmorrux warajhom. Agħmlu pjaċir lilkom infuskom.

Min ikellmu Ġesù jirrepeti l-kliem tal-Evanġelju għax dak kollu li ried jgħidilna Ġesù, qiegħed fil-Kotba Mqaddsa. M’hemmx għalfejn jidher xi ħadd bravu quddiemna u jkellimna f’isem l-Imgħallem. Jekk ikellimna f’isem l-Imgħallem, jirrepeti dak li hemm fl-Evanġelju.

Għalhekk nitolbu ’l Alla biex nippurifikaw ruħna minn ħafna superstizzjonijiet, ħafna għatx għad-dehriet u għall-mirakli. Ejjew inkunu konkreti, nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù li l-Knisja tħabbrilna kuljum fil-quddiesa, kull nhar ta’ Ħadd, fil-liturġija tal-Kelma. U llum ukoll għandna l-faċilità li nsibu l-Kelma ta’ Alla fuq il-mezzi soċjali, fuq l-internet.

Jiena nieħu pjaċir ninnota kemm nies għandhom għatx għall-Kelma t’Alla, għall-Bibbja bil-Malti. Issa għandna l-ħames edizzjoni li qiegħda diġà disponibbli fl’idejn. Kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna nifhmu li s-saltna t’Alla qiegħda fostna. M’hemmx għalfejn ikollna affarijiet spettakolari biex niltaqgħu mal-Mulej. Wara kollox, jekk inti tiltaqa ma’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna, dak hu Ġesù għalik illum.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Fil 7-20
Salm: 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10
Evanġelju: Lq 17, 20-25