L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Se noffrilkom ħsieb ċkejken billi naqsam magħkom xi ħsibijiet fuq it-talb għażiż li għallimna San Ġorġ Preca. L-ewwel talba li nixtieqkom tiftakru – dan kollu talb sempliċi – hi din: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.” Bl-Ingliż: “Dear Lord, I need you.” Hu tajjeb li nitolbuha ħafna din it-talba għax biha San Ġorġ Preca qed jgħallimna nduru lejn Alla u ngħidulu, kif kien iħobb jirrepeti hu: “kollox minnek, kollox għalik, inti tmexxi kollox.”
San Ġorġ kien iħobb jilmenta, kien igerger kultant, li aħna ngħixu donnu Alla ma jeżistix. Imma meta inti lil Alla tgħidlu ‘jien għandi bżonnok’, inti qed tirrealizza l-ewwel nett li int ħolqien tiegħu, jiġifieri Alla ħalqek. Tgħidli mhux ommi u missieri għamluni jien? Iva. Imma wara dik il-providenza hemm ukoll l-id tal-imħabba t’Alla. Jien għandi bżonnok Mulej, biex teħlisni mill-ħażen li hemm fija u madwari. Sinjur Alla jiena għandi bżonnok. Għandi bżonnok biex tagħtini l-paċi fil-qalb tiegħi.
Talba oħra, din għedniha diġà fil-bidu tal-quddiesa: “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla.” Lil Alla tgħidlu li għandna bżonnu, tajjeb. Imma tajjeb ukoll li tieqaf u tgħidlu thank you – grazzi. Grazzi tal-ħolqien; grazzi tal-ħbieb; grazzi tad-don tas-saħħa; tad-don tal-intelliġenza; li għandi skola fejn immur, li għandi min jgħallimni; għandi min jieħu ħsiebi: Grazzi.
Imma wkoll li tgħidlu aħfrili, għax meta ngħidu hekk lil Alla, aħna nagħrfu li mhux dejjem ngħixu kif suppost, mhux dejjem inħobbu kif suppost. Meta aħna nitolbu maħfra lil Alla, ngħidulu aħfirli, qegħdin nitolbu li jagħtina l-paċi tiegħu.
Lil Alla importanti tgħidlu li għandek bżonnu. Imma tajjeb ukoll li tieqaf u tgħidlu grazzi. Grazzi tal-ħolqien, grazzi tal-ħbieb, grazzi tad-don tas-saħħa, tad-don tal-intelliġenza, li għandi skola fejn immur u li għandi min jgħallimni, grazzi li għandi min jieħu ħsiebi. Grazzi Mulej.
U jiena nispiċċa bit-tislima li San Ġorġ Preca għallem lis-segwaċi, lil dawk li kienu jgħixu miegħu, jitgħallmu miegħu, lis-segwaċi tiegħu. Kien jgħallimhom li jsellmu lil xulxin bit-tislima li Ġesù ta lid-dixxipli meta rxoxta. X’kienet din? L-isqof jgħidha fil-bidu tal-quddiesa: “Il-paċi miegħek.” Kemm tkun ħaġa sabiħa li nifhmu din it-tislima kemm hi sabiħa. Fil-fatt, qabel it-tqarbin jiena se ngħidilkom “agħtu l-paċi lil xulxin”, u intom idduru lejn xulxin u tgħidu: “il-paċi miegħek.” Xi ħaġa li nagħmluha fil-quddiesa qabel nitqarbnu. San Ġorġ Preca xtaq li din tkun it-tislima bejn is-soċji tal-M.U.S.E.U.M, imma tkun ħaġa sabiħa li nibdew nużawha bejnietna. Tista’ tgħidlu: Il-Paċi miegħek. Qed nitolbok tgħinni ħalli jkolli l-paċi, qed naqsam miegħek li inti jkollok il-paċi f’qalbek. Anke kulturi oħra jużawha din it-tislima: ‘Salam’ bl-Għarbi u ‘Shalom’ bl-Ebrajk. Sliem, il-Paċi miegħek.
Mela dawn it-tliet kelmiet għeżież għal Dun Ġorġ: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.’” “Grazzi Sinjur Alla u aħfirli Sinjur Alla,” u t-tislima sabiħa ta’ Ġesù: “Il-Paċi miegħek.”
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta