Il-Kelliem għall-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi qal li sa tmiem din is-sena hu possibbli li tasal l-ewwel enċiklika ta’ Papa Franġisku. Il-kelliemi qal lill-ġurnalisti li l-Papa Emeritus Benedittu XVI, kien diġa ħareġ materjal fuq it-tema tal-fidi, b’ħafna kienu jaħsbu li r-raba’ enċiklika tiegħu kienet se tkun ittra fuq il-virtu teoloġika tal-fidi. Ħafna kienu jbassru li din kellha toħroġ fl-ewwel nofs ta’ dis-sena, li pero, rat lil Benedittu XVI iċedi l-papat u jagħti lok għal tmexxija tal-Knisja mis-suċċessur tiegħu.
Opinjonisti u osservaturi qalu li mhux barra min-normal li Papa jibni fuq dak li jkun beda diġa predeċessur tiegħu. Tissemma t-tieni parti tal-ewwel enċiklika ta’ Benedittu XVI, Deus Caritas Est, li kienet diskussjoni diġa mibdija mill-Beatu Ġwanni Pawlu II. Disa’ xhur wara li kien elett, Benedittu XVI kien ħareġ prodott finali tad-dokument wara intervent ta’ amendi fih.
Osservaturi jispekulaw li l-ewwel xogħol ta’ Papa Franġisku hu ferm possibbli li jdur mat-tema tal-faqar, li s’issa kienet tema ċentralissima f’ħidmet il-Papa l-ġdid.
Il-Papa Emeritus Benedittu XVI, li mir-riżenja tiegħu ‘l hawn kien f’Castel Gandolfo, ma jdumx ma jkun trasferit lejn il-binja renovata fil-ġonna tal-Vatikan.
Intant, jissemma wkoll minn diversi opinjonisti li sa tmiem dis-sena, il-Knisja possibbli tara lill-Beatu Ġwanni Pawlu II dikjarat qaddis.