L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Din hi l-kelma tal-Mulej Alla ta’ Iżrael: il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt u l-kus taż-żejt ma jitbattalx sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż” (1 Slat 17:14). Dan il-kliem il-Mulej jgħidhom f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, f’sitwazzjoni ta’ karistija, f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ xita. In-nuqqas tax-xita kien ifisser nuqqas ta’ ikel, nuqqas ta’ frott fir-raba’.

Elija jmur f’belt, f’ambjent ostili għall-bniedem għax m’għadux jagħti frott u jasal quddiem waħda armla tiġbor il-ħatab, il-ħuxlief niexef li baqa’ mill-ambjent li m’għadux jagħti frott għax m’hemmx xita, allura m’hemmx ilma. U l-profeta jitlobha belgħa ilma x’jixrob (1 Slat 17:10). U hi ġġiblu l-ftit ilma li baqa’ għax la ma tagħmilx xita lanqas ilma m’hemm. Imbagħad jitlobha kisra ħobż. “M’għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli” (1 Slat 17:12).

L-istorja smajnieha fl-ewwel qari: “La tibżax mur u għamel kif għedtlek” (1 Slat 17:13) għax fil-ġenerożità tagħha din l-armla fqira kienet qaltlu: “Inħejji xi ħaġa għalija u għal ibni, imbagħad nikluha u mmutu” (1 Slat 17:12). “Imma qabel ma tagħmel dan,” qalilha, “agħmel ftira żgħira għalija u ġibhieli. Imbagħad għamel għalik u għal ibnek” (1 Slat 17:13). Dak il-ftit dqiq u l-ftit żejt li baqagħlek, il-Mulej jieħu ħsieb hu biex ikattarlek.   

Ejjew nifhmu xi jfissru d-dqiq u ż-żejt. Id-dqiq ġej mill-qamħ midħun. Iż-żejt hu frott iż-żebbuġ magħsur, l-isem ta’ dan il-post għażiż. Ifakkarna kemm kien importanti sa mill-qedem iż-żejt taż-żebbuġ f’art twelidna. Ħafna drabi l-qamħ kien ikun impurtat għax ma kellniex biżżejjed għal kulħadd imma qatt ma kien jonqos iż-żejt sakemm kellna s-siġar taż-żebbuġ. Imma fit-tnejn li huma: il-qamħ u ż-żejt hemm proċess ta’ tħin u ta’ għasir. Hemm il-proċess li l-element jitkisser, jitfarrak, jintagħsar biex imbagħad joħroġ l-element li nistgħu nużaw.       

Għażiż Arċipriet Dun Albert, il-Mulej qed jafdalek id-dqiq u ż-żejt tal-komunità tiegħu. Ftakar dejjem li kull ftit dqiq u kull kus żejt li tiltaqa’ miegħu fil-familji tal-parroċċa għażiża ta’ Ħaż-Żebbuġ, għadda minn dan il-proċess ta’ tbatija, ta’ tħin, ta’ għasir. Il-ħabba tal-qamħ jekk ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ weħidha, imma jekk tmut tagħti ħafna frott. U inti u tħabbat il-bibien tar-raħal u tiltaqa’ man-nies b’xi demgħa f’għajnejhom, b’xi tbissima fuq xufftejhom, ftakar f’kemm qamħ u żejt midħunin u magħsurin hemm wara kull wiċċ.

Imma afda wkoll f’Alla. Mill-ftit dqiq li tagħtik il-komunità inti se toffri l-Ewkaristija lill-familja ta’ Ġesù. Bil-qawwa li tak il-Mulej fl-ordinazzjoni saċerdotali tiegħek inti tittrasforma t-tbatija tal-poplu, il-qamħ mitħun tal-familji tagħna bil-ġisem għażiż ta’ Ġesù. U ż-żejt li jagħtuk inti toffrih lill-isqof biex bil-barka tiegħu jsir żejt li jikkonsagra, ifarraġ, iqawwi u jiddedika lill-aħwa. Imma ifhem li dawn l-elementi li l-Mulej għażel għall-għeżeż sinjali ta’ mħabbtu, fihom għandhom ukoll il-proċess tat-tbatija li tgħaddi minnha kull persuna u kull familja.

Il-ħarsa tiegħek trid tkun il-ħarsa ta’ Ġesù li ma jimpressjonax ruħu bil-kwantità, bl-istorbju, jew bil-fanfarunati imma jħares lejn il-qalb u jifhem li mhux kemm tagħti imma kif tagħti

Inti rajt fid-dawl tan-Nisrani taħt id-dell ta’ pajjiżna. Din il-parroċa ddedikata lil San Filep, iddedikata wkoll lil Omm Ġesù, li San Filep ħabb u xandar bħala dik li tbeżża’ lix-xjaten – terror daemones. Marija kienet armla wkoll. Meta miet Ġużeppi kienet tiddependi għalkollox fuq ix-xogħol ta’ binha Ġesù, bin il-mastrudaxxa. U meta l-Mulej sejjaħlu u l-ispirtu mbuttah biex jitlaq Nazaret u jibda tliet snin ta’ dik li ngħidulha l-missjoni pubblika tiegħu, lil ommu ħallieha weħidha. Min se jieħu ħsiebha? L-uniku tifel li kellha telaq mid-dar, ma jistax imantniha iżjed, anzi għandu bżonn min imantni lilu. Afdaha f’idejn il-qraba tagħha, f’idejn oħtha li mbagħad niltaqgħu magħha taħt is-salib ta’ Ġesù.

Imma din l-armla ta’ Nazaret, Marija, baqgħet fil-qalb ta’ binha Ġesù. U nimmaġinah kull meta kien jiltaqa’ ma’ armla f’dawk it-tliet snin, il-ħsieb tiegħu kien imur immedjatament f’ommu l-għażiża ġo Nazaret, mitluqa kien hemm il-providenza ta’ Alla: armla fqira li tat kollox lill-Mulej. Jekk kien hemm armla li tat kulma kellha biex tgħix, kienet Marija. L-offerta tagħha kienet totali; l-offerta tagħha kienet ukoll l-offerta ta’ Binha l-mastrudaxxa li permezz tiegħu setgħet tgħix hi ħajja ta’ dinjità.

Imma hu jħares lejn tant nies li taw ħafna. Il-Mulej jirrealizza li dik l-armla fqira li tat dawk iż-żewġ muniti ċkejknin, tat iżjed mill-oħrajn kollha għax tat kulma kellha biex tgħix (Mk 12:44). L-offerta tiegħek, Fr Albert, trid tkun din it-tip ta’ offerta. Il-ħarsa tiegħek trid tkun il-ħarsa ta’ Ġesù li ma jimpressjonax ruħu bil-kwantità, bl-istorbju, jew bil-fanfarunati imma jħares lejn il-qalb u jifhem li mhux kemm tagħti imma kif tagħti, mhux il-paroli fl-imħabba imma l-għixien tal-imħabba. Il-Mulej jagħtik li tkun ragħaj dehen ta’ dan il-poplu, li inti mhux biss tikber fl-imħabba lejn San Filep imma wkoll lejn il-poplu ddedikat minn Alla lilek u nawgurawlek li f’dan il-poplu qaddis issib poplu ġeneruż, li meta titolbu tazza ilma jagħtihielek anke jekk imħallta bid-dmugħ tiegħu u tiegħek, u meta titolbu ftit dqiq u ftit żejt, ma jibżax jafdalek ħajtu għax inti preżenza ta’ Ġesù fit-toroq ta’ dan ir-raħal.    

Jalla l-Mulej jinqeda bik u bi sħabek, il-kleru, li l-Mulej irid jafda lil dan il-poplu biex iqajjem vokazzjonijiet qaddisa li jibnu l-komunità u l-komunità tinbena b’żewġ sagramenti importanti: iż-żwieġ Nisrani u s-saċerdozju. San Filep ikun l-għajnuna u l-eżempju tiegħek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slat 17:10-16
Salm: 145(146):7,8-9a,9bċ-10
Qari II: Lhud 9:24-28
Evanġelju: Mk 12:38-44

Aktar ritratti >>