“Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu” (ara Ġen 2:18). Mill-bidu, Alla, li hu imħabba, ħalaqna għall-komunjoni u żejjinna b’ħila li hemm f’kull wieħed u waħda minna li nidħlu f’relazzjoni mal-oħrajn. Ħajjitna, li hija xbieha tat-Trinità, hija maħsuba biex titwettaq b’mod sħiħ permezz ta’ relazzjonijiet, ħbiberiji u mħabba reċiproka. Aħna konna maħluqa biex inkunu flimkien, u mhux waħedna. Propju għax dan il-pjan ta’ komunjoni għandu l-għeruq tiegħu fil-fond tal-qalb ta’ kull bniedem, l-esperjenza ta’ meta nħossuna abbandunati jew meta nħossuna waħedna narawha bħala xi ħaġa tal-biża’, li tweġġagħna, għax hi xi ħaġa diżumana. Dan isir agħar fi żmien ta’ vulnerabbiltà, inċertezza u insigurtà, ikkawżati ħafna drabi minn xi marda serja.
Bħalissa jiġuni f’moħħi dawk kollha li sabu ruħhom waħedhom matul il-pandemija tal-Covid-19: il-pazjenti li ma seta’ jżurhom ħadd, iżda niftakar ukoll fil-ħafna infermiera, tobba u staff mediku mgħobbijin bix-xogħol u magħluqin fi swali ta’ iżolament. Naturalment, ma nistgħux ma niftakrux f’dawk il-persuni kollha li kellhom jaffaċċjaw is-siegħa tal-mewt tagħhom waħedhom, assistiti biss minn ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa, iżda ʼl bogħod mill-familji tagħhom.
Jiena naqsam ukoll l-uġigħ, it-tbatija u l-iżolament li jħossu dawk li, minħabba l-gwerra u l-konsegwenzi traġiċi tagħha, jibqgħu mingħajr appoġġ u għajnuna. Il-gwerra hija l-aktar marda soċjali li hi tal-biża’, u taffettwa l-iktar lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli.
Fl-istess ħin, irrid ngħid li anke f’pajjiżi fejn hemm il-paċi u riżorsi akbar, iż-żmien tax-xjuħija u tal-mard spiss wieħed jgħixhom fis-solitudni u, xi drabi, anke fl-abbandun. Din ir-realtà ta’ dieqa hija prinċipalment konsegwenza tal-kultura tal-individwaliżmu, kultura li għaliha l-iktar importanti hija l-produttiviità u l-effiċjenza akkost ta’ kollox, u hekk issir kultura li hija indifferenti u bla ħniena lejn dawk il-persuni li ma jkollhomx aktar is-saħħa meħtieġa biex iżommu l-pass mal-ħajja. Imbagħad issir kultura li tarmi lin-nies, kultura fejn il-persuni ma jibqgħux jitqiesu li għandhom valur importanti ħafna, u li għandhom jiġu kkurati u rrispettati, speċjalment meta jkunu fqar jew b’diżabilità, ‘għax dawn m’għandniex bżonnhom’ – bħalma huma t-trabi fil-ġuf, jew bħalma huma l-anzjani li m’għadx għandna bżonnhom (Fratelli Tutti, 18). Sfortunatament, dan il-mod ta’ ħsieb imexxi wkoll ċerti deċiżjonijiet politiċi li ma jkunux iffukati fuq id-dinjità tal-persuna umana u l-bżonnijiet tagħha, u mhux dejjem jippromwovu l-istrateġiji u r-riżorsi meħtieġa biex jiżguraw li kull bniedem igawdi d-dritt fundamentali tas-saħħa. u aċċess għall-kura tas-saħħa. Fl-istess ħin l-abbandun tan-nies vulnerabbli u l-iżolament tagħhom huwa kkawżat ukoll meta jitnaqqsu s-servizzi tal-kura tas-saħħa u meta ma jkunx hemm kordinament bejn it-tobba, il-pazjenti u l-membri tal-familja.
Nagħmlu sew jekk nisimgħu għal darb’oħra l-kliem tal-Bibbja: “Mhux sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu!” Alla qal dak il-kliem fil-bidu tal-ħolqien u b’hekk uriena t-tifsira profonda tal-pjan tiegħu għall-umanità, iżda fl-istess ħin, il-ġerħa tad-dnub, li jidħol fina fin fin, dan inissel fina suspetti, ġlied, firdiet u għaldaqstant iżolament. Id-dnub jattakka lill-persuni u r-relazzjonijiet kollha tagħhom: ma’ Alla, magħhom infushom, mal-oħrajn, u mal-ħolqien. Iżolament bħal dan iġiegħelna nitilfu t-tifsira ta’ ħajjitna; ineħħi l-ferħ tal-imħabba u jġiegħelna nħossu sens ta’ oppressjoni, jiġifieri li nħossuna weħidna fil-mumenti kruċjali tal-ħajja tagħna.
Ħuti, l-ewwel forma ta’ kura li jkollna bżonn fi kwalunkwe marda hija li jkun hemm nies qrib tagħna li juruna mogħdrija u mħabba. Li tieħu ħsieb il-morda għalhekk ifisser fuq kollox li tieħu ħsieb ir-relazzjonijiet tagħhom, kollha kemm huma: ma’ Alla, mal-oħrajn – membri tal-familja, mal-ħbieb, mal-ħaddiema tas-saħħa –, mal-ħolqien u magħhom infushom. Jista’ jsir dan? Iva, dażgur li jista’ jsir. Aħna lkoll imsejħin biex niżguraw li dan iseħħ. Ejjew inħarsu lejn l-ikona tas-Samaritan it-Tajjeb (ara Lq 10,25-37), lejn il-ħila tiegħu li jnaqqas il-ġirja li kien għaddej biha, u jersaq lejn persuna oħra, inħarsu lejn l-imħabba tenera li biha dewwa l-feriti ta’ ħuh li kien qed ibati.
Ejjew niftakru din il-verità ċentrali fil-ħajja tagħna: ġejna fid-dinja għax xi ħadd laqagħna; konna maħluqin biex inħobbu; u aħna msejħin għall-komunjoni u l-fraternità. Dan l-aspett ta’ ħajjitna huwa dak li jsostnina, fuq kollox fi żminijiet ta’ mard u vulnerabbiltà. Din hija l-ewwel terapija li lkoll irridu nadottaw sabiex infejqu l-mard tas-soċjetà li ngħixu fiha.
Lil dawk minnkom li għaddejjin mill-mard, kemm jekk temporanju jew kroniku, ngħidilkom dan: Tibqgħux lura milli turu x-xewqa tagħkom għall-qrubija u t-tenerezza tal-oħrajn! Taħbuhiex, u qatt taħsbu li intom piż fuq ħaddieħor. Il-kundizzjoni tal-morda tħeġġeġ lilna lkoll biex nieqfu mir-ritmu ta’ ħajjitna biex nerġgħu niskopru lilna nfusna.
F’dan iż-żmien ta’ bidla epokali, aħna l-insara b’mod partikolari aħna msejħin biex ikollna l-ħarsa mimlija mogħdrija ta’ Ġesù. Ejjew nieħdu ħsieb dawk li jbatu u li huma waħedhom, emarġinati jew imwarrbin. Ejjew indewwu l-ġrieħi tas-solitudni u l-iżolament permezz tal-imħabba lejn xulxin, dik l-imħabba li Kristu l-Mulej jagħtina fit-talb, speċjalment fl-Ewkaristija. B’dan il-mod inkunu qed ngħinu fil-ġlieda kontra l-kultura tal-individwaliżmu, l-indifferenza u r-rimi tan-nies, u nkabbru l-kultura ta’ tenerezza u kompassjoni.
Il-morda, il-vulnerabbli u l-foqra huma fil-qalb tal-Knisja; iridu jkunu wkoll fil-qalb tal-inkwiet uman taagħna u jkunu fl-attenzjoni pastorali tagħna. Jalla ma ninsewh qatt dan! U ejjew infaħħru lill-Imqaddsa Verġni Marija, Saħħa tal-Morda, biex tinterċedi għalina u tgħinna nkunu bennejja ta’ relazzjonijiet fraterni u li nkunu qrib l-oħrajn.
Ruma, San Ġwann fil-Lateran, 10 ta’ Jannar 2024
Franġisku
Sors: laikos.org