L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Sejjaħ lejh lid-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax li semmiehom appostli” (Lq 6:13). Qegħdin nagħmlu llum il-festa ta’ tnejn minn dawn l-appostli – San Xmun u San Ġuda – u din is-silta mill-Evanġelju skont San Luqa turina l-għażla ta’ dawn it-tnax li Ġesù sejħilhom appostli. Hu kellu d-dixxipli, jiġifieri dawk li jimxu warajh, u kellu dawk li għażel minn fost id-dixxipli, it-tnax, li semmiehom appostli, kelma li tfisser “mibgħutin”. Għażel partikolarment dawn it-tnax biex jagħtihom din il-missjoni. Nafu li dawn huma s-sisien tal-Knisja, li r-ras tagħhom hu Pietru, fejn Ġesù hu “l-ġebla tax-xewka” (Ef 2:20). L-appostli għandhom missjoni biex imbagħad jgħinu d-dixxipli kollha ta’ Ġesù biex jagħrfu l-missjoni tagħhom fid-dinja llum.
Nixtieq li naraw b’liema mod Ġesù għażel lil dawn it-tnax. X’għamel l-ewwel? Tela’ “lejn l-għoljiet biex jitlob” (Lq 6:12) , u għadda ħin twil jitlob. Ma kinetx biss: ħa ngħidu talba qabel ma ssir l-għażla. Imma għadda ħin twil jitlob. L-għażla kienet frott tat-talb tiegħu, tal-għaqda tiegħu mal-Missier. F’dan diġà Ġesù jgħallimna ħafna kemm hu importanti t-talb, u li nsibu ħin għat-talb. It-talb mhuwiex xi ħaġa miżjuda, jew xi ħaġa biex sempliċiment nibdew attività jew nispiċċawha. Imma t-talb jgħinna biex aħna mmorru f’ras il-għajn, ħalli hemmhekk nirċievu l-qawwa, nirċievu l-għajnuna għall-għażliet li rridu nagħmlu.
Imbagħad Ġesù għażel dawn it-tnax. X’jolqtok f’dawn it-tnax li għażel Ġesù? L-ewwel nett, dawn ma kinux kapijiet – la kapijiet fil-ħajja ċivili, lanqas kapijiet fil-ħajja reliġjuża. Dawn ma kinux nies prominenti, jew nies ta’ għerf kbir magħrufin dak iż-żmien. Dawn kienu nies ta’ ħajja ordinarja – uħud minnhom sajjieda, oħrajn kellhom xogħol ieħor. Ġesù għażel lilhom biex minnhom jagħmel dawn l-appostli li jibgħathom ixandru l-Aħbar it-Tajba. Tolqtok ukoll f’dawn kif ma kinux nies perfetti. Ġesù ma għażilx bħala appostli nies mingħajr dnub, jew mingħajr ħtija, jew mingħajr limitazzjonijiet, nies perfetti. Ma għażilx hekk. Imma għażel nies li kellhom id-difetti tagħhom u d-dnubiet tagħhom. U nafu li l-Evanġelju stess lanqas jipprova jaħbi n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħhom. Nafu li l-kap tagħhom, Pietru, kien dak li ċaħad lil Ġesù; wieħed minnhom ittradih – Ġuda Iskarjota kif naqraw “li mbagħad ittradieh” (Lq 6:15) – u nafu li kollha, ħlief wieħed, fil-passjoni, meta Ġesù kien imsallab, telqu, ma dehrux. Ġesù għażel lilhom, imma minnhom għamel dawn l-appostli.
Ġesù kien jiffurmahom, kellu biċċa xogħol b’ħafna paċenzja biex jagħtihom formazzjoni. Imma mbagħad kien proprju wara l-mewt u l-qawmien tiegħu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li niżel fuqhom, li dawn saru appostli li mhux biss iħabbru lil Ġesù, imma jmorru f’diversi postijiet fid-dinja – kif smajna fil-kelma ta’ Alla: marru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba. Ara l-qawwa li tahom Ġesù bl-Ispirtu tiegħu biex dawn isiru tassew appostli tiegħu. Mhux minħabba l-kapaċità tagħhom waħedha, imma anzi għax ħallew lil Ġesù jibdilhom u jagħmilhom appostli tiegħu. Kien Ġuda biss li ma mexiex fl-istess triq tal-appostli l-oħra, imma l-oħrajn, minkejja d-difetti tagħhom, saru appostli kbar fil-Knisja u permezz tagħhom il-Knisja xterdet mad-dinja ta’ dak iż-żmien. Illum nagħtu qima lil Alla ta’ dawn l-appostli li huma s-sisien tal-Knisja.
X’inhu l-messaġġ għalina llum? L-ewwel nett li aħna napprezzaw il-ħidma u x-xhieda ta’ dawn l-appostli li, kif nafu, is-suċċessuri tagħhom huma l-isqfijiet. Imma l-kelma ta’ Alla stess turina kif aħna lkoll kemm aħna għandna sehem importanti fil-missjoni tal-Knisja. U r-responsabbiltà tal-appostli hi proprju li jħeġġu lil kulħadd biex jagħrfu dan is-sehem tagħhom. Naraw fl-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin, jgħid: “intom ċittadini flimkien mal-qaddisin u n-nies tad-dar ta’ Alla, mibnija lkoll fuq is-sisien tal-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka” (Ef 2:19-20). Hu jgħid: hu permezz ta’ Kristu li jinġabar kulħadd, u li lkoll nagħrfu din ir-responsabbiltà li għandna: li nxandru l-Bxara t-Tajba lill-oħrajn.
Nirringrazzjaw lil Alla, illum speċjalment għal dawn iż-żewġ appostli, anke jekk huma tnejn li ftit nafu fuqhom, speċjalment San Xmun, imma kellhom din il-missjoni importanti fil-Knisja; u nitolbu lill-Mulej biex nagħrfu lkoll kemm aħna s-sehem li għandna, f’din il-Knisja, li nwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju