L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”. Dal-kliem qalu Ġesù lil Xmun. U żgur li tolqotna l-kelma “blata”, għax meta aħna naħsbu fi “blata” f’moħħna tiġi xi ħaġa soda, li tista’ sserraħ fuqha; imma mbagħad, meta naħsbu fi Xmun – għalih qed jgħid Ġesù “blata” – naraw bniedem li ma tantx kien “blata” fil-fatt. Fl-Evanġelju nsibuh bniedem ta’ qalb kbira, dejjem jipprova jitkellem hu għax iħobb verament lil Ġesù, imma ma tantx dejjem tista’ sserraħ fuqu. Fil-fatt, nafu x’għamel fil-Passjoni meta ċaħad lil Ġesù għal tliet darbiet.
Għaliex Ġesù jgħidlu “blata”? Hawnhekk qed jgħidlu hekk Ġesù meta Pietru għamel dik l-istqarrija tal-fidi “Inti l-Messija, bin Alla l-ħaj”. Kontra dak li kienu jaħsbu ħafna min-nies – min jgħid li Ġesù hu ħaġa u min jgħid oħra – Pietru qallu li hu l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Hi din l-istqarrija tal-fidi li hi l-blata, u Ġesù jgħidlu lil Xmun: inti għedtha din, mhux sempliċiment għax qalhielek xi ħadd li jifhem, imma Missieri li hu fis-smewwiet uriek dan. Kien proprju mnebbaħ minn Alla biex jagħmel din l-istqarrija tal-fidi u jgħid: “Inti l-Messija, bin Alla l-ħaj”.
Għalhekk il-“blata” mhijiex sempliċiment il-bniedem fih innifsu, bid-dgħufija, bid-difetti, bid-dnubiet tiegħu. Imma hi meta Pietru jħalli lilu nnifsu jiġi ispirat minn Alla, bil-qawwa ta’ Alla, li jista’ jagħti din ix-xhieda u hekk ikun tassew “blata”.
Dak hu Pietru. Hu l-ewwel xhud ta’ Kristu li hu ħaj. Hu joħroġ imbagħad f’Pentekoste jħabbar lil Kristu li hu ħaj. Hemmhekk sar hu l-ewwel xhud, għalhekk Pietru hu r-ragħaj tal-Knisja universali
Nafu bil-bidla, it-trasformazzjoni, li saret f’Pietru proprju bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla. Dal-bniedem li ċaħad lil Ġesù, li f’mumenti minnhom anke ma qabilx ma’ Ġesù – kellu idea differenti bħal meta Ġesù qallu “itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla imma f’dawk tal-bnedmin!” (Mk 8:33) – dal-bniedem ħalla lilu nnifsu jiġi mibdul, ittrasformat, u sar l-ewwel xhud tal-qawmien ta’ Kristu.
Dak hu Pietru. Hu l-ewwel xhud ta’ Kristu li hu ħaj. Hu joħroġ imbagħad f’Pentekoste jħabbar lil Kristu li hu ħaj. Hemmhekk sar hu l-ewwel xhud, għalhekk Pietru hu r-ragħaj tal-Knisja universali. U s-suċċessur ta’ Pietru hu l-Papa, illum il-Papa Franġisku, u għandu din il-missjoni: li jkun l-ewwel xhud ta’ Kristu li huwa ħaj, u li jwassal din l-Aħbar it-Tajba.
F’din l-okkażjoni tal-lum niftakru fil-qawwa ta’ Alla li taħdem fid-dgħufija tagħna, u minkejja d-difetti u d-dnubiet tagħna, li turi lilha nnifisha bħalma wriet f’Pietru; u niftakru wkoll illum b’mod speċjali fis-suċċessur ta’ Pietru, li hu l-Papa Franġisku, biex nitolbu ħafna għalih ħalli l-Mulej jgħinu jaqdi din il-missjoni kbira li fdalu f’idejh bħala ragħaj tal-Knisja universali. Għandu missjoni diffiċli, iħabbat wiċċu ma’ ħafna diffikultajiet, imma Alla jgħinu biex jaqdi b’fedeltà, b’ġenerożità u bi mħabba kbira din il-missjoni bħala suċċessur ta’ Pietru.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju