Miljuni ta’ ċittadini minn pajjiżi madwar id-dinja kollha jidħlu fit-territorju tal-Vatikan kull sena sabiex iżuru l-Mużewijiet tal-Vatikan u l-Bażilika ta’ San Pietru, inkella jittawlu waqt li l-Papa jkun qed jitlob it-talba tal-Angelus il-Ħadd f’nofsinhar. Pero, huma biss 572 persuna li jistgħu jitolbu ċittadinanza tal-Vatikan. Dan irriżulta f’ċifri mogħtija fi ftuħ ix-xahar ta’ Marzu.
Dawk tal-aħħar huma dawk li jħorru dik li probabbilment hija l-iktar Karta tal-Identita esklussiva fid-dinja, maħruġa mill-iStat tal-Belt tal-Vatikan. Minn dawn, jirriżulta li 32 biss huma nisa. L-aġenzija li tirregola l-ħajja fl-iżgħar pajjiż fid-dinja, ippubblikat l-istatistika dwar in-nies li jgħixu fil-Vatikan. Il-fatti u ċ-ċifri maħruġa kienu jinkludu kompji tar-regolamenti ġodda ffirmati mill-Papa dwar iċ-ċittadinanza, ir-residenzi u l-aċċess għal żoni mhux miftuħa għall-pubbliku in ġenerali.
L-Isqof Giorgio Corbellini, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Uffiċċju tat-tmexxija tal-iStat tal-Vatikan, spjega fi stqarrija li r-regoli l-ġodda huma aġġornament tar-regoli li nkitbu fl-1929 taħt it-Trattat mal-Italja magħruf bħala ‘Lateran Pacts’. Skont ir-regoli l-antiki, residenti kienu obbligati jaċċettaw ċ-ċittadinanza, issa xi nies bħal rġiel jew nisa miżżewġin lil impjegati, jistgħu ma jkunux ċittadini tal-Vatikan.
Kien speċifikat li ċ-ċittadini tal-Vatikan jinkludu lill-Papa, t-73 Kardinal, li jgħixu fil-Vatikan jew f’Ruma, it-306 membru tal-Korp Diplomatiku tal-Papa, 49 saċerdot u reliġjuż, soru waħda, 86 Gwardja Svizzeru u 25 lajk u 31 lajka, ħafna minnhom impjegati tal-Vatikan, flimkien ma’ żwieġhom u wliedhom.